Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
L-Indja—“Magħqudin Għalkemm Differenti”
“MAGĦQUDIN Għalkemm Differenti” hija frażi popolari li tintuża biex tiddeskrivi l-ħidma nazzjonali li qed issir fl-Indja biex din tingħaqad. M’hijiex xi biċċa xogħol ħafifa li tinkiseb l-għaqda f’pajjiż kbir bħal dan fejn hemm differenza kbira fil-kultura, fil-lingwa, fir-reliġjon, fl-oriġini etnika, fl-ilbies, u fl-ikel. Madankollu, għaqda bħal din tistaʼ taraha fl-uffiċċju taʼ l-amministrazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-Indja. Din l-għaqda hi possibbli avolja l-volontieri li jgħixu u jaħdmu flimkien hemmhekk ġejjin minn ħafna stati u territorji taʼ l-unjoni u jitkellmu b’għadd taʼ lingwi differenti.
• Niltaqgħu maʼ Rajrani, tfajla mill-Punġab, fil-majjistral estrem taʼ l-Indja. Meta Rajrani kienet l-iskola, waħda minn sħabha tal-klassi bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Din it-tfajla pprovat tħajjar lil Rajrani fil-Bibbja. Peress li l-Ingliż taʼ seħbitha kien daqsxejn limitat u f’dak iż-żmien It-Torri taʼ l-Għassa ma kienx isir bil-Punġabi, hi talbet l-għajnuna taʼ Rajrani biex tittraduċilha l-kontenut tar-rivista. Dak li Rajrani qrat f’It-Torri taʼ l-Għassa tant beda jeffettwaha li, minkejja l-oppożizzjoni mill-ġenituri tagħha, hi baqgħet miexja ’l quddiem sakemm waslet biex iddedikat ħajjitha lil Alla Jehovah. Filwaqt li llum taqdi fil-Betel taʼ l-Indja, hi tagħmel dik l-istess ħaġa li fetħitilha għajnejha għall-verità. Hi tittraduċi l-pubblikazzjonijiet Kristjani fil-Punġabi!
• Ejja niltaqgħu wkoll maʼ Bijoe, li ġej mill-istat taʼ Kerala, fil-lbiċ taʼ l-Indja. Bijoe tkeċċa mill-iskola sekondarja talli ħa waqfa newtrali matul ċerimonji nazzjonalistiċi. Wara kawża fil-qorti li ħadet fit-tul u li ntemmet b’rebħa storika għall-qima pura, Bijoe reġaʼ lura l-iskola.a Hu kompla l-iskola u daħal l-università. Madankollu, l-atmosfera immorali li kien hemm bdiet iddejjaqlu l-kuxjenza, u għalhekk waqaf jattendi wara ftit ġimgħat. Issa wara li qattaʼ għaxar snin ġo Betel, hu jħoss li bbenefika iktar bħala membru tal-familja varjata imma magħquda taʼ Betel milli kieku baqaʼ jipprova jikseb edukazzjoni għolja.
• Norma u Lily għandhom ’il fuq minn 70 sena u ilhom romol għal diversi snin. Kull waħda minnhom qattgħet iktar minn 40 sena fil-ministeru full-time. Lily ilha taħdem fil-fergħa għal dawn l-aħħar 20 sena bħala traduttriċi fil-lingwa tat-Tamil. Norma ġiet f’Betel 13-il sena ilu wara li tilfet lil żewġha. Minbarra li huma taʼ eżempju bħala ħaddiema biżlin u onesti, huma jinfluwenzaw għat-tajjeb l-għaqda tal-familja taʼ Betel kollha. Iħobbu jduru b’min jiġi jżurhom, u jieħdu pjaċir bil-kumpanija taʼ membri iżgħar mill-familja, filwaqt li jaqsmu magħhom il-ferħ li ġabulhom is-snin twal taʼ ħajja Kristjana. U ż-żgħażagħ ipattulhom billi jistidnuhom fil-kmamar tagħhom għall-kumpanija u jagħtuhom daqqa t’id fejn ikun hemm bżonn. Verament eżempji mill-aħjar!
Wara li għelbu d-differenzi li jġibu l-ġlied u n-nuqqas taʼ qbil f’ħafna postijiet, dawn il-volontieri jaħdmu flimkien bil-ferħ biex jaqdu lill-oħrajn bħala membri tal-familja magħquda taʼ Betel fl-Indja.—Salm 133:1.
[Nota taʼ taħt]
a Ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Novembru, 1987, paġna 21.
[Sors tal-Istampa f’paġna 8]
Fl-isfond: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.