LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 1/15 pp. 12-16
  • L-Indokraturi u l-Qaddejja Ministerjali Jinħatru b’Mod Teokratiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Indokraturi u l-Qaddejja Ministerjali Jinħatru b’Mod Teokratiku
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħatra Teokratika Mhux Demokratika
  • Maħturin mill-​Ispirtu Qaddis
  • ‘Aħtar, Skond ma Ordnajtlek’
  • Grati għall-​Gwida taʼ Jehovah
  • Mistoqsijiet mill-qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Aħtar anzjani
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2019
  • Il-qaddejja ministerjali jagħtu servizz siewi
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Indokraturi biex jirgħu l-merħla
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 1/15 pp. 12-16

L-​Indokraturi u l-​Qaddejja Ministerjali Jinħatru b’Mod Teokratiku

“Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-​merħla kollha li l-​Ispirtu s-​Santu għamilkom għassiesa tagħha.”—ATTI 20:28.

1, 2. Kif qed jitwettaq Isaija 60:22?

ŻMIEN twil ilu, Jehovah bassar li fiż-​żmien taʼ l-​aħħar kellha tiġri xi ħaġa taʼ l-​għaġeb. Permezz tal-​profeta Isaija ntqal: “L-​iżgħar fostkom isir tribù [“elf,” KŻ] u l-​iċken isir ġens qawwi. Jien il-​Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.”—Isaija 60:22.

2 Hemm xi evidenza li din il-​profezija qed titwettaq illum? Iva, tabilħaqq! Matul is-​snin sebgħin tas-​seklu 19, twaqqfet kongregazzjoni tan-​nies taʼ Jehovah f’Allegheny, Pennsylvania, fl-​Istati Uniti. Minn bidu daqshekk żgħir ħarġu għaxriet t’eluf taʼ kongregazzjonijiet li qed ikomplu jiżdiedu mad-​dinja kollha. Miljuni taʼ proklamaturi tas-​Saltna issa qed jassoċjaw maʼ iktar minn 91,000 kongregazzjoni f’235 pajjiż madwar id-​dinja. Ġens qawwi tabilħaqq! Bla dubju, dan jikkonferma li Jehovah qed iħaffef il-​ġbir taʼ l-​adoraturi veri qabel ma tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira, li issa qegħda fuq l-​għatba.—Mattew 24:21; Apokalissi 7:9-​14.

3. X’ifisser li titgħammed ‘fl-​isem tal-​Missier, taʼ l-​Iben, u taʼ l-​ispirtu s-​santu’?

3 Wara li ddedikaw ruħhom personalment lil Jehovah, u fi qbil maʼ l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù, dawn il-​miljuni tgħammdu “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.” (Mattew 28:19) Li jitgħammdu “fl-​isem tal-​Missier” ifisser li dawn l-​individwi dedikati jirrikonoxxu lil Jehovah bħala Missierhom tas-​sema u d-​Donatur tal-​ħajja u jissottomettu ruħhom għas-​sovranità tiegħu. Il-​magħmudija ‘fl-​isem taʼ l-​Iben’ tfisser li huma jistqarru lil Ġesù Kristu bħala l-​Feddej, il-​Mexxej, u s-​Sultan tagħhom. Huma jagħrfu wkoll l-​irwol li għandu l-​ispirtu qaddis t’Alla, jew il-​forza attiva tiegħu, f’li jiggwidalhom ħajjithom. Dan juri li huma tgħammdu ‘fl-​isem taʼ l-​ispirtu s-​santu.’

4. Kif jiġu ordnati l-​ministri Kristjani?

4 Fil-​magħmudija tagħhom, id-​dixxipli l-​ġodda jiġu ordnati bħala ministri t’Alla Jehovah. Min jordnahom? Bażikament, il-​kliem li nsibu fit-​2 Korintin 3:5 (NW) japplika għalihom: “Li aħna kwalifikati b’mod adegwat [bħala ministri] jiġi minn Alla.” Huma ma setgħux jixtiequ unur akbar milli jiġu ordnati minn Alla Jehovah nnifsu! Wara l-​magħmudija tagħhom, huma se jkomplu jikbru spiritwalment bħala ministri taʼ l-​aħbar tajba dment li jaċċettaw it-​tmexxija taʼ l-​ispirtu t’Alla u jkomplu japplikaw il-​Kelma tiegħu.—Mattew 24:14; Atti 9:​31.

Ħatra Teokratika Mhux Demokratika

5. Huma l-​indokraturi Kristjani u l-​qaddejja ministerjali magħżulin b’mod demokratiku? Spjega.

5 Sabiex tkun tistaʼ tingħata attenzjoni xierqa għall-​bżonnijiet spiritwali taʼ l-​għadd li dejjem jiżdied taʼ ministri attivi, hemm bżonn taʼ superviżjoni matura minn indokraturi kwalifikati kif ukoll għajnuna siewja minn qaddejja ministerjali. (Filippin 1:1) Kif jinħatru rġiel spiritwali bħal dawn? Mhux bil-​metodi wżati fil-​Kristjaneżmu. Per eżempju, l-​indokraturi Kristjani ma jiġux eletti b’mod demokratiku, jiġifieri, billi jiksbu l-​maġġuranza tal-​voti f’xi kongregazzjoni partikulari. Minflok, din il-​ħatra ssir b’mod teokratiku. Dan x’ifisser?

6. (a) X’inhi teokrazija vera? (b) Il-​ħatra taʼ l-​indokraturi u tal-​qaddejja ministerjali għala hija teokratika?

6 Fi kliem sempliċi, teokrazija vera hija ħakma minn Alla. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah, minn jeddhom, jissottomettu lilhom infushom għall-​ħakma tiegħu u jikkooperaw flimkien sabiex jagħmlu r-​rieda divina. (Salm 143:10; Mattew 6:​9, 10) Il-​ħatra taʼ l-​indokraturi Kristjani, jew anzjani, u tal-​qaddejja ministerjali hija teokratika. Dan għaliex il-​proċess taʼ kif jiġu rikkmandati u maħturin dawn l-​irġiel responsabbli jsir skond l-​arranġament t’Alla kif imniżżel fl-​Iskrittura Mqaddsa. M’għandniex xi ngħidu, bħala “kap fuq kulħadd,” Jehovah għandu d-​dritt li jiddetermina kif għandha topera l-​organizzazzjoni viżibbli tiegħu.​—1 Kronaki 29:11; Salm 97:9.

7. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif inhuma mmexxijin?

7 Għall-​kuntrarju taʼ ħafna gruppi reliġjużi fil-​Kristjaneżmu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jiddeċidux għalihom infushom l-​għamla taʼ tmexxija spiritwali li joperaw taħtha. Dawn il-​Kristjani sinċieri jagħmlu kulma jistgħu biex iżommu mal-​livelli taʼ Jehovah. L-​indokraturi fosthom ma jingħatawx il-​ħatra permezz taʼ xi sistema taʼ tmexxija taʼ għamla kongregazzjonali, ġerarkika, jew presbiterjana bħalma nsibu fil-​knejjes. Jekk f’dawn il-​ħatriet ikun hemm min jindaħal billi jipprova jdaħħal xi influwenza dinjija, in-​nies taʼ Jehovah jirrifjutaw li jagħmlu kompromess. B’mod sod, huma jżommu l-​pożizzjoni li ġiet spjegata tant tajjeb mill-​appostli fl-​ewwel seklu meta qalu: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.” (Atti 5:29) Għalhekk, ix-​Xhieda jissottomettu ruħhom lejn Alla f’kollox. (Lhud 12:9; Ġakbu 4:7) Il-​fatt li jimxu skond il-​proċedura teokratika jġib l-​approvazzjoni divina.

8. X’differenza hemm bejn il-​proċedura demokratika u dik teokratika?

8 Bħala qaddejja tat-​Teokrat il-​Kbir, Jehovah, aħna nagħmlu sew jekk inżommu f’moħħna d-​differenza li hemm bejn il-​proċedura demokratika u dik teokratika. Il-​proċedura demokratika titlob li jkun hemm rappreżentazzjoni ndaqs, u taʼ spiss tkun karatterizzata billi ssir kampanja għall-​ħatra u elezzjoni bil-​maġġuranza tal-​voti. Dawn il-​proċeduri m’humiex involuti fil-​ħatriet teokratiċi. Il-​ħatriet teokratiċi m’humiex ġejjin mill-​bnedmin; lanqas m’huma ġejjin minn xi korporazzjoni legali. Waqt li mid-​dehra kien qed jirreferi għall-​ħatra tiegħu stess minn Ġesù u Jehovah bħala “appostlu tal-​pagani,” Pawlu qal lill-​Galatin li hu kien inħatar “mhux mill-​bnedmin jew permezz tal-​bniedem, iżda permezz taʼ Ġesù Kristu u taʼ Alla l-​Missier li qajjmu mill-​imwiet.”—Rumani 11:13; Galatin 1:1.

Maħturin mill-​Ispirtu Qaddis

9. X’jgħid Atti 20:28 dwar il-​ħatra taʼ l-​indokraturi Kristjani?

9 Pawlu fakkar lill-​indokraturi li kienu jgħixu f’Efesu li huma kienu ġew maħturin minn Alla permezz taʼ l-​ispirtu qaddis. Hu qal: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-​merħla kollha li l-​Ispirtu s-​Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-​Knisja taʼ Alla li hu kiseb [“bid-​demm taʼ Ibnu,” NW] stess.” (Atti 20:28, korsiv tagħna.) Hekk kif dawn l-​indokraturi Kristjani kienu jwettqu d-​dmirijiet tagħhom bħala rgħajja tal-​merħla t’Alla, huma kellhom bżonn ikomplu jimxu taħt il-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis. Jekk xi raġel maħtur biex jaqdi f’xi kariga ma kienx jibqaʼ jilħaq il-​livell divin, maż-​żmien l-​ispirtu qaddis kien se jmexxi l-​affarijiet biex ineħħih mill-​kariga tiegħu.

10. L-​ispirtu qaddis kif għandu rwol sinifikanti f’ħatriet teokratiċi?

10 L-​ispirtu qaddis kif għandu rwol sinifikanti? Qabel xejn, il-​kwalifiki meħtiġin mill-​indokraturi spiritwali nkitbu taħt l-​ispirazzjoni taʼ l-​ispirtu qaddis. Fl-​ittri tiegħu lil Timotju u lil Titu, Pawlu spjega l-​livelli li għandhom jilħqu l-​indokraturi u l-​qaddejja ministerjali. B’kollox, hu semma madwar 16-il kwalifika differenti. Per eżempju, l-​indokraturi kellhom ikunu bla ħtija, moderati fi drawwiethom, moħħhom f’loku, ospitabbli, kwalifikati biex jgħallmu, u kapijiet eżemplari tal-​familja. Huma riedu jkunu moderati fl-​użu tax-​xorb alkoħoliku, ma ridux ikunu rgħiba għall-​flus, u riedu juru kontroll fuqhom infushom. Bl-​istess mod, anki l-​irġiel li riedu jirsistu għall-​ħatra taʼ qaddejja ministerjali kellhom jilħqu livelli għoljin.​—1 Timotju 3:​1-​10, 12, 13; Titu 1:​5-9.

11. X’inhuma xi kwalifiki li jridu jiġu sodisfati mill-​irġiel li qed jirsistu għal xi responsabbiltà fil-​kongregazzjoni?

11 Meta nagħtu daqqa t’għajn lejn dawn il-​kwalifiki naraw li dawk li jieħdu t-​tmexxija fil-​qima taʼ Jehovah jridu jkunu eżemplari fil-​kondotta Kristjana tagħhom. L-​irġiel li jirsistu biex ikollhom xi responsabbiltà fil-​kongregazzjoni jridu juru li l-​ispirtu qaddis qed jaħdem fihom. (2 Timotju 1:14) Irid ikun jidher ċar li l-​ispirtu t’Alla qed jipproduċi fihom il-​frott taʼ “l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan.” (Galatin 5:​22, 23) Dan il-​frott se jidher mill-​mod kif dawn l-​irġiel jittrattaw maʼ sħabhom fit-​twemmin u m’oħrajn. M’għandniex xi ngħidu, xi wħud jistgħu jibbrillaw f’li juru ċertu frott taʼ l-​ispirtu, waqt li oħrajn jistgħu jibbrillaw fi kwalifiki oħrajn. Madankollu, dawk kollha li qed iħarsu ’l quddiem għall-​ħatra taʼ indokratur jew qaddej ministerjali għandhom juru li huma rġiel spiritwali li jilħqu l-​ħtiġijiet imniżżlin fil-​Kelma t’Alla fil-​mod kif jgħixu.

12. Min nistgħu ngħidu li jinħatar mill-​ispirtu qaddis?

12 Meta Pawlu ħeġġeġ lil oħrajn biex jimitawh, hu setaʼ jgħid dan liberament għaliex hu stess kien qed jimita lil Ġesù Kristu, li ‘ħallielna eżempju biex nimxu mill-​qrib fuq il-​passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21; 1 Korintin 11:1) Għalhekk, nistgħu ngħidu li dawk li jkunu ssodisfaw il-​kwalifiki Skritturali meta jinħatru bħala indokraturi jew qaddejja ministerjali jkunu nħatru mill-​ispirtu qaddis.

13. L-​ispirtu qaddis kif jgħin lil dawk li jirrikkmandaw lil xi raġel biex jaqdi fil-​kongregazzjoni?

13 Hemm fattur ieħor li jurina kif l-​ispirtu qaddis jaħdem fir-​rakkomandazzjoni u l-​ħatra taʼ l-​indokraturi. Ġesù qal li “l-​Missier mis-​smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu.” (Luqa 11:13) Għalhekk, meta l-​anzjani fil-​kongregazzjoni lokali jiltaqgħu biex jirrikkmandaw lil xi rġiel għal xi responsabbiltà fil-​kongregazzjoni, huma jitolbu biex ikollhom il-​gwida taʼ l-​ispirtu t’Alla. Huma jibbażaw ir-​rakkomandazzjonijiet tagħhom fuq dak li hemm imniżżel fil-​Kelma ispirata t’Alla. L-​ispirtu qaddis jgħinhom jifhmu jekk l-​individwu li qed jiġi kunsidrat għall-​ħatra jissodisfax il-​kwalifiki Skritturali jew le. Dawk li jagħmlu r-​rakkomandazzjonijiet m’għandhomx ikunu influwenzati żżejjed mill-​apparenza taʼ barra, kisbiet edukattivi, jew abbiltajiet naturali. Huma għandhom jiffokaw l-​iktar fuq kemm ir-​raġel huwa persuna spiritwali, wieħed li l-​membri tal-​kongregazzjoni ma jkollhom l-​ebda diffikultà biex imorru għandu għal xi parir spiritwali.

14. X’nitgħallmu minn Atti 6:​1-3?

14 Filwaqt li huma l-​ġemgħat taʼ l-​anzjani flimkien maʼ l-​indokraturi li jivvjaġġaw li jirrikkmandaw lill-​aħwa rġiel biex jaqdu bħala anzjani u qaddejja ministerjali, il-​ħatriet infushom isiru fuq il-​mudell stabbilit fl-​ewwel seklu. Darba minnhom, kien hemm bżonn t’aħwa rġiel bi kwalifiki spiritwali biex jieħdu ħsieb inkarigu importanti. Il-​ġemgħa li tiggverna tat din id-​direzzjoni: “Ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-​Ispirtu u bl-​għerf, u nħallu din il-​ħidma f’idejhom.” (Atti 6:​1-3) Waqt li r-​rakkomandazzjonijiet saru minn irġiel li kellhom x’jaqsmu direttament mas-​sitwazzjoni, il-​ħatriet saru mill-​irġiel li kellhom ir-​responsabbiltà li jagħmlu dan u li kienu hemmhekk f’Ġerusalemm. Illum il-​ħatriet isiru fuq l-​istess mudell.

15. Il-​Ġemgħa li Tiggverna kif inhi involuta fil-​kwistjoni tal-​ħatriet?

15 Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah taħtar direttament il-​membri kollha tal-​Kumitati tal-​Fergħa. Meta tiġi biex tiddeċiedi min kapaċi jiflaħ responsabbiltà kbira bħal din, il-​Ġemgħa li Tiggverna żżomm f’moħħha dak li qal Ġesù: “Lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.” (Luqa 12:48) Minbarra l-​membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa, il-​Ġemgħa li Tiggverna taħtar ukoll l-​anzjani taʼ Betel u l-​indokraturi li jivvjaġġaw. Madankollu, il-​Ġemgħa li Tiggverna tinkariga lil xi aħwa rġiel li tistaʼ tafdahom biex jagħmlu ċerti ħatriet oħrajn f’isimha. Għal dan għandna mudell Skritturali wkoll.

‘Aħtar, Skond ma Ordnajtlek’

16. Pawlu għala ħalla lil Titu fi Kreta, u dan x’juri rigward il-​ħatriet teokratiċi li jsiru llum?

16 Pawlu qal lill-​ħaddiem sieħbu Titu: “Għalhekk jiena ħallejtek fi Kreta, biex tqassam kollox bl-​ordni, u biex taħtar presbiteri [jew, anzjani] f’kull belt, skond ma ordnajtlek.” (Titu 1:5) Imbagħad Pawlu niżżel il-​kwalifiki li Titu kellu jfittex fl-​irġiel biex jikkwalifikaw għal dawn il-​ħatriet. B’mod simili, illum il-​Ġemgħa li Tiggverna taħtar aħwa kwalifikati fil-​fergħat biex bħala r-​rappreżentanti tagħha jaħtru f’isimha anzjani u qaddejja ministerjali. Dawk li jaqdu bħala rappreżentanti tal-​Ġemgħa li Tiggverna joqogħdu attenti li meta jagħmlu ħatriet bħal dawn jifhmu ċar il-​pariri taʼ gwida fl-​Iskrittura u jimxu fuqhom. Għaldaqstant, meta jinħatru rġiel kwalifikati biex jaqdu fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja, dan isir taħt id-​direzzjoni tal-​Ġemgħa li Tiggverna.

17. L-​uffiċċju tal-​fergħa kif jittrattahom ir-​rakkomandazzjonijiet biex jinħatru indokraturi u qaddejja ministerjali?

17 Meta f’xi uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society jaslu xi rakkomandazzjonijiet biex jinħatru indokraturi u qaddejja ministerjali, irġiel t’esperjenza jistrieħu fuq l-​ispirtu t’Alla biex jiggwidahom f’li jagħmlu dawn il-​ħatriet. Dawn l-​irġiel iħossu sens taʼ responsabbiltà. Huma jagħrfu li m’għandhomx ikunu ħfief biex iqegħdu idejhom fuq dak li jkun li ma jmorrux jissieħbu fi dnubietu.​—1 Timotju 5:​22.

18, 19. (a) Kif jiġu komunikati ċerti ħatriet? (b) Kif jitwettaq il-​proċess kollu taʼ rakkomandazzjoni u ħatra?

18 Ċerti ħatriet jistgħu jiġu komunikati permezz taʼ ittra li jkollha timbru uffiċjali taʼ korporazzjoni legali. Ittra bħal din tistaʼ tintuża biex jinħatar iktar minn ħu wieħed fil-​kongregazzjoni.

19 Il-​ħatriet teokratiċi jiġu mingħand Jehovah permezz taʼ Ibnu u l-​mezz viżibbli taʼ komunikazzjoni li Alla juża fuq l-​art, “l-​ilsir leali u diskret” u l-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu. (Mattew 24:​45-47, NW) Dan il-​proċess kollu taʼ rakkomandazzjoni u ħatra huwa mmexxi, jew gwidat, mill-​ispirtu qaddis. Dan hu hekk għaliex il-​kwalifiki qegħdin imniżżlin fil-​Kelma t’Alla, li hi ispirata mill-​ispirtu qaddis, u l-​individwu maħtur juri b’mod ċar li qed jipproduċi l-​frott taʼ dan l-​ispirtu. Għalhekk, għandna nqisu dawn il-​ħatriet bħala li huma ġejjin mill-​ispirtu qaddis. Bħalma l-​indokraturi u l-​qaddejja ministerjali taʼ l-​ewwel seklu ġew maħturin teokratikament, l-​istess ħaġa tiġri llum.

Grati għall-​Gwida taʼ Jehovah

20. Għala għandna l-​istess sentimenti bħal dawk li kiteb David f’Salm 133:1?

20 Aħna grati li f’dan iż-​żmien taʼ għana spiritwali u żjieda teokratika fl-​attività taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna, Jehovah hu primarjament responsabbli għall-​ħatra taʼ l-​indokraturi u l-​qaddejja ministerjali. Dan l-​arranġament Skritturali jgħinna biex bħala Xhieda taʼ Jehovah nżommu l-​livelli għoljin t’Alla f’dik li hi tjieba. Iktar minn hekk, l-​ispirtu Kristjan u l-​isforzi sinċieri taʼ dawn l-​irġiel jgħinu ħafna biex ingawdu paċi meraviljuża u nkunu magħqudin bħala qaddejja taʼ Jehovah. Għalhekk, aħna mqanqlin biex bħas-​salmista David nesklamaw: “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-​aħwa jgħammru flimkien!”—Salm 133:1.

21. Isaija 60:17 kif qed jitwettaq illum?

21 Kemm aħna grati li Jehovah jmexxina permezz tal-​Kelma tiegħu u l-​ispirtu qaddis! U l-​kliem imniżżel f’Isaija 60:17 ifisser ħafna tabilħaqq: “Minflok il-​bronż, nġiblek id-​deheb; flok il-​ħadid, il-​fidda; flok l-​injam, il-​bronż; flok il-​ġebel, il-​ħadid. U nagħmel is-​Sliem [“l-​indokraturi,” NW] tiegħek, u l-​Ġustizzja [“dawk li jagħtuk ix-​xogħol,” NW].” Hekk kif il-​proċeduri teokratiċi ġew applikati iktar bis-​sħiħ fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah, gawdejna dawn il-​kundizzjonijiet taʼ barka fl-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art.

22. Għal xiex aħna grati b’mod xieraq, u x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

22 Aħna grati profondament għall-​arranġamenti teokratiċi li għandna fostna. U napprezzaw bil-​kbir ix-​xogħol iebes imma sodisfaċenti li jagħmlu l-​indokraturi u l-​qaddejja ministerjali maħturin teokratikament. B’qalbna kollha ngħollu u nfaħħru lil Missierna tas-​sema kollu mħabba, li tana għana spiritwali u berikna bil-​kbir. (Proverbji 10:22) Mela, ejja nkunu determinati li nżommu l-​pass maʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Fuq kollox, ejja nkomplu naqdu flimkien f’unità għall-​unur, it-​tifħir, u l-​glorja taʼ l-​isem kbir u qaddis taʼ Jehovah.

Int Kif Twieġeb?

• Għala nistgħu ngħidu li l-​ħatra taʼ l-​indokraturi u tal-​qaddejja ministerjali hija teokratika, mhux demokratika?

• L-irġiel Kristjani li għandhom xi responsabbiltà kif inhuma maħturin mill-​ispirtu qaddis?

• Il-Ġemgħa li Tiggverna kif inhi involuta fil-​ħatra taʼ l-​indokraturi u l-​qaddejja ministerjali?

• Għala għandna nkunu grati lejn Jehovah rigward il-​ħatriet teokratiċi?

[Stampi f’paġna 15]

L-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali huma privileġġati li jaqdu b’ħatra teokratika

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja