Fittex lil Jehovah Qabel Jum il-Korla Tiegħu
“Fittxu l-Mulej . . . Fittxu [“t-tjieba,” “NW”], fittxu l-umiltà: biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej ikollkom fejn tistkennu.”—SOFONIJA 2:3.
1. X’kienet il-qagħda spiritwali fl-art taʼ Ġuda meta Sofonija beda x-xogħol profetiku tiegħu?
SOFONIJA beda x-xogħol profetiku tiegħu fi żmien kritiku fl-istorja taʼ l-art taʼ Ġuda. Il-qagħda spiritwali tal-ġens kienet imwegħra ferm. In-nies kienu qegħdin imorru għand il-qassisin pagani u għand l-astroloġi għall-pariri, minflok ma jafdaw f’Jehovah. Il-qima lil Bagħal, b’riti tal-fertilità, kienet imxerrda maʼ kullimkien. Il-mexxejja ċivili, inkluż il-prinċpijiet, in-nobbli, u l-imħallfin, kienu qed jgħakksu lil dawk li lilhom suppost kienu qed jipproteġu. (Sofonija 1:9; 3:3) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah ddeċieda li jerfaʼ ‘idu’ fuq l-art taʼ Ġuda u Ġerusalemm biex jeqridhom!—Sofonija 1:4.
2. X’tama kien hemm għall-qaddejja leali t’Alla fl-art taʼ Ġuda?
2 Kienet kemm kienet ħażina s-sitwazzjoni, kien hemm xaqq taʼ tama. Fuq it-tron issa kien hemm Ġosija, bin Amon. Għalkemm kien għadu daqsxejn taʼ tifel, Ġosija kellu mħabba ġenwina għal Jehovah. Kieku dan is-sultan il-ġdid jerġaʼ jġib il-qima pura f’Ġuda, kemm kien iqawwilhom qalbhom lil dawk il-ftit li kienu qed jaqdu lill-veru Alla lealment! Forsi oħrajn setgħu jitqanqlu jsegwu l-eżempju tagħhom, u b’hekk jibqgħu ħajjin f’jum il-korla taʼ Jehovah.
Ħtiġijiet biex Wieħed Jibqaʼ Ħaj
3, 4. Liema tliet ħtiġijiet iridu jitwettqu biex individwu jeħlisha ħafif “f’jum il-korla tal-Mulej”?
3 Setgħu tabilħaqq xi wħud jeħilsuha ħafif f’jum il-korla taʼ Jehovah? Iva, basta jwettqu t-tliet kundizzjonijiet imniżżlin f’Sofonija 2:2, 3. Waqt li nkunu qed naqraw dawn il-versi, ejja nieħdu nota speċjali taʼ dawn il-ħtiġijiet. Sofonija kiteb: ‘Qabel ma tkunu misħuqin bħall-karfa wara jum xogħol, qabel ma l-korla mħeġġa tal-Mulej tilħaqkom, qabel ma jum il-korla tal-Mulej jasal għal fuqkom, fittxu l-Mulej ilkoll, intom, l-umli taʼ l-art, li tagħmlu ordnijietu; fittxu [“t-tjieba,” NW], fittxu l-umiltà: biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej ikollkom fejn tistkennu.’
4 Mela, biex individwu jibqaʼ ħaj dan ried (1) ifittex lil Jehovah, (2) ifittex it-tjieba, u (3) ifittex l-umiltà. Dawn il-ħtiġijiet għandhom ikunu taʼ interess kbir għalina llum. Għaliex? Għax sewwa sew bħalma l-art taʼ Ġuda u Ġerusalemm kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ jum taʼ rendikont fis-sebaʼ seklu Q.E.K., il-ġnus tal-Kristjaneżmu u, fil-fatt, in-nies il-ħżiena kollha jinsabu resqin lejn konfront dirett m’Alla Jehovah fit-tribulazzjoni, jew id-“diqa kbira,” li ġejja. (Mattew 24:21) Kulmin jixtieq ikollu fejn jistkenn dakinhar irid jieħu azzjoni deċiżiva issa. Kif? Billi jfittex lil Jehovah, ifittex it-tjieba, u jfittex l-umiltà qabel ma jkun tard wisq!
5. X’hemm involut f’li ‘nfittxu lil Jehovah’ llum?
5 Forsi tgħid: ‘Jiena qaddej t’Alla, dedikat u mgħammed, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Mhux diġà wettaqthom dawn il-ħtiġijiet?’ Fil-fatt, mhux biżżejjed li niddedikaw ruħna lil Jehovah. Hemm iktar involut. Iżrael kien ġens dedikat, iżda fi żmien Sofonija n-nies taʼ Ġuda ma kinux qed jgħixu fi qbil maʼ dik id-dedikazzjoni. Minħabba f’hekk, kien wasal iż-żmien li l-ġens jiġi mwarrab. Biex tkun qed ‘tfittex lil Jehovah’ llum jinvolvi li tikseb u żżomm relazzjoni persunali u mill-qalb miegħu fi sħubija maʼ l-organizzazzjoni li hu għandu fuq l-art. Ifisser li ssir taf kif Alla jħares lejhom l-affarijiet u tkun dejjem attent għal kif iħossu hu. Lil Jehovah nkunu qed infittxuh meta nistudjaw il-Kelma tiegħu bir-reqqa, nimmeditaw fuqha, u napplikaw il-pariri tagħha f’ħajjitna. Hekk kif infittxu wkoll il-gwida taʼ Jehovah b’talb ħerqan u nagħmlu dak li jqanqalna l-ispirtu qaddis, ir-relazzjoni tagħna miegħu se ssir iktar b’saħħitha u se nkunu iktar imqanqlin li naqduh ‘b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u b’saħħitna kollha.’—Dewteronomju 6:5; Galatin 5:22-25; Filippin 4:6, 7; Apokalissi 4:11.
6. Kif ‘infittxu t-tjieba,’ u dan għala huwa possibbli anki f’din id-dinja?
6 It-tieni ħtieġa msemmija f’Sofonija 2:3 hi li ‘nfittxu t-tjieba.’ Il-biċċa l-kbira minna għamilna bidliet importanti f’ħajjitna biex stajna nikkwalifikaw għall-magħmudija Kristjana. Madankollu, il-livelli morali taʼ tjieba t’Alla rridu nkomplu nonorawhom tul ħajjitna kollha. Xi wħud li bdew tajjeb f’dan ir-rigward ħallew lilhom infushom jiġu mtebbgħin mid-dinja. Veru li mhux dejjem faċli tfittex it-tjieba, waqt li aħna mdawrin b’nies li jqisu l-immoralità sesswali, il-gideb, u dnubiet oħra bħala xi ħaġa normali. Imma, jekk ikollna xewqa qawwija li rridu nogħġbu ’l Jehovah, inkunu nistgħu negħlbu kull tentazzjoni li tistaʼ tiġina biex infittxu l-approvazzjoni tad-dinja billi nipprovaw inkunu bħalha. Ftakar li l-art taʼ Ġuda tilfet il-favur t’Alla għax ipprovat tikkopja lill-ġirien pagani tagħha. Minflok ma nimitaw lid-dinja, ejja nkunu ‘nixbhu lil Alla,’ billi nrawmu fina l-personalità l-ġdida, il-“bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.”—Efesin 4:24; 5:1.
7. Kif ‘infittxu l-umiltà’?
7 It-tielet punt li jagħmel Sofonija 2:3 hu li, jekk irridu nsibu kenn f’jum il-korla taʼ Jehovah, irridu ‘nfittxu l-umiltà.’ Kuljum niltaqgħu u nitkellmu maʼ rġiel, nisa, u żgħażagħ li altru li m’humiex umlin. Għalihom, li tkun ġwejjed huwa difett. Lil min ibaxxi rasu għar-rieda taʼ ħaddieħor iqisuh bħala li hu dgħajjef wisq. In-nies huma stinati, egoisti, u taʼ rashom. Iriduha dejjem tgħaddi tagħhom u kulma jogħġobhom, jew li jħossu li għandhom “dritt” għalih, iriduh akkost taʼ kollox. X’ħasra jekk xi ftit minn dawn l-attitudnijiet jibdew jeffettwaw lilna wkoll! Issa ż-żmien li ‘nfittxu l-umiltà.’ Kif? Billi nkunu sottomessi lejn Alla, naċċettaw id-dixxiplina tiegħu bl-umiltà kollha u naraw li dak li nagħmlu jkun fi qbil mar-rieda tiegħu.
Għaliex “Forsi” Ningħataw Kenn?
8. X’inhu indikat bl-użu tal-kelma “forsi” f’Sofonija 2:3?
8 Innota li Sofonija 2:3 jgħid: “Forsi f’jum il-korla tal-Mulej ikollkom fejn tistkennu.” Sofonija għaliex juża l-kelma “forsi” meta qed jindirizza lill-“umli taʼ l-art”? Veru li dawn l-umlin kienu ħadu passi pożittivi, imma ma kienx hemm lok fejn wieħed jafda wisq fih innifsu. Kienu għadhom ma temmewx ħajjithom u baqgħu leali sa l-aħħar. Setaʼ jagħti l-każ li xi ħadd minnhom jaqaʼ fid-dnub. L-istess jgħodd għalina llum. Ġesù qal: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Iva, is-salvazzjoni tagħna f’jum il-korla taʼ Jehovah tiddependi fuq jekk inkomplux nagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejh. Deċiż int li tibqaʼ tagħmel hekk?
9. Liema passi retti ħa s-Sultan żagħżugħ Ġosija?
9 Milli jidher is-Sultan Ġosija ġie mqanqal mill-kliem taʼ Sofonija biex ‘ifittex lil Jehovah.’ L-Iskrittura tgħid: “Fit-tmien sena tas-saltna tiegħu, meta kien għadu żagħżugħ [taʼ madwar 16-il sena], [Ġosija] beda jfittex lil Alla taʼ David, missieru.” (2 Kronaki 34:3) Ġosija baqaʼ wkoll ‘ifittex it-tjieba,’ għax naqraw: “U fit-tnax-il sena [meta Ġosija kellu madwar 20 sena] beda jnaddaf l-art taʼ Ġuda u l-belt taʼ Ġerusalemm mis-santwarji u mix-xbihat taʼ l-Asera, mix-xbihat minquxa, mill-idoli mdewwba; u kisser l-artali tal-Bagħlim minn quddiemu.” (2 Kronaki 34:3, 4) Ġosija ‘fittex l-umiltà’ wkoll u aġixxa umilment biex jogħġob lil Jehovah billi naddaf il-pajjiż mill-idolatrija u minn prattiċi reliġjużi foloz oħra. Min jaf kemm ferħu l-ġwejdin l-oħra meta raw dawn l-affarijiet iseħħu!
10. X’ġara fl-art taʼ Ġuda fis-sena 607 Q.E.K., u min ġie meħlus?
10 Kien hemm bosta Lhud li daru lura lejn Jehovah matul ir-renju taʼ Ġosija. Iżda wara li miet is-sultan ħafna reġgħu għal li kienu qabel u bdew jagħmlu affarijiet li lil Alla ma kienu jogħġbuh assolutament xejn. Bħalma kien iddikjara Jehovah li kellu jiġri, il-Babiloniżi invadew l-art taʼ Ġuda u qerdu lil Ġerusalemm, il-belt kapitali tagħha, fis-sena 607 Q.E.K. Iżda mhux kulħadd intilef. Il-profeta Ġeremija, Għebed-melek l-Etjopjan, id-dixxendenti taʼ Ġonadab, u oħrajn li kienu leali lejn Alla kellhom fejn jistkennu f’jum il-korla taʼ Jehovah.—Ġeremija 35:18, 19; 39:11, 12, 15-18.
Għedewwa t’Alla, Iftħu Widnejkom!
11. Għala hija xi ħaġa taʼ sfida li tibqaʼ leali lejn Alla llum, imma l-għedewwa tal-poplu taʼ Jehovah x’jagħmlu sewwa li jqisu?
11 Waqt li nistennew jum il-korla taʼ Jehovah jiġi fuq din id-dinja mill-agħar, qegħdin ‘inħabbtu wiċċna maʼ kull xorta taʼ tiġrib.’ (Ġakbu 1:2) F’għadd taʼ pajjiżi li jgħidu li jgħożżu l-libertà tar-reliġjon, membri tal-kleru li jaħdmu minn taħt użaw l-influwenza li għandhom fuq l-awtoritajiet sekulari biex iġibu persekuzzjoni qalila fuq il-poplu t’Alla. Nies bla skrupli jaqilgħu gideb fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah u jittimbrawhom bħala “setta perikoluża.” Alla jaf tajjeb x’inhuma jagħmlu u mhux se jħallihielhom għaddejja lixxa. L-għedewwa tiegħu jaqblilhom iqisu xi ġralhom xi wħud mill-għedewwa tal-poplu t’Alla fl-imgħoddi, bħall-Filistin. Il-profezija tgħid: “Għax Gaża għad tkun ħerba, u Askalon deżert; Asdod titkeċċa ’l barra f’nofsinhar, Għekron titqaċċat.” Il-bliet Filistin taʼ Gaża, Askalon, Asdod, u Għekron kienu se jinqerdu għalkollox.—Sofonija 2:4-7.
12. X’sar mill-Filistja, Mowab, u Għammon?
12 Il-profezija tissokta: “Smajt lil Mowab imaqdar, smajt iż-żebliħ ukoll taʼ wlied Għammon, kif maqdru l-poplu tiegħi u tkabbru kontra arthom.” (Sofonija 2:8) Veru li l-Eġittu u l-Etjopja kienu sofrew taħt idejn il-Babiloniżi li invadewhom. Imma x’kien il-ħaqq t’Alla kontra Mowab u Għammon, il-ġnus dixxendenti taʼ Lot, in-neputi t’Abraham? Jehovah bassar: “Bħal Sodoma jiġri lil Mowab, u bħal Gomorra lil ulied Għammon.” Kuntrarju għall-antenati tagħhom, jiġifieri ż-żewġ ulied bniet taʼ Lot li salvaw mill-qerda li ġiet fuq Sodoma u Gomorra, l-imkabbrin Mowab u Għammon ma kienx se jkollhom fejn jistkennu mill-ħaqq t’Alla. (Sofonija 2:9-12; Ġenesi 19:16, 23-26, 36-38) Illum, fejn hi l-Filistja, u l-bliet tagħha? U xi ngħidu għal Mowab u għal Għammon li darba kienu tant kburin? Tistaʼ tfittex kemm trid, għax ma ssibhomx.
13. Liema skoperta arkeoloġika saret f’Ninwè?
13 Fi żmien Sofonija, l-Imperu Assirjan kien fl-aqwa tiegħu. Biex jiddeskrivi parti mill-palazz irjali li kien skopra fil-belt taʼ Ninwè, il-kapitali taʼ l-Assirja, l-arkeologu Austen Layard kiteb: “Is-soqfa . . . kienu maqsumin kaxxi kaxxi, bi fjuri jew figuri t’annimali mpittrin fuqhom. Xi wħud kienu ingastati bl-avorju u kull kaxxa kienet imdawra b’borduri u bi gwarniċi eleganti. It-travi, u anki l-ġnub tal-kmamar, x’aktarx kienu indurati, jekk mhux miksija, bid-deheb u l-fidda; u x-xogħol taʼ l-injam kien magħmul minn l-iktar injam rari, speċjalment miċ-ċedru.” Madankollu, bħalma kien imbassar fil-profezija taʼ Sofonija, l-Assirja kellha tinqered u l-belt kapitali tagħha, Ninwè, kellha ssir “art niexfa bħad-deżert.”—Sofonija 2:13.
14. Il-profezija taʼ Sofonija kif twettqet fuq Ninwè?
14 Laħqu għaddew biss 15-il sena minn meta Sofonija lissen dik il-profezija u s-setgħana Ninwè nqerdet, u l-palazz irjali tagħha ġġarraf għalkollox. Iva, din il-belt kburija nġiebet fix-xejn u saret trab. Dan il-kliem li ġej bassar b’mod ċar kemm kellha tkun kbira din il-qerda: “Sa l-pellikan u sa l-qanfud jgħammru fil-kapitelli [mwaqqgħin] tagħha; il-barbaġann fit-tieqa jsammaʼ leħnu, l-għorab fuq l-għatba, għaliex l-injam taċ-ċedru nqalaʼ minnha.” (Sofonija 2:14, 15) Il-bini grandjuż taʼ Ninwè kellu jkun tajjeb biss biex jgħixu fih il-pellikani u l-qniefed. Fit-toroq ma kellhomx jibqgħu jinstemgħu iktar il-ħsejjes tal-kummerċjanti, l-għajat tal-gwerriera, u l-kant reliġjuż tal-qassisin. F’dawk it-toroq li darba kienu miżgħudin bin-nies, kienet se tinstemaʼ biss l-għajta taʼ xi barbaġann, jew il-ħoss tar-riħ ivenven. Bl-istess mod, jalla l-għedewwa kollha t’Alla jintemmu!
15. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralhom il-Filistja, Mowab, Għammon, u l-Assirja?
15 X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralhom il-Filistja, Mowab, Għammon, u l-Assirja? Nitgħallmu dan: Bħala l-qaddejja taʼ Jehovah, m’għandniex għalfejn nibżgħu mill-għedewwa tagħna. Alla jara x’inhuma jagħmlu dawk li jopponu lill-poplu tiegħu. Jehovah aġixxa kontra l-għedewwa tiegħu fil-passat, u l-ġudizzji tiegħu se jiġu fuq l-art abitata kollha llum. Imma se jkun hemm min jibqaʼ ħaj: ‘folla kbira mill-ġnus kollha.’ (Apokalissi 7:9) Int tistaʼ tkun fosthom, basta tkompli tfittex lil Jehovah, tfittex it-tjieba, u tfittex l-umiltà.
Ħażin Għalihom in-Nies Ħżiena u Insolenti!
16. X’qalet il-profezija taʼ Sofonija dwar il-prinċpijiet u l-mexxejja reliġjużi fl-art taʼ Ġuda, u dan il-kliem għala joqgħodlu tajjeb lill-Kristjaneżmu?
16 Il-profezija taʼ Sofonija tiffoka mill-ġdid fuq l-art taʼ Ġuda u fuq Ġerusalemm. Sofonija 3:1, 2 jgħid: “Ħażin għaliha għar-ras iebsa tagħha, għat-tinġis tagħha, il-belt li taħqar! Għas-sejħa ma tatx widen, lanqas ma qagħdet għat-twiddib li kellha; hi ma riditx tittama fil-Mulej, lanqas ma resqet lejn Alla tagħha.” Xi traġedja li l-poplu taʼ Jehovah ma tax kasu meta pprova jiddixxiplinah! Kienet tabilħaqq taʼ stmerrija l-ħruxija tal-prinċpijiet, tan-nies nobbli, u taʼ l-imħallfin. Sofonija jmaqdar bil-qawwa l-wiċċ tost tal-mexxejja reliġjużi meta jgħid: “Fiergħa l-profeti tagħha, nies qarrieqa; il-qassisin tagħha s-santwarju jipprofanaw, u jiksru l-liġi.” (Sofonija 3:3, 4) Kemm joqgħod preċiż dan il-kliem għall-profeti u l-qassisin tal-Kristjaneżmu llum! B’mod insolenti, huma neħħew l-isem divin mit-traduzzjonijiet tagħhom tal-Bibbja u għallmu duttrini li jirrappreżentawh ħażin lil Dak li huma jgħidu li jqimu.
17. Kemm jekk in-nies jisimgħu u kemm jekk le, għala għandna nkomplu niddikjaraw l-aħbar tajba?
17 Għax kien jimpurtah minnhom, Jehovah wissa lill-poplu tiegħu tal-qedem dwar l-azzjoni li kien wasal biex jieħu. Bagħat lill-qaddejja tiegħu l-profeti, lil Sofonija u Ġeremija fost oħrajn, biex iħeġġu lin-nies biex jindmu. Iva, “Il-Mulej ġust f’nofsha, ma jagħmel ebda ħażen; taʼ kull filgħodu jxandar il-ġustizzja tiegħu, bħas-sebħ hu ma jonqosx.” U x’kienet ir-reazzjoni? “Imma l-ħażin ma jaf b’ebda mistħija,” qal Sofonija. (Sofonija 3:5) Twissija simili qegħda tixxandar illum. Jekk int pubblikatur taʼ l-aħbar tajba, int qed tieħu sehem f’dan ix-xogħol taʼ twissija. Mela kompli ddikjara l-aħbar tajba bla ma taqtaʼ xejn! Kemm jekk in-nies jisimgħu u kemm jekk le, il-ministeru tiegħek hu taʼ suċċess f’għajnejn Alla sakemm int qed tagħmlu lealment. M’hemm xejn x’iħammarlek wiċċek meta tagħmel ix-xogħol t’Alla b’żelu.
18. Kif se jitwettaq Sofonija 3:6?
18 It-twettiq tal-ħaqq t’Alla mhux se jkun limitat għall-qerda tal-Kristjaneżmu. Jehovah jinkludi lill-ġnus kollha fil-kundanna tiegħu: “Jiena qaċċatt il-ġnus, saru l-gardjoli tagħhom ħerba waħda, ħarbatt it-triqat tagħhom, bla ħadd ma jgħaddi minnhom; nqerdu bliethom.” (Sofonija 3:6) Dan il-kliem tant hu taʼ min jorbot fuqu li Jehovah jitkellem bħallikieku l-qerda diġà seħħet. X’sar minnhom il-bliet tal-Filistja, Mowab, u Għammon? U xi ngħidu għal Ninwè, il-belt kapitali taʼ l-Assirja? Il-qerda tagħhom għandha sservi bħala eżempju taʼ twissija għall-ġnus illum. Lil Alla ħadd ma jidħaq bih.
Ibqaʼ Fittex lil Jehovah
19. Liema mistoqsijiet li jġagħluk taħseb nistgħu nistaqsu?
19 Fi żmien Sofonija, il-korla t’Alla xegħlet għal dawk il-ħżiena li “ħassru għemilhom kollu.” (Sofonija 3:7) L-istess se jiġri fi żmienna. Taraha int l-evidenza li jum il-korla taʼ Jehovah hu qrib? Qiegħed tkompli ‘tfittex lil Jehovah’ billi taqra l-Kelma tiegħu regolarment, anzi kuljum? Qiegħed verament ‘tfittex it-tjieba’ billi tgħix ħajja nadifa moralment fi qbil mal-livelli t’Alla? U qiegħed int ‘tfittex l-umiltà’ billi turi attitudni ġwejda u tkun sottomess lejn Alla u lejn it-tħejjijiet tiegħu għas-salvazzjoni?
20. Liema mistoqsijiet se nqisu fl-aħħar artiklu minn din is-serje dwar il-profezija taʼ Sofonija?
20 Jekk nibqgħu lealment infittxu lil Jehovah, it-tjieba, u l-umiltà, allura nistgħu nistennew li ngawdu ħafna barkiet minn issa stess, saħansitra f’dawn l-aħħar jiem li huma taʼ prova għall-fidi tagħna. (2 Timotju 3:1-5; Proverbji 10:22) Imma nagħmlu tajjeb li nistaqsu, ‘B’liema modi aħna mberkin illum bħala l-qaddejja taʼ Jehovah? U għall-ġejjieni, liema barkiet tpoġġi l-profezija taʼ Sofonija quddiem dawk li se jkollhom fejn jistkennu f’jum il-korla taʼ Jehovah li riesaq b’tant għaġla?’
Int Kif Twieġeb?
• In-nies kif ‘ifittxu lil Jehovah’?
• X’inhu involut f’li wieħed ‘ifittex it-tjieba’?
• Kif nistgħu ‘nfittxu l-umiltà’?
• Għala għandna nibqgħu nfittxu lil Jehovah, it-tjieba, u l-umiltà?
[Stampa f’paġna 18]
Qiegħed int tfittex lil Jehovah permezz taʼ studju tal-Bibbja u talb ħerqan?
[Stampa f’paġna 21]
Talli jkomplu jfittxu lil Jehovah, se jkun hemm folla kbira taʼ nies li se jibqgħu ħajjin f’jum il-korla tiegħu