Tħallix id-Dubji Jeqirdulek il-Fidi
Tiġi ġurnata li tħossok veru f’saħħtek. Jisbaħ l-għada u tħossok ma tiflaħx. F’daqqa waħda tħossok mingħajr saħħa u enerġija. Rasek tibda tuġgħek u tħoss ġismek imfarrak. X’ġara? Mikrobi perikolużi għelbu s-sistemi taʼ difiża f’ġismek u attakkaw organi vitali. Jekk ma jitwaqqfux, dawn l-organiżmi li qed jattakkawk jistgħu jeqirdulek saħħtek għal dejjem, u saħansitra joqtluk.
M’GĦANDNIEX xi ngħidu, jekk ma tkunx f’saħħtek meta taqbdek xi infezzjoni, iktar hemm ċans li tibqaʼ taħtha. Per eżempju, jekk ġismek hu dgħajjef minħabba nuqqas taʼ nutriment, ir-reżistenza tiegħek “tant tkun baxxa li l-iċken infezzjoni tistaʼ tkun fatali,” jgħid Peter Wingate, kittieb dwar suġġetti mediċi.
Ladarba dan hu l-każ, min se jagħżel li jgħix fejn hemm il-ġuħ? X’aktarx li tagħmel kulma tistaʼ biex tiekol tajjeb u tibqaʼ f’saħħtek. U barra minn hekk, int probabbli tagħmel ħiltek kollha biex tevita li tieħu xi infezzjoni jew xi virus. Iżda, qiegħed int taġixxi bl-istess mod rigward li tibqaʼ ‘sħiħ fil-fidi’? (Titu 2:2) Per eżempju, toqgħod attent int mill-periklu taʼ dubji qarrieqa? Dawn jistgħu faċilment jinvadulek moħħok u qalbek, u jħassrulek il-fidi u r-relazzjoni tiegħek maʼ Jehovah. Xi nies donnhom jinjorawh dan il-periklu. Huma jħallu d-dubji jirkbuhom minħabba li jħallu lilhom infushom bil-ġuħ spiritwalment. Jistaʼ jagħti l-każ li qed tagħmel hekk int?
Id-Dubji—Dejjem Ħżiena?
M’għandniex xi ngħidu, mhux id-dubji kollha huma ħżiena. Xi drabi, ikun hemm bżonn li taħsibha sew qabel temmen xi ħaġa sakemm tkun ċert mill-fatti. Hija xi ħaġa perikoluża u qarrieqa, meta min jgħallmek ir-reliġjon jgħidlek li għandek temmen b’għajnejk magħluqa bla ma taħseb xejn. Veru li l-Bibbja tgħid li l-imħabba “kollox temmen.” (1 Korintin 13:7) Kristjan li jħobb żgur li jkun lest li jemmen lil dawk li fil-passat taw prova taʼ kemm kienu taʼ min jafdahom. Imma l-Kelma t’Alla twissina wkoll biex ma ‘nemmnux kollox.’ (Proverbji 14:15) Xi drabi forsi jkollok raġun tiddubita lil min fil-passat wera li ma kienx taʼ min joqgħod fuqu. “Jekk [il-qarrieq] ikellmek bil-ħlewwa, temmnux.”—Proverbji 26:24, 25.
Anki l-appostlu Ġwanni jwissi lill-Kristjani dwar fidi għamja. “Mhux lil kull xorta taʼ spirti [“espressjonijiet imnebbħa,” NW] għandkom temmnu,” hu jikteb. Minflok, “[l-espressjonijiet imnebbħa] stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla.” (1 Ġwann 4:1) “Espressjoni,” tagħlim jew opinjoni, tistaʼ tkun tidher li ġejja minn Alla. Imma veru ġejja minnu? Li jkollok ftit tad-dubju, jew li ma temminx xi ħaġa mill-ewwel, jistaʼ jkun verament taʼ protezzjoni għaliex, bħalma jgħid l-appostlu Ġwanni, “ħarġu fid-dinja ħafna qarrieqa.”—2 Ġwann 7.
Dubji bla Bażi
Iva, taʼ spiss ikun hemm bżonn li teżamina l-fatti bl-onestà u bl-umiltà biex tistabbilixxi l-verità. Iżda dan m’huwiex l-istess bħal meta nħallu dubji bla bażi u li jagħmlu ħsara jiżviluppaw f’moħħna u f’qalbna—dubji li jistgħu jġarrfu t-twemmin u r-relazzjonijiet li stabbilejna fis-sod. Dawn id-dubji huma deskritti bħala inċertezza fit-twemmin jew fl-opinjoni li spiss tfixklek milli tieħu deċiżjoni tajba. Tiftakar kif Satana infetta moħħ Eva b’dubji dwar Jehovah? “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” hu staqsa. (Ġenesi 3:1) L-inċertezza li nħolqot permezz taʼ din il-mistoqsija, li kienet tinstemaʼ innoċenti, fixklet lil Eva milli tieħu deċiżjoni tajba. Dan hu t-tip taʼ metodi li juża Satana. Bħal dak il-bniedem li jikteb ittri taʼ malafama, hu sar espert fl-insinwazzjonijiet, nofs veritajiet, u gideb. Satana qered ħafna relazzjonijiet b’saħħithom mibnija fuq il-fiduċja permezz taʼ dubji qarrieqa li żeraʼ b’dan il-mod.—Galatin 5:7-9.
Id-dixxiplu Ġakbu fehem sewwa kemm jistaʼ jkun taʼ ħsara dan it-tip taʼ dubji. Hu jikteb dwar il-privileġġ taʼ l-għaġeb li għandna li nistgħu navviċinaw liberament lil Alla għall-għajnuna meta nkunu għaddejjin mill-provi. Imma Ġakbu jwissina li meta nitolbu lil Alla, ‘nitolbuh bil-fidi, bla ma nitħassbu xejn.’ Dubji fir-relazzjoni tagħna m’Alla jagħmluna qisna “mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ.” Insiru bħal “bniedem mifxul fih innifsu, u m’huwiex żgur mit-triq li jagħżel.” (Ġakbu 1:6, 8) Insiru inċerti dwar x’għandna nemmnu u ma nemmnux u dan iwassalna biex nibqgħu indeċiżi. Imbagħad, jiġrilna bħal Eva, naqgħu vittmi għal kull xorta taʼ tagħlim u filosofiji tax-xitan.
Nibqgħu f’Saħħitna Spiritwalment
Mela, kif nistgħu nipproteġu ruħna minn dubji li jagħmlulna l-ħsara? It-tweġiba hija sempliċi għall-aħħar: billi niċħdu bil-qawwa l-propaganda taʼ Satana u nieħdu vantaġġ bis-sħiħ mill-provvedimenti t’Alla biex jagħmluna “sħaħ fil-fidi.”—1 Pietru 5:8-10.
Huwa assolutament essenzjali li nżoqqu lilna nfusna tajjeb spiritwalment. Peter Wingate, l-awtur li semmejna qabel, jispjega: “Anki meta jkun qed jistrieħ, il-ġisem ikollu bżonn provvista kontinwa taʼ enerġija għal proċessi kimiċi u għall-ħidma taʼ l-organi vitali tiegħu; u l-materjali taʼ ħafna mit-tessuti għandhom bżonn jinbidlu kontinwament.” L-istess jistaʼ jingħad dwar is-saħħa spiritwali tagħna. Jekk ma nżoqqux lilna nfusna spiritwalment b’mod regulari, il-fidi tagħna, bħal ġisem imċaħħad mill-ikel, tibda iktar ma jmur jiġrilha l-ħsara sakemm fl-aħħar mill-aħħar tmut. Ġesù Kristu enfasizza dan meta qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”—Mattew 4:4.
Aħseb ftit. Fil-bidu, kif bnejna fidi qawwija? “Il-fidi . . . tiġi mis-smigħ,” jikteb l-appostlu Pawlu. (Rumani 10:17) Hu jrid ifisser li fil-bidu aħna bnejna l-fidi u l-fiduċja tagħna f’Jehovah, fil-wegħdi tiegħu, u fl-organizzazzjoni tiegħu billi mantnejna ruħna bil-Kelma Tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, aħna mhux sempliċement blajna dak kollu li smajna. Għamilna bħalma għamlu n-nies li kienu jgħixu fil-belt antika taʼ Berija. ‘Kuljum bdejna nqallbu l-Iskrittura biex naraw jekk dak li smajna kienx minnu.’ (Atti 17:11) ‘Seħħilna nagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.’ Qgħadna attenti li dak li smajna kien minnu. (Rumani 12:2; 1 Tessalonikin 5:21) Minn dak iż-żmien ’l hawn, x’aktarx li saħħaħna l-fidi tagħna hekk kif bdejna naraw dejjem iżjed ċar li l-Kelma t’Alla u l-wegħdi tiegħu qatt ma jfallu.—Ġożwè 23:14; Isaija 55:10, 11.
Attent li Ma Tmutx bil-Ġuħ Spiritwalment
Issa l-isfida hi li nżommu l-fidi tagħna u nevitaw kull xorta taʼ inċertezza fit-twemmin li tistaʼ ddgħajjef il-fiduċja tagħna f’Jehovah u fl-organizzazzjoni tiegħu. Biex nagħmlu dan irridu nkomplu neżaminaw l-Iskrittura kuljum. L-appostlu Pawlu jwissina li “fl-aħħar taż-żminijiet xi wħud [li fil-bidu forsi jkunu jidhru li għandhom fidi soda] jitbiegħdu mill-fidi u jagħtu widen għal spirti [jew, espressjonijiet imnebbħa] qarrieqa u għal tagħlim tax-xjaten.” (1 Timotju 4:1) Dawn l-espressjonijiet u tagħlim qarrieq joħolqu dubji fl-imħuħ taʼ xi wħud u jbegħduhom minn Alla. Xi protezzjoni għandna? Li nibqgħu nkunu ‘mrawmin fil-kliem tal-fidi u fit-tagħlim tajjeb li miegħu mxejna.’—1 Timotju 4:6.
B’sogħba, iżda, xi wħud illum jippreferu li ma jkunux ‘imrawmin fil-kliem tal-fidi’—saħansitra meta dan it-trawwim u n-nutriment huma disponibbli b’xejn għal kulħadd. Bħalma jindika wieħed mill-kittieba tal-Proverbji, huwa possibbli li tkun imdawwar b’ikel spiritwali bnin, u xorta waħda fil-fatt la tiekol u lanqas tiddiġerixxi l-ikel.—Proverbji 19:24; 26:15.
Din hi xi ħaġa perikoluża. Peter Wingate jgħid: “Meta l-ġisem jibda jikkonsma l-proteini tiegħu stess, saħħtu tibda tmajna.” Meta ma tibdiex tiekol, ġismek jibda juża r-riżervi taʼ xaħam maħżun mal-ġisem kollu. Meta dawn jispiċċaw, il-ġisem jibda jikkonsma l-proteina li hija essenzjali biex ikompli jikber u jsewwi t-tessuti. L-organi vitali jibdew jaħdmu ħażin. Imbagħad saħħtek malajr tibda tmur lura.
Xi wħud fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu hekk ġralhom f’sens spiritwali. Huma pprovaw jgħixu mir-riżervi spiritwali tagħhom. X’aktarx li ttraskuraw l-istudju persunali, u saru dgħajfin spiritwalment. (Lhud 5:12) L-appostlu Pawlu spjega dwar dan il-periklu meta kiteb lill-Kristjani Lhud: “Għandna nagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li smajna, li ma mmorrux nitbiegħdu ’l barra mit-triq.” Hu kien jaf kemm hu faċli li naqgħu vittmi taʼ drawwiet ħżiena jekk “inwarrbu salvazzjoni hekk kbira.”—Lhud 2:1, 3.
Hu taʼ interess li xi ħadd nieqes min-nutriment mhux bilfors ikun jidher marid jew magħlub. Bl-istess mod, forsi xi ħadd ma jkunx jidher mill-ewwel li jkun nieqes min-nutriment spiritwali. Tistaʼ tkun tidher f’saħħtek spiritwalment saħansitra meta ma tkunx qed tieħu n-nutriment xieraq—però għal żmien qasir biss! Jekk tkompli hekk, ma jistax jonqos li tiddgħajjef spiritwalment, tintrebaħ faċilment minn dubji bla bażi, u ma tkunx tiflaħ tiġġieled iebes għall-fidi. (Ġuda 3) Int taf, anki jekk ħadd ma jinduna, sa liema punt qed iżżoqq lilek innifsek spiritwalment.
Għaldaqstant, ħu ħsieb l-istudju persunali tiegħek. Id-dubji iġġildilhom iebes. Li tinjora infezzjoni sempliċement għax tidher li mhix xi ħaġa serja, li ma tipprovax issolvi dubji li jibqgħu jinkwetawk, jistaʼ jġib konsegwenzi diżastrużi. (2 Korintin 11:3) ‘Veru li qed ngħixu fl-aħħar jiem? Nistgħu nemmnu dak kollu li tgħid il-Bibbja? Hija din verament l-organizzazzjoni taʼ Jehovah?’ Satana jixtieq ħafna li jħawwel dubji bħal dawn f’moħħok. Tittraskurax l-ikel spiritwali, għax b’hekk tistaʼ faċilment taqaʼ vittma taʼ tagħlim qarrieq. (Kolossin 2:4-7) Ħu l-parir li ngħata lil Timotju. Kun student ħerqan “tal-Kotba Mqaddsa” sabiex tkun tistaʼ ‘tibqaʼ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ.’—2 Timotju 3:13-15.
Forsi jkollok bżonn l-għajnuna f’dan. Il-kittieb li kkwotajna qabel ikompli jgħid: “Fejn ikun hemm nuqqas serju taʼ nutriment tistaʼ ssir ħsara kbira lill-organi diġestivi minħabba nuqqas taʼ vitamini u bżonnijiet oħra, u dawn jaslu fi stat li ma jkunux jistgħu jieħdu ikel sempliċi lanqas jekk jiġi provdut. Nies f’dan l-istat forsi jkunu jeħtieġu, għal xi żmien, ikel li jiġi diġerit malajr.” Hemm bżonn taʼ attenzjoni speċjali biex il-ġisem jeħles mill-effetti taʼ nuqqas taʼ nutriment. Bl-istess mod, xi ħadd li ttraskura serjament l-istudju persunali tiegħu mill-Bibbja forsi jkollu bżonn taʼ ħafna għajnuna u inkuraġġiment biex jikseb lura l-aptit spiritwali tiegħu. Jekk int tinsab f’din is-sitwazzjoni, fittex l-għajnuna u aċċetta bil-ferħ lil kulmin lest jagħtik daqqa t’id biex tibni mill-ġdid is-saħħa spiritwali tiegħek.—Ġakbu 5:14, 15.
Tkunx Indeċiż ‘jekk Temminx jew Le’
Meta jqisu ċ-ċirkustanzi tal-patrijarka Abraham xi wħud forsi jħossu li hu kellu għalxiex jiddubita. Tistaʼ tidher bħala xi ħaġa naturali li tikkonkludi li ma kellux ċans ‘isir missier taʼ kotra kbira taʼ ġnus’—minkejja l-wegħda t’Alla. Għala? Iva, skond minn kif jara l-affarijiet il-bniedem, ma tantx kien jidher li hu possibbli. Hu “ġieb quddiem għajnejh li ġismu kien mejjet għax kien għoddu laħaq il-mitt sena, u mejjet ukoll kien ġuf Sara,” tgħid il-Bibbja. Xorta waħda, hu rrifjuta assolutament li jħalli d-dubji dwar Alla u dwar il-wegħda tiegħu jinbtu f’moħħu u f’qalbu. L-appostlu Pawlu jikteb: “Ma naqasx fil-fidi tiegħu,” jew ‘qagħad itellaʼ u jniżżel jekk jemminx jew le.’ Abraham “żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu.” (Rumani 4:18-21) Hu kien bena relazzjoni persunali qawwija u fiduċjuża maʼ Jehovah tul ħafna snin. Għalhekk hu warrab kull dubju li setaʼ jdgħajjef din ir-relazzjoni.
Int tistaʼ tagħmel l-istess jekk ‘iżżomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ’—jekk iżżoqq tajjeb lilek innifsek spiritwalment. (2 Timotju 1:13) Iċċekkinx il-periklu tad-dubji, imma ħudu bis-serjetà. Satana qed jiġġieled bil-bombi tal-mikrobi spiritwali. Jekk tittraskura li tiekol tajjeb spiritwalment permezz taʼ studju persunali mill-Bibbja u billi tattendi l-laqgħat Kristjani, int tkun qed tistieden l-attakki tiegħu. Agħmel użu tajjeb mill-provvista abbundanti u f’waqtha taʼ ikel spiritwali provdut mill-ilsir leali u diskret. (Mattew 24:45) Kompli ‘oqgħod għall-kliem’ mimli saħħa u ibqaʼ ‘sħiħ fil-fidi.’ (1 Timotju 6:3; Titu 2:2) Tħallix id-dubji jeqirdulek il-fidi.
[Stampi f’paġna 21]
Int kemm iżżoqq tajjeb lilek innifsek spiritwalment?