Thenna bl-Għarfien dwar Jehovah
“Hienja dawk li jisimgħu l-kelma taʼ Alla u jħarsuha!”—LUQA 11:28.
1. Jehovah meta beda jikkomunika mal-bnedmin?
JEHOVAH jħobb lill-bnedmin u huwa interessat ferm fil-benesseri tagħhom. Għalhekk, hija xi ħaġa naturali li hu jikkomunika magħhom. Din il-komunikazzjoni bdiet fil-ġnien taʼ Għeden. Skond Ġenesi 3:8, darba minnhom, “għa[ll-ħabta ta]ż-żiffa tal-jum,” Adam u Eva “semgħu ħoss [“leħen,” NW] il-Mulej Alla.” Xi wħud jissuġġerixxu li dan jindika li Jehovah kellu d-drawwa li jikkomunika maʼ Adam f’dan il-ħin, forsi kuljum. Sew jekk dan hu veru u sew jekk le, il-Bibbja tagħmilha ċara li Jehovah kien sab il-ħin mhux biss biex jagħti l-istruzzjonijiet lill-ewwel bniedem imma wkoll biex jgħallmu dak li kellu bżonn ikun jaf sabiex ikun jistaʼ jieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet tiegħu.—Ġenesi 1:28-30.
2. L-ewwel koppja kif qatgħu lilhom infushom mill-gwida taʼ Jehovah, u b’liema riżultat?
2 Lil Adam u ’l Eva, Jehovah tahom il-ħajja u l-awtorità fuq l-annimali u fuq l-art kollha. Kien hemm ħaġa waħda biss li ma setgħux jagħmlu—li jieklu mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin. Billi kienu influwenzati minn Satana, Adam u Eva m’obdewx il-kmand t’Alla. (Ġenesi 2:16, 17; 3:1-6) Huma għażlu li jaġixxu b’mod indipendenti u ddeċidew għalihom infushom x’kien tajjeb u x’kien ħażin. Billi għamlu hekk, huma qatgħu lilhom infushom mill-gwida taʼ Jehovah. Xi bluha! Il-konsegwenzi taʼ dan kienu diżastrużi kemm għalihom u kemm għal nisilhom li kien għad irid jitwieled. Adam u Eva xjaħu u maż-żmien mietu mingħajr ebda tama li jiġu rxoxtati. Id-dixxendenti tagħhom wirtu d-dnub u dak li ġab miegħu, il-mewt.—Rumani 5:12.
3. Jehovah għala kkomunika maʼ Kajjin, u Kajjin kif irreaġixxa?
3 Minkejja l-irvell f’Għeden, Jehovah kompla jikkomunika mal-ħolqien uman tiegħu. Kajjin, l-ewwel iben taʼ Adam u Eva, kien fil-periklu li jħalli d-dnub jirkbu. Jehovah wissieh li kien qed jilgħab man-nar, u ħeġġu biex ‘jagħmel it-tajjeb.’ Kajjin warrab dan il-parir kollu mħabba u qatel lil ħuh. (Ġenesi 4:3-8) B’hekk, l-ewwel tliet bnedmin li qatt għexu ddisprezzaw id-direzzjoni ċara li pprovdielhom dak li tahom il-ħajja, dak Alla li jgħallem lin-nies tiegħu għall-ġid tagħhom. (Isaija 48:17) Żgur li Jehovah ħassu dispjaċut ferm minħabba f’dan!
Jehovah Jikkomunika mal-Patrijarki tal-Qedem
4. Jehovah dwar liema ħaġa kien fiduċjuż rigward id-dixxendenti taʼ Adam u, b’dan f’moħħu, liema messaġġ taʼ tama ħabbar?
4 Għalkemm kellu d-dritt li ma jkomplix jikkomunika mal-bnedmin, Jehovah m’għamilx hekk. Hu kien fiduċjuż li kien se jkun hemm xi wħud mid-dixxendenti taʼ Adam li jkunu għaqlin u jobdu d-direzzjoni Tiegħu. Per eżempju, meta ħabbar il-ġudizzju fuq Adam u Eva, Jehovah bassar li kellu jiġi ‘nisel’ li kien se jirreżisti lis-Serp, Satana x-Xitan. Meta jasal il-waqt, ras Satana kienet se tiġi misħuqa u b’hekk jingħata d-daqqa tal-mewt. (Ġenesi 3:15) Din il-profezija kienet messaġġ taʼ tama li jġib il-ferħ lil “dawk li jisimgħu l-kelma taʼ Alla u jħarsuha.”—Luqa 11:28.
5, 6. Jehovah b’liema modi kkomunika mal-poplu tiegħu qabel l-ewwel seklu E.K., u huma kif ibbenefikaw permezz taʼ dan?
5 Jehovah kkomunika maʼ patrijarki leali tal-qedem, bħal Noè, Abraham, Iżakk, Ġakobb, u Ġob u għarrafhom ir-rieda tiegħu. (Ġenesi 6:13; Eżodu 33:1; Ġob 38:1-3) Iktar tard, permezz taʼ Mosè hu ppreżenta kodiċi sħiħa taʼ liġijiet lill-ġens taʼ Iżrael. Huma bbenefikaw b’ħafna modi permezz tal-Liġi Mosajka. Billi mexa magħha, il-ġens taʼ Iżrael kien maqtugħ apparti mill-ġnus l-oħrajn kollha bħala l-poplu speċjali t’Alla. Alla żgura lill-Iżraelin li jekk jobdu l-Liġi, hu kien se jberikhom mhux biss materjalment imma spiritwalment ukoll, billi jagħmilhom saltna taʼ qassisin, ġens qaddis. Il-Liġi pprovdiet saħansitra regolamenti dwar l-ikel li jieklu u l-indafa, u dawn kienu jgħinuhom biex jibqgħu f’saħħithom. Madankollu, Jehovah wissiehom ukoll dwar il-konsegwenzi traġiċi li kienu se jiġu fuqhom jekk ma jobdux.—Eżodu 19:5, 6; Dewteronomju 28:1-68.
6 Maż-żmien, ġew miżjuda kotba ispirati oħrajn mal-lista taʼ kotba ispirati li jifformaw il-Bibbja. Ir-rakkonti storiċi rrakkontaw dwar il-mod kif Jehovah ttratta mal-ġnus u l-popli. Il-kotba poetiċi ddeskrivew il-kwalitajiet tiegħu b’mod sabiħ ħafna. Il-kotba profetiċi bassru kif kienet se titwettaq ir-rieda taʼ Jehovah fil-futur. Irġiel leali tal-qedem studjaw dawn il-kitbiet ispirati bir-reqqa u applikawhom. Wieħed minnhom kiteb: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.” (Salm 119:105) Lil dawk li kienu lesti li jisimgħu, Jehovah pprovdielhom tagħlim u dawl spiritwali.
Id-Dawl Isir Iktar Ċar
7. Għalkemm Ġesù kien jagħmel il-mirakli, għal xiex kien magħruf l-iktar, u għala?
7 Sa l-ewwel seklu, il-gruppi reliġjużi Lhud kienu żiedu t-tradizzjonijiet tal-bniedem mal-Liġi. Il-Liġi bdiet tiġi applikata b’mod ħażin, u minflok ma kienet sors taʼ dawl spiritwali, kienet saret taʼ piż minħabba dawk it-tradizzjonijiet. (Mattew 23:2-4) Madankollu, fis-sena 29 E.K., Ġesù deher bħala l-Messija. Il-missjoni tiegħu ma kinitx biss li jagħti ħajtu għall-umanità, imma wkoll li ‘jixhed għall-verità.’ Għalkemm kien jagħmel il-mirakli, hu kien magħruf l-iktar bħala “l-Għalliem.” It-tagħlim tiegħu kien bħal dawl jiddi li nifed minn ġod-dlam spiritwali li kien qed jagħmi lin-nies. Bir-raġun, Ġesù stess qal: “Jiena d-dawl tad-dinja.”—Ġwann 8:12; 11:28, NW; 18:37.
8. Liema kotba ispirati nkitbu fl-ewwel seklu E.K., u l-Kristjani tal-bidu kif ibbenefikaw permezz tagħhom?
8 Iktar tard żdiedu wkoll l-Evanġelji, erbaʼ rakkonti bil-miktub dwar il-ħajja taʼ Ġesù, u l-ktieb taʼ l-Atti, l-istorja taʼ kif infirxet il-Kristjanità wara l-mewt taʼ Ġesù. Kien hemm ukoll l-ittri ispirati li nkitbu mid-dixxipli taʼ Ġesù, kif ukoll il-ktieb profetiku taʼ l-Apokalissi. B’hekk, biż-żjieda taʼ dawn il-kitbiet maʼ l-Iskrittura Ebrajka, il-lista taʼ kotba ispirati li jifformaw il-Bibbja tlestiet. Bl-għajnuna taʼ din il-librerija ispirata, il-Kristjani setgħu ‘jifhmu . . . x’inhu l-wisaʼ u t-tul, l-għoli u l-fond’ tal-verità. (Efesin 3:14-18) Setgħu jkollhom il-moħħ taʼ Kristu. (1 Korintin 2:16) Minkejja dan, dawk il-Kristjani tal-bidu ma fehmux għalkollox kull aspett taʼ l-iskopijiet taʼ Jehovah. L-appostlu Pawlu kiteb lil sħabu fit-twemmin: “Bħalissa naraw bħallikieku f’mera [“tal-metall,” NW], mċajpar.” (1 Korintin 13:12) Mera bħal din tirrifletti l-forma taʼ barra imma ma turix id-dettalji kollha. Għalhekk, kien biss fil-futur li kien se jkun possibbli li jifhmu iktar bis-sħiħ dak li tgħid il-Kelma t’Alla.
9. Liema dawl spiritwali ngħata matul “l-aħħar jiem”?
9 Illum qegħdin ngħixu f’perijodu msejjaħ “l-aħħar jiem,” perijodu karatterizzat minn żminijiet imwiegħra. (2 Timoteus 3:1, Saydon) Il-profeta Danjel bassar li matul dan il-perijodu taʼ żmien “l-għarfien veru [kellu] jsir abbundanti.” (Danjel 12:4, NW) Għaldaqstant, Jehovah, il-Komunikatur il-Kbir, għen lil nies taʼ qalb onesta biex jifhmu t-tifsir tal-Kelma tiegħu. Miljuni taʼ nies issa jifhmu li Kristu Ġesù ngħata t-tron fis-smewwiet inviżibbli fl-1914. Huma jafu wkoll li hu dalwaqt se jġib it-tmiem tal-ħażen kollu u jibdel l-art f’ġenna globali. Dan l-aspett importanti taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna fil-preżent qed jiġi pridkat maʼ l-art kollha.—Mattew 24:14.
10. Matul is-sekli, in-nies kif irreaġixxew għall-pariri li tahom Jehovah?
10 Iva, matul iż-żminijiet Jehovah kkomunika mal-bnedmin fuq l-art u għarrafhom x’inhi r-rieda tiegħu u x’inhu l-iskop tiegħu. Il-Bibbja tiddeskrivi lil ħafna li taw widen, applikaw l-għerf divin, u ġew imberkin talli għamlu dan. Tgħid dwar oħrajn li warrbu l-pariri li Alla tahom bl-imħabba kollha, u mxew fit-triq li twassal għall-qerda li mxew fiha Adam u Eva. Ġesù ta tixbiha taʼ din is-sitwazzjoni meta tkellem dwar żewġ toroq simboliċi. Waħda minnhom twassal għall-qerda. Din hija wiesgħa u spazjuża, u fiha jimxu dawk il-ħafna li jwarrbu l-Kelma t’Alla. It-triq l-oħra twassal għall-ħajja taʼ dejjem. Għalkemm hija dejqa, hi l-mogħdija li fiha jimxu dawk il-ftit li jaċċettaw il-Bibbja għal dak li hi tassew, il-Kelma t’Alla, u jgħixu fi qbil maʼ dak li tgħid.—Mattew 7:13, 14.
Nuru Apprezzament għal Dak li Għandna
11. Il-fatt li ħadna għarfien dwar il-Bibbja u nemmnu f’dak li tgħid huwa evidenza taʼ xiex?
11 Tinsab int fost dawk li għażlu li jimxu fit-triq li twassal għall-ħajja? Jekk iva, bla dubju taʼ xejn tixtieq li tibqaʼ fiha. Kif tistaʼ tagħmel dan? Irrifletti b’mod regulari u b’apprezzament fuq il-barkiet li ġablek l-għarfien dwar il-veritajiet tal-Bibbja. Is-sempliċi fatt li int weġibt b’mod favorevoli għall-aħbar tajba huwa evidenza tal-barka t’Alla. Ġesù indika dan meta talab lil Missieru b’dan il-kliem: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.” (Mattew 11:25) Is-sajjieda u l-kolletturi tat-taxxa ħadu s-sens tat-tagħlim taʼ Ġesù, waqt li l-mexxejja reliġjużi, li kienu taʼ skola kbira, ma ħaduhx. Ġesù qal ukoll: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” (Ġwann 6:44) Jekk ħadt għarfien dwar il-Bibbja u temmen it-tagħlim tagħha u timxi miegħu, din hi evidenza li Jehovah jkun ġibdek. Hija raġuni biex tithenna.
12. Il-Bibbja b’liema modi tagħti dawl spiritwali?
12 Il-Kelma t’Alla fiha veritajiet li jġibu ħelsien, u tagħti dawl spiritwali. Dawk li jgħixu skond l-għarfien li hemm fil-Bibbja jinħelsu mis-superstizzjonijiet, mit-tagħlim falz, u mill-injoranza li jiddominaw il-ħajjiet taʼ miljuni taʼ nies. Per eżempju, minħabba li nafu l-verità dwar ir-ruħ, aħna meħlusin minn kwalunkwe biżaʼ li l-mejtin jistgħu jagħmlulna l-ħsara jew li l-maħbubin tagħna li huma mejtin qegħdin isofru. (Eżekjel 18:4, KŻ) Il-fatt li nafu l-verità dwar l-anġli ħżiena jgħinna nevitaw il-perikli taʼ l-ispiritiżmu. It-tagħlim dwar l-irxoxt huwa taʼ faraġ għal dawk li mitilhom xi ħadd maħbub. (Ġwann 11:25) Il-profeziji Bibliċi juruna fejn qegħdin fil-medda taż-żmien u jibnulna l-fiduċja fil-wegħdi t’Alla għall-futur. Barra minn hekk, isaħħulna t-tama li ngħixu għal dejjem.
13. Kif nibbenefikaw fiżikament billi nobdu l-Kelma t’Alla?
13 Il-prinċipji divini li hemm fil-Bibbja jgħallmuna ngħixu b’mod li jġib benefiċċji fiżiċi. Per eżempju, nitgħallmu nitbiegħdu minn prattiċi li jħammġu l-ġisem, bħall-użu ħażin tat-tabakk u drogi oħrajn. Nevitaw l-abbuż taʼ l-alkoħol. (2 Korintin 7:1) Il-fatt li nobdu l-liġijiet morali t’Alla jservi bħala protezzjoni mill-mard li jiġi trasmess sesswalment. (1 Korintin 6:18) Billi nosservaw il-parir t’Alla biex nevitaw l-imħabba għall-flus, ma neqirdux il-paċi tal-moħħ tagħna, bħalma għamlu ħafna, minħabba l-ġiri wara r-rikkezzi. (1 Timotju 6:10) B’liema modi bbenefikajt int fiżikament għax applikajt il-Kelma t’Alla f’ħajtek?
14. L-ispirtu qaddis x’effett għandu fuq ħajjitna?
14 Jekk ngħixu fi qbil maʼ dak li tgħid il-Kelma t’Alla, Jehovah jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu. Irrawmu personalità bħal dik taʼ Kristu, bi kwalitajiet sbieħ bħall-ħniena u l-mogħdrija. (Efesin 4:24, 32) Iżjed minn hekk, l-ispirtu t’Alla jipproduċi l-frott tiegħu ġewwa fina—l-imħabba, il-ferħ, is-sliem, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, u r-rażna. (Galatin 5:22, 23) Dawn il-kwalitajiet jgħinuna biex ir-relazzjonijiet li għandna m’oħrajn, inkluż il-membri tal-familja, ikunu relazzjonijiet li jġibulna l-ferħ u jkollhom tifsir. Niksbu saħħa ġewwinija li tgħinna niffaċċjaw żminijiet diffiċli bil-kuraġġ. Tistaʼ tara kif l-ispirtu qaddis tejjiblek ħajtek?
15. Hekk kif inġibu ħajjitna fi qbil mar-rieda t’Alla, kif nibbenefikaw?
15 Hekk kif inġibu ħajjitna fi qbil mar-rieda t’Alla, insaħħu r-relazzjoni li għandna maʼ Jehovah. Il-konvinzjoni li hu jifhimna u jħobbna tkompli tikber dejjem iktar. Mill-esperjenza tagħna stess nitgħallmu li hu jappoġġana meta ngħaddu minn żminijiet diffiċli. (Salm 18:19 [18:18, NW]) Nagħrfu li hu tassew jismaʼ t-talb tagħna. (Salm 65:3 [65:2, NW]) Nibdew nistrieħu fuq il-gwida li jagħtina hu, fiduċjużi li permezz tagħha se nibbenefikaw. U għandna t-tama meraviljuża li fil-waqt tiegħu Alla se jagħmel lill-uħud leali tiegħu perfetti u jagħtihom il-premju taʼ ħajja taʼ dejjem. (Rumani 6:23) “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom,” kiteb id-dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 4:8) Ħassejt int li r-relazzjoni tiegħek maʼ Jehovah ssaħħet hekk kif sirt iktar qrib tiegħu?
Teżor li Ma Jitqabbel maʼ Xejn
16. Liema bidliet għamlu xi Kristjani fl-ewwel seklu?
16 Pawlu fakkar lill-Kristjani midlukin bl-ispirtu taʼ l-ewwel seklu li xi wħud minnhom darba kienu żienja, adulteri, omosesswali, ħallelin, rgħiba, skaren, nies insolenti, u ħattafa. (1 Korintin 6:9-11) Il-verità tal-Bibbja qanqlithom biex jagħmlu bidliet kbar, u b’hekk ‘tnaddfu.’ Immaġina kif kienet tkun ħajtek mingħajr il-veritajiet li jġibu ħelsien li tgħallimt mill-Bibbja. Żgur li l-verità hi teżor li ma jistaʼ jitqabbel maʼ ebda ħaġa oħra. Kemm aħna henjin li Jehovah jikkomunika magħna!
17. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif ġew mitmugħin spiritwalment fil-laqgħat Kristjani?
17 Iktar minn hekk, aħseb dwar kemm aħna mberkin permezz tas-sħubija maʼ ħutna, li ġejjin minn ħafna razez differenti! “L-ilsir leali u diskret” jipprovdi l-ikel spiritwali fiż-żmien xieraq, inkluż Bibbji, rivisti, u pubblikazzjonijiet oħrajn b’ħafna lingwi. (Mattew 24:45-47, NW) Matul is-sena 2000, ix-Xhieda taʼ Jehovah f’ħafna pajjiżi rrevedew il-punti prinċipali minn tmien kotba ewlenin taʼ l-Iskrittura Ebrajka fil-laqgħat tagħhom. Immeditaw fuq il-ħajjiet taʼ 40 karattru Bibliku li huma kunsidrati fl-Insight on the Scriptures. Studjaw madwar kwart mill-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex u kważi l-ktieb sħiħ Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel! Ġew kunsidrati sitta u tletin artiklu sekondarju mir-rivista Torri taʼ l-Għassa, barra minn 52 artiklu taʼ studju. Iktar minn hekk, in-nies taʼ Jehovah ġew sostnuti bi 12-il ħarġa taʼ Il-Ministeru tas-Saltna u taħditiet pubbliċi kull ġimgħa dwar diversi suġġetti Bibliċi. X’abbundanza t’għarfien spiritwali għandna!
18. B’liema modi ningħataw l-għajnuna ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana?
18 Madwar id-dinja, iktar minn 91,000 kongregazzjoni jipprovdu appoġġ u inkuraġġiment permezz tal-laqgħat u s-sħubija flimkien. Ingawdu wkoll l-appoġġ taʼ Kristjani maturi li huma lesti li jgħinuna spiritwalment. (Efesin 4:11-13) Iva, ibbenefikajna bil-kbir permezz taʼ l-għarfien li ksibna dwar il-verità. Aħna tassew henjin li għandna għarfien dwar Jehovah u li qed naqduh. Kemm hu veru l-kliem tas-salmista li kiteb: “Hieni l-poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!”—Salm 144:15.
X’Tiftakar?
• Jehovah maʼ min ikkomunika fiż-żminijiet taʼ qabel il-Kristjanità?
• Id-dawl spiritwali kif sar iktar ċar fl-ewwel seklu? fi żminijiet reċenti?
• Liema barkiet ingawdu jekk ngħixu skond l-għarfien dwar Jehovah?
• Għala nithennew bl-għarfien li għandna dwar Alla?
[Stampi f’paġna 8, 9]
Jehovah kkomunika maʼ Noè, Abraham, u Mosè u għarrafhom ir-rieda tiegħu
[Stampa f’paġna 9]
Fi żmienna, Jehovah pprovda dawl spiritwali dwar il-Kelma tiegħu
[Stampi f’paġna 10]
Aħseb dwar kemm aħna mberkin permezz tas-sħubija maʼ ħutna, li ġejjin minn ħafna razez differenti!