X’Inhi l-Verità dwar ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet?
Iktar minn 50 sena ilu, ċertu ragħaj Bedwin waddab ġebla ġo għar. Dan wassal għal dik li xi wħud sejħulha l-akbar skoperta arkeoloġika tas-seklu 20. Il-Bedwin semaʼ l-ġebla tkisser ġarra tal-fuħħar. Meta daħal jara x’ġara, sab l-ewwel romblu minn dawk li iktar tard sirna nafuhom bħala r-Rombli tal-Baħar il-Mejjet.
DAWN ir-rombli kienu u għadhom iċ-ċentru taʼ l-attenzjoni u tal-kontroversja kemm fost l-istudjużi kif ukoll fil-mezzi tax-xandir. Il-pubbliku spiċċa mħawwad bil-ħafna informazzjoni żbaljata li rċieva. Ġrew xnigħat li kien hemm pjan sigriet biex jinżamm kollox mistur, u dan minħabba l-biżaʼ li r-rombli setgħu jikxfu ċerti fatti li kienu se jdgħajfu l-fidi kemm tal-Kristjani kif ukoll tal-Lhud. Imma x’inhu s-sinifikat veru taʼ dawn ir-rombli? Nistgħu nkunu nafu x’inhuma l-fatti issa li għaddew iktar minn 50 sena?
X’Inhuma r-Rombli tal-Baħar il-Mejjet?
Ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet huma manuskritti Lhud antiki. Il-biċċa l-kbira minnhom huma miktubin bl-Ebrajk, xi wħud bl-Aramajk, u ftit bil-Grieg. Ħafna minn dawn ir-rombli u frammenti għandhom ’il fuq minn 2,000 sena u jmorru lura sa qabel it-twelid taʼ Ġesù. Fost l-ewwel rombli li ġew akkwistati mingħand il-Bedwini kien hemm sebaʼ manuskritti twal li kienu xi ftit jew wisq immermrin. Hekk kif it-tfittxija tkompliet f’għerien oħrajn, instabu iktar rombli flimkien m’eluf taʼ frammenti tar-rombli. Bejn l-1947 u l-1956, skoprew b’kollox mal-11-il għar li fihom instabu r-rombli. Dawn l-għerien instabu ħdejn Qumran, biswit il-Baħar il-Mejjet.
Meta r-rombli u l-frammenti kollha ġew magħżulin u organizzati, dawn ammontaw għal madwar 800 manuskritt. Kważi kwart minnhom, jew ftit iżjed minn 200 manuskritt, huma kopji taʼ partijiet mit-test Ebrajk tal-Bibbja. Manuskritti oħrajn jirrappreżentaw kitba antika Lhudija li ma tinstabx fil-Bibbja, kemm dik Apokrifa kif ukoll il-Psewdepigrafija.a
Xi wħud mir-rombli li qanqlu entużjażmu kbir fost l-istudjużi kienu kitbiet li ħadd ma kien jaf bihom qabel. Dawn jinkludu interpretazzjonijiet dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-liġi Lhudija, regoli speċifiċi għall-komunità tas-setta li kienet tgħix f’Qumran, poeżiji u talb liturġiċi, u xogħol eskatoloġiku ieħor li jirrivela opinjonijiet dwar it-twettiq tal-profezija Biblika u l-aħħar jiem. Jinkludu wkoll kummentarji uniċi fuq il-Bibbja, l-eqdem mudelli għall-kummentarji moderni li jispjegaw it-testi Bibliċi vers b’vers.
Min Kitibhom ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet?
Skond ma juru diversi metodi użati biex jiddeterminaw id-data taʼ xi kitba antika, ir-rombli ġew kopjati jew inkella miktubin bejn it-tielet seklu Q.E.K. u l-ewwel seklu E.K. Xi studjużi ssuġġerew li r-rombli ġew moħbijin fl-għerien minn xi Lhud li kienu joqogħdu f’Ġerusalemm qabel il-qerda tat-tempju fis-sena 70 E.K. Madankollu, għall-biċċa l-kbira taʼ l-istudjużi li jagħmlu riċerki dwar dawn ir-rombli, din l-idea ma taqbilx mal-kontenut tar-rombli nfushom. Ħafna mir-rombli jirriflettu ideat u drawwiet li kienu jmorru kontra dawk taʼ l-awtoritajiet reliġjużi f’Ġerusalemm. Dawn ir-rombli jirrivelaw komunità li kienet temmen li Alla kien ċaħad lill-qassisin u s-servizz fit-tempju taʼ Ġerusalemm, u li hu kien iqis il-qima taʼ dan il-grupp fid-deżert bħala li kienet ħadet post is-servizz fit-tempju. Ma tantx jidher probabbli li l-awtoritajiet tat-tempju f’Ġerusalemm kienu se joqogħdu jaħbu kollezzjoni li kellha dan it-tip taʼ rombli.
Minkejja li mid-dehra kien hemm grupp taʼ kopjisti f’Qumran, x’aktarx li ħafna mir-rombli nġabru xi mkien ieħor u nġabu hemmhekk mill-kredenti. F’ċertu sens, ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet huma librerija kbira. Bħalma jiġri fi kwalunkwe librerija, il-kollezzjoni tistaʼ tinkludi diversi ideat u opinjonijiet li mhux bilfors ikunu jirriflettu l-ħarsa reliġjuża tal-qarrejja tagħha. Madankollu, dawk il-kitbiet li hemm iktar minn kopja waħda tagħhom x’aktarx li jirriflettu dak li kien jinteressa b’mod speċjali lill-membri tal-grupp kif ukoll dak li kienu jemmnu fih.
Ir-Residenti taʼ Qumran Kienu Esseni?
Jekk dawn ir-rombli kienu l-librerija taʼ Qumran, min kienu r-residenti tal-post? Il-Professur Eleazar Sukenik, li fl-1947 kiseb tliet rombli għall-Università Ebrajka taʼ Ġerusalemm, kien l-ewwel wieħed li ppropona li dawn ir-rombli darba kienu jappartjenu lil komunità taʼ l-Esseni.
L-Esseni kienu setta Lhudija msemmija minn kittieba taʼ l-ewwel seklu bħal Ġużeppi Flavju, Filo taʼ Lixandra, u Plinju x-Xiħ. Ħadd ma jaf eżatt minfejn oriġinaw l-Esseni, imma hu maħsub li dawn tfaċċaw matul il-perijodu taʼ taqlib li ġie wara l-irvell tal-Makkabin fit-tieni seklu Q.E.K.b Ġużeppi Flavju kiteb dwar l-eżistenza tagħhom matul dan il-perijodu billi spjega fid-dettall id-differenza bejn il-ħarsa reliġjuża tagħhom u dik tal-Fariżej u s-Sadduċej. Plinju semma li kien hemm komunità t’Esseni ħdejn il-Baħar il-Mejjet bejn Ġeriko u Għajn-geddi.
Il-Professur James VanderKam, li jistudja fuq ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet, jissuġġerixxi li “l-Esseni li kienu jgħixu f’Qumran kienu biss grupp żgħir minn moviment ferm akbar t’Esseni.” Skond Ġużeppi Flavju, f’dan il-moviment kien hemm b’kollox madwar erbat elef ruħ. Għalkemm mhux fi qbil eżatt maʼ kull deskrizzjoni, minn fost il-gruppi Lhud kollha li kienu magħrufin f’dak iż-żmien, l-Esseni huma l-iktar grupp li jaqblu maʼ l-istampa li jagħtu l-kitbiet taʼ Qumran.
Xi wħud sostnew li l-Kristjanità oriġinat f’Qumran. Minkejja dan, jidher ċar li hemm differenzi kbar bejn il-ħarsa reliġjuża tas-setta f’Qumran u dik tal-Kristjani bikrin. Il-kitbiet taʼ Qumran jirrivelaw regolamenti stretti żżejjed dwar is-Sabat u preokkupazzjoni kważi ossessiva dwar is-safa ċerimonjali. (Mattew 15:1-20; Luqa 6:1-11) L-istess jistaʼ jingħad dwar il-ħajja maqtugħa mis-soċjetà li kienu jgħixu l-Esseni, it-twemmin tagħhom fid-destin u l-immortalità tar-ruħ, u l-enfasi tagħhom fuq iċ-ċelibat u l-ideat mistiċi dwar il-parteċipazzjoni maʼ l-anġli fil-qima tagħhom. Dan juri li huma ma kinux fi qbil mat-tagħlim taʼ Ġesù u maʼ dak tal-Kristjani bikrin.—Mattew 5:14-16; Ġwann 11:23, 24; Kolossin 2:18; 1 Timotju 4:1-3.
L-Ebda Pjan Sigriet, l-Ebda Rombli Moħbijin
Fis-snin taʼ wara l-iskoperta tar-Rombli tal-Baħar il-Mejjet, ħarġu diversi pubblikazzjonijiet li permezz tagħhom l-istudjużi madwar id-dinja setaʼ faċilment ikollhom aċċess għal dawn l-ewwel sejbiet. Imma l-eluf taʼ frammenti li nstabu f’wieħed mill-għerien, magħruf bħala r-Rabaʼ Għar, qalgħu ħafna iktar problemi. Dawn kienu f’idejn tim żgħir taʼ studjużi minn ħafna pajjiżi differenti li ġie stabbilit f’Ġerusalemm tal-Lvant (dik il-ħabta parti mill-Ġordan), fil-Mużew Arkeoloġiku tal-Palestina. Inkluż f’dan it-tim ma kien hemm l-ebda studjuż Lhudi jew Iżraeljan.
It-tim adotta regola li ma jħalli lil ħadd ikollu aċċess għar-rombli sakemm jippubblika r-riżultati uffiċjali tar-riċerka tiegħu. Fit-tim kien hemm numru stabbilit taʼ studjużi. Meta kien imut xi membru tat-tim, postu kien jimtela minn studjuż ġdid ieħor biss. Iżda l-ammont taʼ xogħol kien jirrikjedi tim ferm akbar, u f’xi każi, iktar għarfien professjonali fl-Ebrajk u fl-Aramajk tal-qedem. James VanderKam poġġieha hekk: “Dawk l-għaxriet t’eluf taʼ frammenti kienu ħafna għal tmien esperti biss minkejja s-sengħa kollha li kellhom.”
Fl-1967, minħabba l-Gwerra taʼ Sitt Ijiem, Ġerusalemm tal-Lvant u r-rombli tagħha spiċċaw taħt il-ġurisdizzjoni taʼ Iżrael. Madankollu, ma saret l-ebda bidla fir-regola li kien adotta t-tim taʼ riċerka fuq ir-rombli. Meta għaddew għaxriet taʼ snin u r-rombli li nstabu fir-Rabaʼ Għar kienu għadhom ma ġewx pubblikati, ħafna studjużi bdew jipprotestaw. Fl-1977, il-Professur Geza Vermes mill-Università t’Oxford qal li dan kien l-iskandlu akkademiku per eċċellenza tas-seklu 20. Malajr bdew jinfirxu xnigħat li l-Knisja Kattolika kienet qed taħbi apposta kwalunkwe informazzjoni mir-rombli li setgħet tkun taʼ ħsara għall-Kristjanità.
Fis-snin tmenin tas-seklu 20, il-membri tat-tim fl-aħħar żdiedu għal 20. Imbagħad, fl-1990, taħt id-direzzjoni taʼ Emanuel Tov, l-editur il-ġdid li nħatar bħala kap taʼ l-Università Ebrajka f’Ġerusalemm, it-tim kompla jikber għal iktar minn 50 studjuż. Ġiet stabbilita skeda fissa biex ikunu jistgħu jiġu pubblikati l-edizzjonijiet kollha tar-rombli li kien għad baqaʼ, bil-kummenti dettaljati kollha taʼ l-istudjużi.
Fl-1991 sar żvilupp li ma kienx mistenni. L-ewwelnett, ġie pubblikat il-ktieb A Preliminary Edition of the Unpublished Dead Sea Scrolls. Dan il-ktieb ġie organizzat permezz taʼ informazzjoni fil-kompjuter ibbażata fuq kopja tal-werrej tat-tim. Imbagħad, il-Librerija taʼ Huntington f’San Marino, il-Kalifornja, ħabbret li kienet se tagħmel disponibbli għal kwalunkwe studjuż is-sett kollu li kellha tar-ritratti tar-rombli. Fi żmien qasir, permezz taʼ l-ippubblikar taʼ A Facsimile Edition of the Dead Sea Scrolls, wieħed setaʼ faċilment ikollu aċċess għar-ritratti tar-rombli li qatt ma kienu ġew pubblikati qabel.
Għalhekk, għal dawn l-aħħar għaxar snin, ir-Rombli kollha tal-Baħar il-Mejjet kienu disponibbli biex jiġu eżaminati. Ir-riċerka turi li ma kien hemm l-ebda pjan sigriet; ma kienx hemm rombli moħbijin. Hekk kif qed jiġu pubblikati l-aħħar edizzjonijiet uffiċjali tar-rombli, issa biss tistaʼ tibda analisi bir-reqqa. Illum bdiet teżisti ġenerazzjoni ġdida taʼ studji akkademiċi dwar ir-rombli. Imma din ir-riċerka x’sinifikat għandha għall-istudenti tal-Bibbja?
[Noti taʼ taħt]
a Kemm l-Apokrifa (letteralment, “moħbija”) u kemm il-Psewdepigrafija (letteralment, “kitba attribwita lil xi ħadd b’mod falz”) inkitbu mil-Lhud bejn it-tielet seklu Q.E.K. u l-ewwel seklu E.K. L-Apokrifa huma aċċettati mill-Knisja Kattolika Rumana bħala parti mil-lista taʼ kotba ispirati tal-Bibbja, imma dawn il-kotba m’humiex aċċettati mil-Lhud u l-Protestanti. Il-Psewdepigrafija taʼ spiss tkun tikkonsisti fi stejjer twal mibnijin fuq xi rakkont Bibliku u miktubin taħt l-isem taʼ xi persunaġġ Bibliku magħruf.
b Ara l-artiklu “Min Kienu l-Makkabin?” f’It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 1998, paġni 21-4.
[Stampa f’paġna 3]
Dawn l-għerien ħdejn il-Baħar il-Mejjet huma fost dawk li fihom instabu r-rombli antiki
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
Framment taʼ Romblu: Paġni 3, 4, u 6: Bil-korteżija taʼ l-Israel Antiquities Authority
[Sors tal-Istampa f’paġna 5]
Bil-korteżija tal-Mużew tax-Shrine of the Book, Iżrael, Ġerusalemm