Ieqfu Sħaħ u b’Konvinzjoni Soda
Uħud Kuraġġużi li Jżommu l-Integrità Jittrijonfaw fuq il-Persekuzzjoni tan-Nazi
“KUN għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” (Proverbji 27:11) Din l-istedina mill-qalb turi li l-ħlejjaq intelliġenti t’Alla jistgħu jferrħu qalb Jehovah billi jibqgħu jżommu l-fedeltà u l-lealtà tagħhom lejh. (Sofonija 3:17) Madankollu, Satana, il-wieħed li qed jgħajjar lil Jehovah, huwa determinat li jkisser l-integrità taʼ dawk li jaqdu lil Jehovah.—Ġob 1:10, 11.
Satana wera korla kbira lejn in-nies taʼ Jehovah, b’mod speċjali minn mindu twaddab ’il barra mis-smewwiet lejn il-viċinanzi taʼ l-art kmieni fis-seklu 20. (Apokalissi 12:10, 12) Minkejja dan, il-Kristjani veri waqfu “sħaħ u b’konvinzjoni soda” u żammew l-integrità tagħhom lejn Alla. (Kolossin 4:12, NW) Ejja nikkunsidraw fil-qosor eżempju wieħed li jispikka taʼ wħud li żammew l-integrità—dak tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja qabel u matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Attività Żeluża Twassal għal Provi taʼ Integrità
Fis-snin għoxrin u kmieni fis-snin tletin, il-Bibelforscher, bħalma kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja dak iż-żmien, qassmu ammonti kbar taʼ letteratura bbażata fuq il-Bibbja. Bejn l-1919 u l-1933, huma ħallew medja taʼ tmien kotba, fuljetti, jew rivisti maʼ kull familja fil-Ġermanja.
Dik il-ħabta, il-Ġermanja kellha wieħed mill-akbar gruppi taʼ segwaċi midlukin taʼ Kristu. Fil-fatt, mit-83,941 persuna mid-dinja kollha li ħadu sehem fl-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej fl-1933, kważi 30 fil-mija minnhom kienu jgħixu fil-Ġermanja. Ftit żmien wara, dawn ix-Xhieda Ġermaniżi kellhom jgħaddu minn provi ibsin ħafna taʼ integrità. (Apokalissi 12:17; 14:12) Għall-ewwel bdew jingħataw is-sensja, jitkeċċew mill-iskejjel, u jsirulhom tfittxijiet għal għarrieda fid-djar. Imbagħad, fi żmien qasir, bdew jiġu msawtin, arrestati, u mitfugħin il-ħabs. (L-1 Stampa) Minħabba f’hekk, fis-snin li wasslu għat-Tieni Gwerra Dinjija, minn 5 sa 10 fil-mija taʼ dawk miżmumin fil-kampijiet tal-konċentrament kienu Xhieda taʼ Jehovah.
Għala n-Nazi Ppersegwitaw lix-Xhieda
Iżda x-Xhieda taʼ Jehovah għala qanqlu r-rabja tar-reġim Nazista? Fil-ktieb tiegħu Hitler—1889-1936: Hubris, il-professur taʼ l-istorja Ian Kershaw jinnota li x-Xhieda saru l-mira tal-persekuzzjoni għax ma ridux “li jkunu l-propjetà taʼ l-istat Nazista għalkollox.”
Il-ktieb Betrayal—German Churches and the Holocaust, editjat mill-professur taʼ l-istorja Robert P. Ericksen u l-professoressa taʼ l-istudji Lhudin Susannah Heschel, spjega li x-Xhieda ‘rrifjutaw li jieħdu sehem fil-vjolenza jew fl-użu tal-forza militari. Ix-Xhieda kienu jemmnu fin-newtralità politika, li kienet tfisser li la kienu se jivvotaw lil Hitler u lanqas ma kienu se jfaħħruh billi jgħidu Heil Hitler.’ Il-ktieb ikompli li dan qanqal ir-rabja tan-Nazi u poġġa lix-Xhieda f’pożizzjoni kritika għax “is-Soċjaliżmu Nazzjonali qatt ma kien se jittollera rifjut bħal dan.”
Protesta mad-Dinja Kollha u Attakk Sfrenat
Fid-9 taʼ Frar, 1934, Joseph F. Rutherford, li dak iż-żmien kien minn taʼ quddiemnett fix-xogħol, bagħat ittra taʼ protesta lil Hitler. Din intbagħtet permezz taʼ messaġġier speċjali bħala risposta għall-intolleranza minn Hitler. (It-2 Stampa) Wara dan, fis-7 t’Ottubru, 1934, ix-Xhieda taʼ Jehovah minn 50 pajjiż, inkluż il-Ġermanja, bagħtu madwar 20,000 ittra u telegramma taʼ protesta lil Hitler.
Ir-reazzjoni tan-Nazi kienet li komplew iħarrxu l-persekuzzjoni tagħhom. Fl-1 t’April, 1935, ix-Xhieda ġew projbiti mal-pajjiż kollu. Fit-28 t’Awissu, 1936, il-Gestapo taw bidu għal attakk sfrenat kontrihom. Madankollu, ix-Xhieda “komplew iqassmu l-fuljetti u baqgħu jħaddnu l-fidi tagħhom,” jinnota Betrayal—German Churches and the Holocaust.
Per eżempju, fit-12 taʼ Diċembru, 1936, xi 3,500 Xhud qassmu għaxriet t’eluf taʼ kopji stampati tar-riżoluzzjoni li saret dwar it-trattament aħrax li kienu qed isofru. Dan sar taħt imnieħer il-Gestapo. Dwar din il-kampanja, It-Torri taʼ l-Għassa qal: “Għall-ħaddiema leali, din kienet rebħa kbira taʼ ferħ liema bħalu waqt li kienet daqqa taʼ ħarta kbira għall-għadu.”—Rumani 9:17.
Il-Persekuzzjoni Tisfaxxa fix-Xejn!
In-Nazi komplew bit-tfittxija tagħhom għax-Xhieda taʼ Jehovah. Sa l-1939, sitt elef minnhom kienu ġew mitfugħin il-ħabs, u eluf minnhom kienu ntbagħtu f’kampijiet tal-konċentrament. (It-3 Stampa) X’kienet is-sitwazzjoni meta ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija? Madwar 2,000 Xhud li kienu l-ħabs mietu. Fosthom kien hemm iktar minn 250 li nqatlu. “Minkejja l-inkwiet,” kitbu l-Professuri Ericksen u Heschel, “fil-biċċa l-kbira, ix-Xhieda taʼ Jehovah baqgħu jħaddnu l-fidi tagħhom.” Għalhekk, meta waqaʼ r-reġim taʼ Hitler, ’il fuq minn elf Xhud ħarġu rebbiħin mill-kampijiet.—Ir-4 Stampa; Atti 5:38, 39; Rumani 8:35-37.
X’kien li ta lin-nies taʼ Jehovah l-qawwa biex jissaportu l-persekuzzjoni? Adolphe Arnold, wieħed minn dawk li rnexxielhom isalvaw mill-kamp tal-konċentrament, jispjega: “Jehovah jarak saħansitra meta ma tkunx tiflaħ iktar, jaf minn xiex tkun għaddej, u jagħtik il-qawwa li jkollok bżonn biex tegħleb is-sitwazzjoni u tibqaʼ leali. L-id t’Alla m’hijiex daqshekk qasira.”
Kemm japplika tajjeb il-kliem tal-profeta Sofonija għal dawn il-Kristjani leali! Hu ddikjara: “Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir.” (Sofonija 3:17) Illum, jalla l-adoraturi kollha taʼ dak Alla veru jimitaw il-fidi taʼ dawn ix-Xhieda leali li żammew l-integrità tagħhom minkejja l-persekuzzjoni tan-Nazi. B’dan il-mod jistgħu jferrħu qalb Jehovah huma wkoll.—Filippin 1:12-14.
[Sors tal-Istampa f’paġna 8]
Państwowe Muzeum Oświȩcim-Brzezinka, bil-korteżija taʼ l-USHMM Photo Archives