Siġar li Jifilħu Jieqfu għall-Prova taż-Żmien
Ma tantx ikun ideali li tibni darek f’xi xifer taʼ rdum, speċjalment jekk dan ikun jinsab ’il fuq ħafna fil-muntanji. madankollu, minkejja l-iżvantaġġi ovvji, xi siġar taʼ l-Alpin (Alpine trees) tant huma mqabbdin fis-sod mal-wiċċ tal-blat, li jifilħu għat-temp kiesaħ silġ tax-xitwa kif ukoll li jissaportu għall-perijodi twal tan-nixfa fis-sajf.
ĠENERALMENT, dawn is-siġar b’saħħithom m’humiex maestużi daqs is-siġar taʼ l-istess tip li jikbru fil-pjanuri. Iz-zokk taʼ dawn is-siġar tant jitgħawweġ u jsir bla forma li jfixkel it-tkabbir tas-siġra b’mod konsiderevoli. Xi wħud minn dawn is-siġar saħansitra jidhru qishom siġar naturali tal-bonsaj—ifformati u miżburin mit-temp aħrax u min-naqra ħamrija li jitilgħu fiha.
Peress li jirnexxilhom jibqgħu ħajjin fl-iktar ambjent bla kenn li hawn fuq l-art, int għandek mnejn taħseb li siġar bħal dawn ikollhom ħajja qasira. Iżda r-realtà hija l-oppost. Xi wħud jistqarru li Metuselaħ, siġra tal-pin tat-tip Pinus Aristata li tikber f’għoli taʼ xi 3,000 metru fil-White Mountains taʼ Kalifornja, għandha 4,700 sena. The Guinness Book of Records 1997 jitkellem dwar din is-siġra bħala l-ixjeħ siġra fuq il-pjaneta tagħna. Edmund Schulman, li studja dawn is-siġar li għandhom ħafna żmien, spjega: ‘Il-Pinus Aristata . . . tidher li qed issalva minħabba d-diffikultajiet li tiffaċċja. Is-siġar xjuħ tal-pin li hemm fil-White Mountains qegħdin f’għoli taʼ xi 3,000 metru f’art niexfa kollha blat.’ Schulman skopra wkoll li f’kull tip taʼ siġar tal-pin, l-ixjeħ waħda kibret bl-istess mod f’kundizzjonijiet ħorox.
Għalkemm iridu jegħlbu d-diffikultajiet, dawn is-siġar, li tant jifilħu jissaportu, jieħdu kemm jistgħu benefiċċji miż-żewġ vantaġġi li għandhom. Il-post imwarrab fejn jikbru, fejn hemm ftit li xejn ħdura, jipproteġihom min-nar tal-foresti, li hu taʼ theddida mill-akbar għas-siġar li għandhom ħafna żmien. U l-għeruq tagħhom tant iqabbduhom tajjeb mal-wiċċ tal-blat li terremot biss jistaʼ jċaqlaqhom.
Fil-Bibbja, il-qaddejja leali t’Alla huma mqabblin mas-siġar. (Salm 1:1-3; Ġeremija 17:7, 8) Huma wkoll jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba ċ-ċirkustanzi li jsibu ruħhom fihom. Il-persekuzzjoni, in-nuqqas taʼ saħħa, u l-faqar li jgħakkes, kollha jistgħu jkunu provi ħorox fuq il-fidi tagħhom, speċjalment meta l-provi jibqgħu għaddejjin sena wara l-oħra. Minkejja dan, il-Ħallieq tagħhom, li ddisinja s-siġar li jifilħu għad-diffikultajiet b’tant suċċess, jiżgura lill-adoraturi tiegħu li hu se jgħinhom. Il-Bibbja twiegħed lil dawk li jieqfu sodi: “Hu . . . jwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod.”—1 Pietru 5:9, 10.
Il-verb Grieg li fil-Bibbja jiġi tradott “stabar” iġorr il-ħsieb taʼ li wieħed jieqaf sod, ma jitħarrikx, jew jippersevera. Bħal fil-każ tas-siġar taʼ l-alpin, li jkollok l-għeruq imqabbdin fis-sod huwa l-qofol għas-sabar. Fil-każ tal-Kristjani, huma jrid ikollhom għeruq sodi f’Ġesù Kristu sabiex jieqfu sodi. “Intom ilqajtu lil Kristu Ġesù l-Mulej,” kiteb Pawlu, “għixu mela magħqudin miegħu; niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi, kif tgħallimtu, u mtlew bil-gratitudni.”—Kolossin 2:6, 7.
Pawlu fehem li hemm bżonn taʼ għeruq spiritwali b’saħħithom. Hu nnifsu kien jissara maʼ ‘xewka f’ġismu,’ u ssaporta persekuzzjoni ħarxa fil-ministeru tiegħu. (2 Korintin 11:23-27; 12:7) Iżda hu skopra li bil-qawwa t’Alla setaʼ jibqaʼ sħiħ. “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini,” hu ddikjara.—Filippin 4:13.
Bħalma jurina l-eżempju taʼ Pawlu, li wieħed ikollu suċċess f’li juri s-sabar Kristjan ma jiddependix minn ċirkustanzi favorevoli. Bħas-siġar taʼ l-alpin li b’suċċess jibqgħu sodi minkejja l-maltempati li jgħaddu minnhom għal mijiet taʼ snin, aħna nistgħu nibqgħu sodi fil-fidi jekk ikollna l-għeruq tagħna fi Kristu u niddependu mill-qawwa li jagħtina Alla. Barra minn hekk, jekk nibqgħu nissaportu sa l-aħħar, nistgħu nħarsu ’l quddiem għal meta nesperjenzaw it-twettiq taʼ wegħda divina oħra: “għax il-poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-siġar.”—Isaija 65:22; Mattew 24:13.