LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 3/15 pp. 25-28
  • “Hieni Min Isib l-Għerf”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Hieni Min Isib l-Għerf”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Jgħajjat bil-​Qawwa”
  • “Għall-​Bnedmin Hi l-​Għajta Tiegħi”
  • “Fommi Jitkellem is-​Sewwa”
  • “Il-​Frott Tiegħi Aħjar mid-​Deheb”
  • “Sa minn Dejjem Twaqqaft”
  • “Hieni l-​Bniedem li Jismagħni”
  • L-Għerf Veru Jkompli Jgħajjat
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • ‘Kemm huwa profond l-għerf t’Alla!’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • ‘L-għerf qed isejjaħ’—Tistaʼ tisimgħu?
    Stenbaħ!—2014
  • Qiegħed “l-għerf li ġej minn fuq” jaħdem f’ħajtek?
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 3/15 pp. 25-28

“Hieni Min Isib l-​Għerf”

KIEN poeta, perit, u sultan. Bi dħul taʼ madwar 77 miljun lira Maltin fis-​sena, hu kien l-​iktar sultan għani fid-​dinja. Ir-​raġel kien magħruf ukoll għall-​għerf li kellu. Ċerta sultana li żaritu tant baqgħet impressjonata li kollha mistagħġba qalet: “Ma kinux ħabbruli n-​nofs! L-​għerf u l-​ġid tiegħek huma aktar milli smajt.” (1 Slaten 10:​4-9) Din kienet il-​pożizzjoni tas-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem.

Salamun kellu kemm ġid kif ukoll għerf. Dan il-​fatt poġġieh f’pożizzjoni tajba biex jiddeċiedi liema minnhom kien tant neċessarju li ma setax jgħaddi mingħajru. Hu kiteb: “Hieni min isib l-​għerf, u l-​bniedem li jikseb id-​dehen, għax qligħ l-​għerf jiswa aktar mill-​fidda, u l-​ġid li jġib hu, aħjar mid-​deheb. L-​għerf hu egħżeż mill-​ħaġar prezzjuż, kull ma tixtieq qalbek ma jiswiex daqsu.”—Proverbji 3:​13-15.

Imma l-​għerf fejn nistgħu nsibuh? Għala huwa iktar prezzjuż mill-​għana? X’karatteristiċi sbieħ għandu? It-​tmien kapitlu tal-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji, li nkiteb minn Salamun, iwieġeb dawn il-​mistoqsijiet b’mod affaxxinanti. Hawnhekk l-​għerf huwa personifikat, bħallikieku jistaʼ jitkellem u jaġixxi, u juri personalment il-​kwalitajiet pjaċevoli tiegħu kif ukoll kemm jiswa.

“Jgħajjat bil-​Qawwa”

Kapitlu 8 tal-​Proverbji jibda b’mistoqsija retorika: “M’huwiex isejjaħ l-​għerf, u d-​dehen m’huwiex qiegħed jgħajjat?”a Iva, l-​għerf u d-​dehen jibqgħu jgħajtu, imma mhux bħall-​mara immorali li toqgħod titlajja f’postijiet mudlama u ssefsef kliem seduċenti f’widnejn xi żagħżugħ solitarju u mingħajr esperjenza. (Proverbji 7:12) “Fil-​quċċata taʼ l-​għoljiet matul it-​triq, qagħad l-​għerf f’salib it-​toroq, ħdejn il-​bieb, quddiem il-​belt, fid-​daħla tal-​bieb jgħajjat bil-​qawwa.” (Proverbji 8:​1-3) Il-​leħen sod u qalbieni taʼ l-​għerf jinstemaʼ ċar u tond f’postijiet pubbliċi—ħdejn il-​bieb, f’salib it-​toroq, fid-​daħla tal-​belt. In-​nies jistgħu faċilment jisimgħu dan il-​leħen u jwieġbu.

Min jistaʼ jiċħad li l-​għerf divin li nsibu fil-​Kelma ispirata t’Alla, il-​Bibbja, huwa disponibbli għal kważi kulmin jixtieq jiksbu fid-​dinja? “Il-​Bibbja hija l-​iktar ktieb li nqara fl-​istorja,” tgħid The World Book Encyclopedia. Din tkompli: “Tqassmu ferm iktar kopji tal-​Bibbja milli taʼ kwalunkwe ktieb ieħor. Il-​Bibbja ġiet ukoll tradotta iktar drabi, u f’iktar lingwi, minn kwalunkwe ktieb ieħor.” Il-​Bibbja ġiet tradotta, sħiħa jew partijiet minnha, f’iktar minn 2,100 lingwa u djalett. Dan il-​fatt għamilha possibbli li ’l fuq minn 90 fil-​mija tal-​bnedmin ikollhom aċċess għal minn taʼ l-​inqas parti mill-​Kelma t’Alla fil-​lingwa tagħhom stess.

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah qed ixandru pubblikament il-​messaġġ tal-​Bibbja maʼ kullimkien. Huma qed jippridkaw b’mod attiv l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla f’235 pajjiż, u qed jgħallmu lin-​nies il-​veritajiet misjubin fil-​Kelma t’Alla. Ir-​rivisti tagħhom ibbażati fuq il-​Bibbja għandhom ċirkulazzjoni taʼ iktar minn 20 miljun kopja kull waħda. Dawn huma It-​Torri taʼ l-​Għassa, pubblikat f’140 lingwa, u Stenbaħ! li huwa stampat fi 83 lingwa. Żgur li l-​għerf qed ikompli jgħajjat bil-​qawwa f’postijiet pubbliċi!

“Għall-​Bnedmin Hi l-​Għajta Tiegħi”

L-​għerf personifikat jibda jitkellem billi jgħid: “Lilkom, nies, qiegħed insejjaħ, għall-​bnedmin hi l-​għajta tiegħi. Tgħallmu, ċkejknin, l-​għaqal; nies bla moħħ, ifhmu daqsxejn.”—Proverbji 8:​4, 5.

L-għajta taʼ l-​għerf hija waħda universali. Hu jistieden lill-​bnedmin kollha. Saħansitra ċ-​ċkejknin, jew bħalma tgħid in-​nota taʼ taħt, dawk taʼ bla esperjenza, huma mistidnin jiksbu l-​għaqal, jew il-​prudenza, u l-​boloh huma mistidnin jiksbu l-​fehma. Tabilħaqq, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jemmnu li l-​Bibbja hija ktieb għan-​nies kollha. Mingħajr ma joqogħdu jħarsu lejn wiċċ ħadd, huma jagħmlu ħilithom ħalli jinkuraġġixxu lil kulmin jiltaqgħu miegħu biex jitkixxef u jsir jaf il-​kliem taʼ għerf li fiha.

“Fommi Jitkellem is-​Sewwa”

L-​għerf ikompli jiftaħ l-​istedina tiegħu: “Isimgħu, għax ħwejjeġ kbar se ngħidilkom, kliem is-​sewwa se joħroġ minn fommi; għax fommi jitkellem is-​sewwa; u xufftejja jistmellu l-​gideb. Kliem fommi hu kollu sewwa, ma fih ebda tidwir jew tagħwiġ.” Iva, dak kollu li jgħallem l-​għerf huwa eċċellenti u rett, sewwa u taʼ tjieba. M’hemm xejn imdawwar jew mgħawweġ fih. “Kollu dritt għal min għandu d-​dehen, kollu sewwa għal min għandu l-​[“għarfien,” “NW”].”—Proverbji 8:​6-9.

B’mod xieraq, l-​għerf iħeġġeġ: “It-​tagħlim tiegħi ilqaʼ, u mhux il-​fidda, u l-​[“għarfien,” “NW”] aktar mid-​deheb safi.” Din it-​talba tagħmel sens, “għax l-​għerf aħjar mill-​qroll aħmar, m’hu xejn ħdejh il-​ħaġar prezzjuż.” (Proverbji 8:​10, 11) Imma għala? X’jagħmel lill-​għerf iktar prezzjuż mill-​għana?

“Il-​Frott Tiegħi Aħjar mid-​Deheb”

Ir-​rigali li l-​għerf jagħti lil min jagħtih widen huma iktar prezzjużi mid-​deheb, mill-​fidda, jew mill-​qroll aħmar. L-​għerf jistqarr x’inhuma dawn ir-​rigali billi jgħid: “Jien, l-​għerf, ngħix maʼ l-​għaqal, u nimxi bil-​ħsieb u l-​qjies. Il-​biżaʼ tal-​Mulej [“hi l-​mibegħda tal-​,” “KŻ”] ħażen. Kburija, ksuħat, għemejjel ħżiena, kliem taʼ ħsara jien nobgħodhom.”—Proverbji 8:​12, 13.

Min għandu l-​għerf jakkwista l-​għaqal u l-​abbiltà tal-​ħsieb. Il-​bniedem li għandu l-​għerf divin għandu wkoll rispett kbir lejn Alla, ladarba “l-​biżaʼ tal-​Mulej hu l-​bidu taʼ l-​għerf.” (Proverbji 9:10) Għaldaqstant, hu jobgħod dak li jobgħod Jehovah. Il-​kburija, l-​arroganza, l-​imġiba immorali, u fomm giddieb m’humiex fil-​karattru tiegħu. Il-​mibegħda tiegħu lejn dak li hu ħażin tipproteġih mill-​effett korrott tal-​poter. Kemm hu importanti li dawk li għandhom xi pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni Kristjana, kif ukoll il-​kapijiet tal-​familja, ifittxu l-​għerf!

“Jiena għandi l-​fehma u l-​għaqal,” ikompli l-​għerf. “Jiena għandi d-​dehen u l-​qawwa. Bil-​ħila tiegħi jsaltnu s-​slaten, u l-​mexxejja jagħmlu liġijiet tajba. Bil-​ħila tiegħi jaħkmu l-​ħakkiema, u l-​kbarat imexxu l-​art.” (Proverbji 8:​14-16) Il-​frott taʼ l-​għerf jinkludi d-​dehen, il-​fehma, u l-​qawwa. Dawn huma kwalitajiet meħtiġin ferm mill-​ħakkiema, l-​uffiċjali għoljin, u l-​kbarat. Għal dawk li huma fil-​poter jew inkella jagħtu l-​pariri, l-​għerf huwa xi ħaġa li ma jistgħux jgħaddu mingħajrha.

Kulħadd jistaʼ jkollu aċċess għall-​għerf veru bla diffikultà taʼ xejn. Imma mhux kulħadd isibu. Xi wħud jirrifjutawh jew jevitawh, saħansitra meta jkun quddiem wiċċhom. “Jiena nħobb lil min iħobbni,” jgħid l-​għerf, “jien, min ifittixni jsibni.” (Proverbji 8:17) L-​għerf huwa disponibbli biss għal dawk li jfittxuh bis-​serjetà.

It-​triqat taʼ l-​għerf huma retti u taʼ tjieba. Min ifittxu jiġi premjat. Lgħerf jgħid: “Tiegħi huma l-​għana u l-​ġieħ, il-​ġid bla tarf u s-​saħħa. Il-​frott tiegħi aħjar mid-​deheb fin, u d-​dħul tiegħi aqwa mill-​fidda magħżula. Jien fit-​triq tal-​ġustizzja nimxi, mill-​mogħdijiet tas-​sewwa ngħaddi, nagħti l-​ġid lil dawk li jħobbuni, u nimlielhom il-​ħażniet tagħhom.”​—Proverbji 8:18-​21.

Minbarra l-​kwalitajiet u l-​karatteristiċi eċċellenti bħall-​prudenza, l-​abbiltà tal-​ħsieb, l-​umiltà, id-​dehen, l-​għerf prattiku, u l-​fehma, ir-​rigali taʼ l-​għerf jinkludu wkoll il-​ġid u l-​unur. L-​għaref jistaʼ jikseb il-​ġid b’mezzi tajbin, u jimxi ’l quddiem spiritwalment. (3 Ġwann 2) Ukoll, l-​għerf iġib isem tajjeb fuq dak li jkun. Iktar minn hekk, l-​għaref jieħu sodisfazzjon minn dak li jikseb, u għandu paċi tal-​moħħ u kuxjenza nadifa quddiem Alla. Iva, hieni hu min sab l-​għerf. Tabilħaqq, il-​frott taʼ l-​għerf hu aħjar mid-​deheb irfinut u mill-​fidda taʼ l-​aqwa kwalità.

Kemm hu f’waqtu dan il-​parir għalina, ladarba qed ngħixu f’dinja mgħaddsa fil-​materjaliżmu fejn l-​enfasi hija fuq li ssir sinjur bi kwalunkwe mezz u akkost taʼ kollox! Jalla qatt ma ninsew kemm hu prezzjuż l-​għerf u qatt ma nirrikorru għal xi mezz diżonest biex insiru sinjuri. Ejja qatt ma nittraskuraw il-​provvedimenti li fil-​fatt jagħtu l-​għerf—il-​laqgħat Kristjani tagħna u l-​istudju persunali tagħna fuq il-​Bibbja u fuq il-​pubblikazzjonijiet li jipprovdilna “l-​ilsir leali u diskret”—sempliċement biex niksbu l-​ġid.—Mattew 24:​45-​47, NW.

“Sa minn Dejjem Twaqqaft”

Il-​personifikazzjoni taʼ l-​għerf li nsibu f’kapitlu 8 tal-​Proverbji m’hijiex biss mezz li bih nistgħu nispjegaw il-​karatteristiċi taʼ kwalità astratta. Tirreferi wkoll b’mod simboliku għall-​iktar ħolqien importanti taʼ Jehovah. L-​għerf ikompli jgħid: “Il-​Mulej kellu lili sa mill-​bidu taʼ għemilu, sa minn qabel l-​eqdem għemejjel tiegħu. Sa minn dejjem twaqqaft, mill-​bidu, qabel ma nbdiet id-​dinja. Kien għad m’hemmx l-​ibħra l-​kbar, meta tnissilt jien, kien għad m’hemmx għejun inixxu l-​ilma; qabel ma tqiegħdu l-​muntanji, qabel l-​għoljiet jien twelidt. Kien għadu ma għamilx l-​art bir-​rabaʼ tagħha, u lanqas l-​ewwel traba taʼ l-​art.”—Proverbji 8:​22-26.

Kemm taqbel tajjeb din id-​deskrizzjoni taʼ l-​għerf personifikat maʼ dak li tgħid l-​Iskrittura dwar “il-​Kelma”! “Fil-​bidu kien il-​Verb [“il-​Kelma,” Saydon], u l-​Verb kien maʼ Alla, u l-​Verb kien [“alla,” NW].” (Ġwann 1:1) L-​għerf personifikat jirrappreżenta b’mod figurattiv lill-​Iben t’Alla, Ġesù Kristu, qabel ma sar bniedem.b

Ġesù Kristu huwa “l-​kbir [“l-​ewwel,” Saydon] fost il-​ħlejjaq kollha; għax fih kien maħluq kollox, fis-​sema u fl-​art, dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx.” (Kolossin 1:​15, 16) “Meta [ Jehovah] ħejja s-​smewwiet jien kont hemm,” ikompli l-​għerf personifikat, “meta ħażżeż dawra fuq wiċċ il-​baħar kbir, meta saħħaħ is-​smewwiet hemm fuq, u qiegħed fis-​sod in-​nixxigħat taʼ qiegħ il-​baħar; meta ħażżeż trufijiet il-​baħar, biex l-​ilmijiet ma jaqbżux trufhom; meta qiegħed sisien l-​art, jien kont maġenbu bħala [“mgħallem,” “Saydon”], l-​għaxqa tiegħu, jum wara ieħor, nitliegħeb il-​ħin kollu quddiemu; nitliegħeb fuq l-​art imħejjija għall-​bnedmin, nitgħaxxaq b’ulied il-​bnedmin.” (Proverbji 8:​27-31) L-​ewwel Iben imwieled taʼ Jehovah kien hemmhekk maġenb Missieru, jaħdem b’mod attiv miegħu—mal-​Ħallieq tas-​smewwiet u l-​art, li m’għandu lil ħadd daqsu. Meta Alla Jehovah ħalaq l-​ewwel bniedem, Ibnu kien qed jaħdem miegħu bi sħab f’dan il-​proġett, bħala Ħaddiem tas-​Sengħa. (Ġenesi 1:26) Mhux taʼ b’xejn li l-​Iben t’Alla hu interessat ħafna u saħansitra jitgħaxxaq bil-​bnedmin!

“Hieni l-​Bniedem li Jismagħni”

Bħala l-​għerf personifikat, l-​Iben t’Alla jgħid: “U issa wliedi, isimgħu lili: henjin dawk li jimxu fi triqati. Isimgħu t-​tagħlim u tiksbu l-​għerf, u twarrbux it-​tagħlim. Hieni l-​bniedem li jismagħni, li jishar kuljum wara biebi, li jgħasses kuljum maʼ l-​għatba taʼ biebi; għax min isib lili jsib il-​ħajja, u jikseb l-​imħabba tal-​Mulej; iżda min jitlef lili, hu jbati; kull min jobgħod lili jħobb il-​mewt.”—Proverbji 8:​32-36.

Ġesù Kristu huwa l-​personifikazzjoni preċiża taʼ l-​għerf t’Alla. “Fih hemm moħbija t-​teżori kollha taʼ l-​għerf u [“taʼ l-​għarfien,” NW].” (Kolossin 2:3) Mela, ejja nisimgħuh b’attenzjoni kbira u nimxu fil-​passi tiegħu mill-​qrib. (1 Pietru 2:21) Jekk niċħduh inkunu qed nagħmlu ħsara lilna nfusna u nħobbu l-​mewt, għax “f’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni.” (Atti 4:12) Tabilħaqq, ejja naċċettaw lil Ġesù bħala l-​mezz li Alla pprovda għas-​salvazzjoni tagħna. (Mattew 20:28; Ġwann 3:16) B’hekk inkunu nistgħu nesperjenzaw il-​ferħ li jiġi mill-​fatt li ‘nsibu l-​ħajja u niksbu l-​imħabba taʼ Jehovah.’

[Noti taʼ taħt]

a Il-​kelma Ebrajka għal “għerf” hija fil-​femminil. Għaldaqstant, meta jirreferu għall-​għerf, xi traduzzjonijiet jużaw pronomi fil-​femminil.

b Minkejja li l-​kelma Ebrajka għal “għerf” hija dejjem fil-​femminil, dan ma jmurx kontra l-​fatt li jintuża l-​għerf biex jirrappreżenta lill-​Iben t’Alla. Il-​kelma Griega għal “imħabba” fl-​espressjoni “Alla hu mħabba” hija wkoll fil-​femminil. (1 Ġwann 4:8) Madankollu, din tintuża biex tirreferi għal Alla.

[Stampi f’paġna 26]

Għal dawk li għandhom xi responsabbiltà, l-​għerf huwa xi ħaġa li ma jistgħux jgħaddu mingħajrha

[Stampi f’paġna 27]

Tittraskurax il-​provvedimenti li jagħtu l-​għerf

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja