Dawk li Jagħżlu d-Dawl Se Jiġu Salvati
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibżaʼ?”—SALM 27:1.
1. Jehovah jipprovdi liema affarijiet li jagħtu l-ħajja?
JEHOVAH hu s-Sors tad-dawl tax-xemx, li jagħmilha possibbli li jkun hawn il-ħajja fuq l-art. (Ġenesi 1:2, 14) Huwa wkoll il-Ħallieq tad-dawl spiritwali, li jkeċċi d-dlam perikoluż tad-dinja taʼ Satana. (Isaija 60:2; 2 Korintin 4:6; Efesin 5:8-11; 6:12) Dawk li jagħżlu d-dawl jistgħu jgħidu flimkien mas-salmista: “Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibżaʼ?” (Salm 27:1a) Madankollu, l-istess bħalma ġara fi żmien Ġesù, dawk li jippreferu d-dlam jistgħu jistennew biss li jirċievu ġudizzju aħrax.—Ġwann 1:9-11; 3:19-21, 36.
2. Fl-imgħoddi, xi ġralhom dawk li rrifjutaw id-dawl taʼ Jehovah u dawk li obdew il-kelma tiegħu?
2 Fi żmien Isaija, il-maġġuranza taʼ dawk li kienu jifformaw il-poplu li kien f’patt maʼ Jehovah rrifjutaw id-dawl li pprovdielhom. B’riżultat taʼ dan, Isaija ra s-saltna taʼ Iżrael, li kienet fit-tramuntana, tinqered bħala nazzjon. Imbagħad, fis-sena 607 Q.E.K., Ġerusalemm u t-tempju tagħha nqerdu, u l-abitanti taʼ Ġuda ttieħdu fl-eżilju. Madankollu, dawk li taw widen għall-kelma taʼ Jehovah ġew imsaħħin biex ma jċedux għall-apostasija li kien hemm dak iż-żmien. Dwar dak li kellu jiġri fis-sena 607 Q.E.K., Jehovah wiegħed li dawk li jobduh kellhom jibqgħu ħajjin. (Ġeremija 21:8, 9) Illum, aħna li nħobbu d-dawl nistgħu nitgħallmu ħafna minn dak li ġara lura f’dak iż-żmien.—Efesin 5:5.
Il-Ferħ taʼ Dawk li Qegħdin fid-Dawl
3. Illum, liema fiduċja jistaʼ jkollna, liema “poplu ġust” inħobbu, u liema “belt qawwija” għandu dan il-“poplu”?
3 “Għandna belt qawwija; [Alla] bnielna swar u ħitan għall-ħelsien tagħna. Iftħu l-bibien, biex jidħol il-poplu ġust li jżomm is-sewwa.” (Isaija 26:1, 2) Dan il-kliem jirrifletti tajjeb il-ferħ kbir li ħassew nies li kienu jafdaw f’Jehovah. Il-Lhud leali taʼ żmien Isaija kienu jduru lejn Jehovah, mhux lejn l-allat foloz li kienu jaduraw Iżraelin sħabhom, bħala l-uniku Sors veru taʼ sigurtà. Illum, aħna għandna din l-istess fiduċja. Iktar minn hekk, aħna nħobbu ’l-“poplu ġust” taʼ Jehovah—l-“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16; Mattew 21:43) Jehovah wkoll iħobb lil dan il-poplu minħabba l-kondotta leali tiegħu. Bil-barka tiegħu, l-Iżrael t’Alla għandu “belt qawwija,” organizzazzjoni bħal belt li tappoġġah u tipproteġih.
4. Liema attitudni mentali nagħmlu tajjeb li niżviluppaw?
4 Dawk li qegħdin ġo din il-“belt” jafu tajjeb li dak li ‘l-fehma tiegħu sħiħa [f’Jehovah], [Jehovah] jsaħħaħlu s-sliem, għax fih ittama.’ Jehovah jappoġġa lil dawk li l-fehma, jew, ix-xewqa, tagħhom hi li jafdaw fih u jaġixxu fi qbil mal-prinċipji taʼ tjieba tiegħu. Kien għalhekk li dawk l-uħud leali f’Ġuda għamlu dak li ħeġġiġhom jagħmlu Isaija: “Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem, għax il-Mulej hu l-blata taʼ dejjem.” (Isaija 26:3, 4; Salm 9:11 [9:10, NW]; 37:3; Proverbji 3:5) Dawk li għandhom din l-attitudni mentali jduru lejn “il-Mulej,” Jah Jehovah, bħala l-unika Blata li jistgħu jistrieħu fuqha għas-sigurtà. Jehovah ‘jsaħħilhom is-sliem,’ u għalhekk huma jħossuhom fil-paċi miegħu kontinwament.—Filippin 1:2; 4:6, 7.
Umiljazzjoni għall-Għedewwa t’Alla
5, 6. (a) Babilonja tal-qedem kif ġiet umiljata? (b) B’liema mod ġiet umiljata “Babilonja l-Kbira”?
5 Xi ngħidu jekk dawk li jafdaw f’Jehovah jgħaddu minn xi tbatijiet? M’għandhomx għalfejn jibżgħu. Jehovah jippermetti dawn l-affarijiet għal xi żmien, imma mbagħad iġibilhom serħan, u dawk li jkunu ġabulhom it-tbatija jiffaċċjaw il-ġudizzju tiegħu. (2 Tessalonikin 1:4-7; 2 Timotju 1:8-10) Ikkunsidra xi ġralha ċerta “belt imkabbra.” Isaija jgħid: “[Jehovah] lil min kien fl-għoli niżżlu, il-belt imkabbra niżżilha, waqqagħha għal isfel, fit-trab xeħitha; taħt is-saqajn tirtifes, saqajn il-fqir, ir-rifs taʼ l-imsejknin.” (Isaija 26:5, 6) Il-belt imkabbra msemmija hawnhekk tistaʼ tkun Babilonja. Dik il-belt żgur li ġagħlet lill-poplu t’Alla jsofri. Imma xi ġralha Babilonja? Fis-sena 539 Q.E.K. waqgħet f’idejn il-Medi u l-Persjani. X’umiljazzjoni!
6 Fi żmienna, il-kliem profetiku taʼ Isaija jiddeskrivi tajjeb dak li ġara lil “Babilonja l-Kbira” mill-1919 ’l hawn. Din il-belt imkabbra waqgħet b’mod umiljanti dik is-sena meta ġiet imġagħla teħles lill-poplu taʼ Jehovah mill-jasar spiritwali. (Apokalissi 14:8) Dak li seħħ wara dan kien saħansitra iktar umiljanti. Il-ġemgħa żgħira taʼ Kristjani bdew ‘jirfsu’ lil dik li qabel kienet qed iżżommhom fil-jasar. Fl-1922 bdew iħabbru t-tmiem li dejjem riesaq tal-Kristjaneżmu, u jsemmgħu lil kulħadd l-erbaʼ trombi anġeliċi t’Apokalissi 8:7-12 u t-tliet ħsarat, jew gwajijiet, imbassrin f’Apokalissi 9:1–11:15.
“Triq il-Ġust Dritta”
7. Liema gwida jirċievu dawk li jfittxu d-dawl taʼ Jehovah, f’min jittamaw, u x’jgħożżu?
7 Jehovah jipprovdi salvazzjoni għal dawk li jfittxu d-dawl tiegħu, u jiggwidalhom triqithom, bħalma juri issa Isaija: “Triq il-ġust dritta [jew, retta]: o int, l-aktar rett, witti t-triq tal-ġusti. Iva, fi triq il-ġudizzji tiegħek, o Mulej, aħna stennejniek! Ix-xewqa taʼ ruħna hi għal ismek, u għal tifkirtek.” (Isaija 26:7, 8, KŻ) Jehovah hu Alla taʼ tjieba, u dawk li jqimuh iridu jimxu skond il-livelli taʼ tjieba tiegħu. Meta jagħmlu hekk, Jehovah jiggwidahom, u jwittilhom it-triq. Billi jagħtu kas il-gwida tiegħu, dawn l-uħud ġwejdin juru li huma jittamaw f’Jehovah u jgħożżu ismu, jew ‘tifkirtu,’ b’qalbhom kollha.—Eżodu 3:15.
8. Liema attitudni eżemplari kellu Isaija?
8 Isaija kien jgħożż isem Jehovah. Dan jidher ċar mill-kliem li jmiss tiegħu: “Billejl tixtieqek ruħi; mas-sebħ tfittxek ġo fija qalbi. Għaliex meta jiddu l-ġudizzji tiegħek fuq l-art, in-nies tad-dinja jitgħallmu l-ġustizzja.” (Isaija 26:9) ‘Ruħ’ Isaija—hu nnifsu bħala persuna—xtaqet lil Jehovah. Ġib quddiem għajnejk lill-profeta, li bil-lejl kien juża dan il-ħin kwiet biex jitlob lil Jehovah, hekk kif jesprimi l-ħsibijiet l-iktar profondi tiegħu u bil-ħerqa kollha jfittex il-gwida taʼ Jehovah. X’eżempju mill-aqwa! Iktar minn hekk, Isaija tgħallem it-tjieba mill-ġudizzji li wettaq Jehovah. Permezz taʼ dan, hu jfakkarna dwar il-bżonn li nibqgħu għassa l-ħin kollu, attenti biex nagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Jehovah.
Xi Wħud Jagħżlu d-Dlam
9, 10. Liema atti taʼ qalb tajba wettaq Jehovah mal-ġens tiegħu li ma baqax leali, imma huma kif irreaġixxew?
9 Billi kien daqshekk qalbu tajba mal-poplu taʼ Ġuda, Jehovah wera kemm tassew kien iħobbhom, imma b’sogħba, mhux kollha wieġbu għal dan. Ħafna drabi, il-maġġuranza ppreferew jagħżlu r-ribelljoni u l-apostasija milli d-dawl tal-verità taʼ Jehovah. Isaija qal: “Iħennu għall-ħażin, imma dan is-sewwa ma jitgħallimx; f’art id-dritt jimxi bl-imgħawweġ, u l-kobor tal-Mulej ma jqisux.”—Isaija 26:10.
10 Meta id Jehovah pproteġiet lil Ġuda kontra l-għedewwa tagħha fi żmien Isaija, il-maġġuranza ma ridux jirrikonoxxuh dan. Meta hu berikhom bil-paċi tiegħu, il-ġens ma wera ebda gratitudni. Għalhekk, Jehovah abbandunahom biex jaqdu “sidien oħra,” u finalment ħalla lil-Lhud jittieħdu fil-jasar ġewwa Babilonja fis-sena 607 Q.E.K. (Isaija 26:11-13) Minkejja dan, wara li għadda ż-żmien, fdal mill-ġens li issa kien ġie dixxiplinat reġaʼ lura lejn artu.
11, 12. (a) Liema futur kien hemm lest għal dawk li żammew lil Ġuda fil-jasar? (b) Fl-1919 liema futur kien hemm lest għal min kien qed iżomm lill-qaddejja midlukin taʼ Jehovah fil-jasar?
11 Xi ngħidu għal dawk li żammew lil Ġuda fil-jasar? Isaija jwieġeb profetikament: “Huma mejta, ma jgħixux, erwieħ li ma jqumux. Hekk int ikkastigajthom u qridthom, u ħassart kull tifkira tagħhom.” (Isaija 26:14) Iva, wara l-waqgħa tagħha fis-sena 539 Q.E.K., Babilonja ma kellha ebda futur. Maż-żmien, din il-belt ma kinitx se tibqaʼ teżisti. Kienet se tkun ‘ruħ li ma tqumx,’ u l-imperu enormi tagħha kien se jibqaʼ jeżisti biss fil-kotba taʼ l-istorja. Xi twissija din għal dawk li jpoġġu t-tama tagħhom fis-setgħanin taʼ din id-dinja!
12 Xi aspetti minn din il-profezija twettqu meta Alla ppermetta li l-qaddejja midlukin tiegħu jittieħdu f’jasar spiritwali fl-1918 u mbagħad ħelishom fl-1919. Minn dakinhar ’il quddiem, il-futur taʼ min kien qed iżommhom fil-jasar, prinċipalment il-Kristjaneżmu, kien wieħed bla tama. Imma kien hemm barkiet tassew kbar lesti għall-poplu taʼ Jehovah.
“Int Kattart il-Ġens”
13, 14. Liema barkiet kbar gawdew il-qaddejja midlukin taʼ Jehovah mill-1919 ’l hawn?
13 Fl-1919, Alla bierek l-attitudni u l-għemejjel taʼ ndiema li wrew il-qaddejja midlukin tiegħu, u kattarhom. L-ewwel, l-attenzjoni kienet iffokata fuq il-ġbir taʼ l-aħħar membri taʼ l-Iżrael t’Alla, u mbagħad bdiet tinġabar “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra.” (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16) Dawn il-barkiet kienu tbassru minn Isaija f’din il-profezija: “Int kattart il-ġens, Mulej, kattart il-poplu u ssebbaħt, wessajt it-truf kollha tal-pajjiż. Mulej fid-dwejjaq fittixnik, sejjaħnielek int u tikkastigana.”—Isaija 26:15-16
14 Illum, it-truf taʼ l-Iżrael t’Alla twessgħu għal madwar l-art kollha, u l-kotra kbira li żdiedet taʼ wħud li jieħdu sehem b’mod żeluż fix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba issa tgħodd mas-sitt miljuni. (Mattew 24:14) X’barka minn Jehovah! U kemm jigglorifika lil ismu dan! L-isem taʼ Jehovah llum qed jinstemaʼ f’235 pajjiż—mod meraviljuż kif twettqet il-wegħda tiegħu.
15. Liema rxoxt simboliku seħħ fl-1919?
15 Il-poplu taʼ Ġuda kellu bżonn l-għajnuna taʼ Jehovah biex jinħeles mill-jasar f’Babilonja. Ma setgħu qatt jirnexxilhom jagħmlu dan waħedhom. (Isaija 26:17, 18) B’mod simili, il-ħelsien taʼ l-Iżrael t’Alla fl-1919 kien prova li kellhom l-appoġġ taʼ Jehovah. Ma setax seħħ mingħajr l-għajnuna tiegħu. Barra minn hekk, il-kundizzjoni tagħhom tant ġarrbet bidla taʼ l-għaġeb li Isaija jqabbilha maʼ rxoxt: “Għax jgħixu mill-ġdid il-mejtin tiegħek, il-katavri jqumu lkoll. Jistenbħu u jgħannu dawk li jgħammru fit-trab. In-nida tiegħek hi nida taʼ dawl, u l-art [“se tħalli saħansitra lil dawk impotenti fil-mewt jaqgħu fit-twelid,” NW].” (Isaija 26:19; Apokalissi 11:7-11) Iva, dawk li kienu impotenti fil-mewt kellhom bħallikieku jitwieldu mill-ġdid biex ikomplu l-attività tagħhom!
Protezzjoni fi Żminijiet taʼ Periklu
16, 17. (a) Fis-sena 539 Q.E.K., x’kellhom jagħmlu l-Lhud sabiex setgħu jsalvaw meta waqgħet Babilonja? (b) Illum, x’aktarx li huma l-“kmamar taʼ ġewwa,” u kif nibbenefikaw permezz tagħhom?
16 Il-qaddejja taʼ Jehovah dejjem ikollhom bżonn il-protezzjoni tiegħu. Iżda, dalwaqt, hu se jerfaʼ idu għall-aħħar darba kontra d-dinja taʼ Satana, u l-adoraturi t’Alla se jkollhom bżonn l-għajnuna tiegħu iktar minn qatt qabel. (1 Ġwann 5:19) Dwar dak iż-żmien taʼ periklu, Jehovah jwissina: “Mur, poplu tiegħi, idħol fil-kmamar [“taʼ ġewwa,” NW] tiegħek, u sakkar il-bibien warajk! Inħeba għal ftit sa ma tgħaddi l-korla. Għax, araw, il-Mulej ħiereġ minn għamartu, biex jitħallas tal-ħażen tan-nies taʼ l-art; l-art tikxef id-demm li xorbot, u ma tgħattix aktar il-maqtulin tagħha.” (Isaija 26:20, 21; Sofonija 1:14) Din it-twissija wriet lil-Lhud x’setgħu jagħmlu biex isalvaw meta waqgħet Babilonja fis-sena 539 Q.E.K. Dawk li obdewha kellhom jibqgħu fi djarhom, biex ma jaqgħux taħt idejn is-suldati li kienu qed jikkonkwistaw il-belt.
17 Illum, il-“kmamar taʼ ġewwa” li jissemmew fil-profezija x’aktarx li jirrappreżentaw l-għaxriet t’eluf taʼ kongregazzjonijiet tal-poplu taʼ Jehovah madwar id-dinja. Dawn il-kongregazzjonijiet huma taʼ protezzjoni anki issa, għaliex huma post fejn il-Kristjani jsibu s-sigurtà fost ħuthom, u fejn hemm anzjani li jieħdu ħsiebhom b’imħabba. (Isaija 32:1, 2; Lhud 10:24, 25) Dan hu veru b’mod speċjali meta nqisu kemm jinsab fil-qrib it-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet, meta s-salvazzjoni tagħna se tkun tiddependi mill-ubbidjenza.—Sofonija 2:3.
18. Dalwaqt Jehovah kif se “joqtol id-dragun li hemm fil-baħar”?
18 Dwar dak iż-żmien, Isaija jipprofetizza: “F’dak il-jum jikkastiga l-Mulej bix-xabla qalila, kbira u qawwija tiegħu lil Liwjatan, is-serp ħafif, lil Liwjatan, is-serp jitkagħweġ; joqtol id-dragun li hemm fil-baħar.” (Isaija 27:1) X’inhu l-“Liwjatan” taʼ żmienna? Mid-dehra, dan huwa s-“Serp tal-qedem,” Satana nnifsu, flimkien mas-sistema ħażina t’affarijiet tiegħu, li jużaha biex jiggwerra kontra l-Iżrael t’Alla. (Apokalissi 12:9, 10, 17; 13:14, 16, 17) Fl-1919, Liwjatan tilef il-poter li kellu fuq il-poplu t’Alla. Maż-żmien, dan se jisparixxi għalkollox. (Apokalissi 19:19-21; 20:1-3, 10) B’hekk, Jehovah se “joqtol id-dragun li hemm fil-baħar.” Sadanittant, ebda ħaġa li jipprova jagħmel Liwjatan kontra l-poplu taʼ Jehovah ma se tirnexxi verament. (Isaija 54:17) Kemm hu taʼ faraġ għalina l-fatt li aħna żgurati minn dan!
‘Ġnejna tad-Dwieli taʼ Nbid Ibaqbaq’
19. X’inhu l-istat tal-fdal illum?
19 Meta naraw li Jehovah jipprovdilna dan id-dawl kollu, m’għandniex raġun inħossuna tassew henjin? Iva, tabilħaqq! Isaija jiddeskrivi b’mod sabiħ ferm il-ferħ li jħossu n-nies taʼ Jehovah meta jikteb: “F’dak il-jum jgħidu: ‘Għannulha lill-ġnejna tad-dwieli [“taʼ nbid ibaqbaq,” NW]! Jiena l-Mulej, l-għassies tagħha. Kull ħin u kull waqt insaqqiha. Biex ma tiġrilha ebda ħsara, lejl u nhar jien inħarisha.’” (Isaija 27:2, 3) Jehovah ħa ħsieb il-“ġnejna tad-dwieli” tiegħu, il-fdal taʼ l-Iżrael t’Alla, u lil sħabhom li tant jaħdmu iebes. (Ġwann 15:1-8) Ir-riżultat kien frott li jġib glorja lil ismu u ferħ kbir fost il-qaddejja tiegħu fuq l-art.
20. Jehovah kif jipproteġi l-kongregazzjoni Kristjana?
20 Fl-1918, Jehovah kien ippermetta li l-qaddejja midlukin tiegħu jittieħdu f’jasar spiritwali minħabba li kien irrabjat għalihom. Iżda issa m’għadux, u dan għandu jġagħalna nifirħu ħafna. Jehovah nnifsu jgħid: “Ma għadnix mgħaddab. Li kien hemm ix-xewk u l-ħurrieq, kont nagħmlilhom gwerra, naħraqhom ilkoll f’salt wieħed, sakemm ma jfittxux il-kenn fija u ma jagħmlux paċi miegħi, u ma jagħmlux paċi miegħi.” (Isaija 27:4, 5) Sabiex jaċċerta ruħu li d-dwieli tiegħu jkomplu jipproduċu abbundanza taʼ “nbid ibaqbaq,” Jehovah jgħaffeġ u jaħraq kwalunkwe influwenza li, bħall-ħaxix ħażin, tistaʼ tagħmlilhom il-ħsara. Għalhekk, ħalli ħadd ma jhedded is-saħħa spiritwali tal-kongregazzjoni Kristjana! Ħalli kulħadd ‘ifittex il-kenn taʼ Jehovah,’ billi jaħdem ħalli jkollu l-favur u l-protezzjoni taʼ Jehovah. Billi nagħmlu hekk, inkunu qed nagħmlu paċi m’Alla—xi ħaġa li tant hi importanti li Isaija jsemmiha darbtejn.—Salm 85:2, 3, 9 [85:1, 2, 8, NW]; Rumani 5:1.
21. L-art produttiva b’liema mod imtliet bil-“frott”?
21 Il-barkiet ikomplu: “U jfiġġ jum meta jxenxel għerq Ġakobb, meta jarmi u jiżhar Iżrael, u wiċċ id-dinja jimlewh bil-frott.” (Isaija 27:6) Dan il-vers twettaq mill-1919 ’l hawn, u b’hekk ipprovda evidenza taʼ l-għaġeb dwar il-qawwa taʼ Jehovah. Il-Kristjani midlukin imlew l-art bil-“frott,” ikel spiritwali sustanzjuż. Huma bil-ferħ jibqgħu jżommu l-livelli għoljin t’Alla f’nofs dinja korrotta. U Jehovah jkompli jberikhom billi jkattarhom. Bħala riżultat, il-miljuni taʼ wħud li jissieħbu magħhom, in-nagħaġ l-oħra, ‘qed jaqdu lil Alla lejl u nhar fit-tempju tiegħu.’ (Apokalissi 7:15) Jalla qatt ma nwarrbu minn quddiem għajnejna l-privileġġ kbir li nieklu minn dak il-“frott” u nagħtu minnu lil ħaddieħor!
22. Liema barkiet ikollhom dawk li jaċċettaw id-dawl?
22 F’dawn iż-żminijiet diffiċli, meta l-art hi miksija bid-dlam u l-ġnus huma mgħottijin b’dalma ħoxna, ma nħossuniex grati li Jehovah jitfaʼ d-dawl spiritwali fuq il-poplu tiegħu? (Isaija 60:2; Rumani 2:19; 13:12) Għal dawk kollha li jaċċettawh, dan id-dawl ifisser li se jkollhom paċi tal-moħħ u ferħ issa u saħansitra ħajja taʼ dejjem fil-futur. Għalhekk, aħna li nħobbu d-dawl għandna kull raġuni biex infaħħru lil Jehovah b’qalbna kollha u ngħidu flimkien mas-salmista: “Il-Mulej hu l-kenn tiegħi; quddiem min għandi nitwerwer? Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej.”—Salm 27:1b, 14.
Tiftakar Int?
• Liema futur hemm lest għal dawk li jgħakksu ’l-poplu taʼ Jehovah?
• Liema żjieda hi profetizzata f’Isaija?
• X’inhuma l-“kmamar taʼ ġewwa” li rridu nibqgħu fihom, u għala?
• L-istat tal-poplu taʼ Jehovah għala jġiblu tifħir?
[Kaxxa f’paġna 22]
PUBBLIKAZZJONI ĠDIDA
Ħafna mill-informazzjoni li ġiet diskussa f’dawn iż-żewġ artikli taʼ studju ġiet preżentata bħala taħdita fil-konvenzjoni distrettwali tas-sena 2000/2001. Fit-tmiem tat-taħdita, ġiet preżentata pubblikazzjoni ġdida bl-isem Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I. Dan il-ktieb b’416-il paġna fih spjegazzjoni vers b’vers taʼ l-ewwel 40 kapitlu tal-ktieb taʼ Isaija.
[Stampa f’paġna 18]
It-twajbin biss jitħallew jidħlu fil-“belt qawwija” taʼ Jehovah, l-organizzazzjoni tiegħu
[Stampa f’paġna 19]
Isaija fittex lil Jehovah “billejl”
[Stampa f’paġna 21]
Jehovah jipproteġi l-“ġnejna tad-dwieli” tiegħu u jġagħalha tagħti l-frott