L-Irxoxt taʼ Ġesù taħt il-Lenti
“Nistaʼ ngħidilkom bla tlaqliq li waqt li nistgħu nkunu assolutament ċerti li Ġesù għex . . . , ma nistgħux bl-istess ċertezza ngħidu li nafu li Alla qajmu mill-imwiet.” Hekk stqarr l-Arċisqof taʼ Canterbury, l-ogħla awtorità taċ-Church of England.
PAWLU, l-appostlu Kristjan, ma kellux dubju dwar l-irxoxt. F’kapitlu 15 taʼ l-ewwel ittra ispirata tiegħu lil sħabu l-Kristjani f’Korintu tal-qedem, hu kiteb: “Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura.”—1 Korintin 15:3, 4.
Kienet il-fidi fl-irxoxt taʼ Ġesù Kristu li qanqlet lid-dixxipli tiegħu biex jippridkaw l-evanġelju fid-dinja Griega-Rumana—“lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.” (Kolossin 1:23) Fil-fatt, l-irxoxt taʼ Ġesù huwa l-pedament stess tal-fidi Kristjana.
Iżda mill-bidunett kien hemm ħafna li ddubitaw u m’emmnux fl-irxoxt taʼ Ġesù. Għal-Lhud in ġenerali, kienet dagħwa li s-segwaċi taʼ Ġesù jsostnu li dan ir-raġel imsammar maʼ zokk kien il-Messija. U għall-biċċa l-kbira mill-Griegi li kellhom ċertu livell taʼ skola u li kienu jemmnu fl-immortalità tar-ruħ, l-istess idea taʼ rxoxt kienet iddejjaqhom għall-aħħar.—Atti 17:32-34.
Uħud fi Żmienna li Jiddubitaw
Dan l-aħħar, xi studjużi li jgħidu li huma Kristjani ppubblikaw kotba u artikli li fihom sostnew li l-irxoxt taʼ Ġesù huwa ħrafa. B’hekk, dawn l-istudjużi taw bidu għal dibattitu jaħraq dwar dan is-suġġett. Fit-tfittxija tagħhom għal “Ġesù storiku,” diversi studjużi jargumentaw li r-rakkonti fl-Evanġelju dwar il-qabar vojt u dwar id-dehriet taʼ Ġesù wara l-irxoxt tiegħu m’huma xejn ħlief ħrafa. Skond ma jgħidu huma, din il-ħrafa ġiet ivvintata żmien twil wara l-mewt taʼ Ġesù sabiex tappoġġa lil dawk li jsostnu li hu għandu qawwa mis-sema.
Per eżempju, ikkunsidra l-ħarsa taʼ l-istudjuż Ġermaniż Gerd Lüdemann, professur tat-Testment il-Ġdid u awtur tal-ktieb What Really Happened to Jesus—A Historical Approach to the Resurrection. Hu jargumenta li l-irxoxt taʼ Ġesù huwa “stqarrija vojta” li trid tiġi rifjutata minn kulmin għandu “ħarsa xjentifika lejn id-dinja.”
Il-Professur Lüdemann isostni li dak li l-appostlu Pietru ħaseb li kien Kristu rxoxtat kien biss viżjoni li rriżultat min-niket u l-ħtija li fnew lil Pietru minħabba li kien ċaħad lil Ġesù. U skond Lüdemann, il-fatt li f’okkażjoni minnhom Ġesù deher lil iktar minn 500 kredent kien każ taʼ “estasi tal-massa.” (1 Korintin 15:5, 6) Fil-qosor, ħafna studjużi jgħidu li r-rakkonti tal-Bibbja dwar Ġesù rxoxtat huma biss sensiela taʼ esperjenzi fil-moħħ li pproduċew fid-dixxipli sens imġedded taʼ fiduċja spiritwali fihom infushom u taʼ żelu missjunarju.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna nies ma tantx jinteressaw ruħhom f’kontroversji intellettwali. Madankollu, ilkoll kemm aħna għandna ninteressaw ruħna f’diskussjoni dwar l-irxoxt taʼ Ġesù. Għala? Għaliex, jekk ma ġiex irxoxtat, il-Kristjanità tkun ibbażata fuq pedament falz. Mill-banda l-oħra, jekk l-irxoxt taʼ Ġesù huwa tassew fatt taʼ l-istorja, il-Kristjanità tkun ibbażata fuq il-verità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhux talli jiġu ġustifikati l-istqarrijiet taʼ Kristu imma wkoll il-wegħdi tiegħu. Iktar minn hekk, jekk hemm l-irxoxt, il-mewt ma tkunx ir-rebbieħa l-kbira imma għadu li jistaʼ jintgħeleb.—1 Korintin 15:55.
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
Mis-Self Pronouncing Edition of the Holy Bible, li fiha l-verżjonijiet tal-King James u tar-Revised