LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 7/1 pp. 24-30
  • Ġarrabna lil Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġarrabna lil Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kuntatt li Kelli Qabel maʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja
  • Insibu l-​Verità f’Dawk il-​Kotba Żgħar
  • Determinat li Nkun Pijunier
  • “Jien Se Nġarrab lil Jehovah”
  • Pijunieri Speċjali Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija
  • Il-​Bilanċ bejn il-​Familja u l-​Ministeru
  • Dak li Tgħallimna Matul is-​Snin
  • Huwa Alla Responsabbli għall-Problemi Tagħna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Il-Barkiet tal-Ministeru Bħala Pijunier
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Ix-Xogħol ta’ Pijunier Isaħħaħ ir-Relazzjoni li Għandna m’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Kif Tliet Konvenzjonijiet Influwenzawli Ħajti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 7/1 pp. 24-30

Bijografija

Ġarrabna lil Jehovah

KIF RAKKONTATA MINN PAUL SCRIBNER

“Bonġu, Mrs. Stackhouse. Dal-għodu qed nieħu l-​ordnijiet għall-​kejkijiet taʼ l-​Għid, u jien ċert li tixtieq wieħed għall-​familja tiegħek.” Kien kmieni fir-​rebbiegħa taʼ l-​1938, u kont f’Atco, New Jersey, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika, nitkellem maʼ waħda mill-​aħjar klijenti li kelli fir-​rotta tiegħi bħala bejjiegħ mal-​General Baking Company. B’sorpriża għalija Mrs. Stackhouse irrifjutatha l-​offerta tiegħi.

“MA NAĦSIBX li jinteressani,” qaltli. “Aħna ma niċċelebrawhx l-​Għid.”

Issa ma kontx naf x’se naqbad naħseb. Ma jiċċelebrawx l-​Għid? M’għandniex xi ngħidu, l-​ewwel prinċipju tal-​bejgħ hu li l-​klijent dejjem għandu raġun. Mela issa x’kont se nagħmel? “Ismaʼ minni,” issograjt ngħidilha, “tajjeb ħafna dan il-​kejk, u naf li tħobbuhom il-​prodotti tagħna. Ma taħsibx li l-​familja tiegħek tieħu pjaċir bih, avolja ma tiċċelebrawx l-​Għid?”

“Ma naħsibx,” reġgħet qaltli, “imma ilni naħseb biex inkellmek fuq xi ħaġa, Mr. Scribner, u forsi issa hu l-​ħin addattat biex nagħmel dan.” Din il-​konversazzjoni biddlitli ħajti totalment! Mrs. Stackhouse, membru tal-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Berlin, New Jersey, spjegatli minfejn oriġinat iċ-​ċelebrazzjoni taʼ l-​Għid u tatni tliet kotba żgħar. It-​titli tagħhom kienu Safety (Sigurtà), Uncovered (Kxif), u Protection (Protezzjoni). Ħadthom miegħi d-​dar, u għalkemm kont kurjuż bdejt nibżaʼ ftit. Kien hemm xi ħaġa familjari dwar dak li qaltli Mrs. Stackhouse, xi ħaġa li kellha x’taqsam maʼ tfuliti.

Kuntatt li Kelli Qabel maʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja

Jien twelidt fil-​31 taʼ Jannar, 1907, u fl-​1915, meta kelli tmien snin, missieri miet bil-​kanċer. Minħabba dan, jien u ommi morna noqogħdu mal-​ġenituri tagħha ġo dar kbira f’Malden, Massachusetts. Fit-​tielet sular kienu jgħixu wkoll iz-​ziju Benjamin Ransom, li kien jiġi ħu ommi, u martu. Iz-​ziju Ben kien ilu jassoċja maʼ l-​Istudenti Internazzjonali tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien, minn qabel ma beda s-​seklu 20. Kont tassew inħobbu liz-​ziju Ben, imma l-​bqija tal-​familja t’ommi, li kienu Metodisti, kienu jaħsbu li kien miġnun. Snin wara, qabel ma ddivorzjatu, martu rnexxielha ddaħħlu għal ftit żmien fi sptar mentali minħabba t-​twemmin reliġjuż tiegħu! It-​tobba fl-​isptar malajr indunaw li z-​ziju Ben ma kienx marid, u għalhekk huma bagħtuh id-​dar filwaqt li skużaw ruħhom miegħu.

Iz-ziju Ben ħadni miegħu għal-​laqgħat taʼ l-​Istudenti Internazzjonali tal-​Bibbja f’Boston, speċjalment meta kienu jiġu jżuruhom xi kelliema jew ikun hemm xi okkażjonijiet speċjali. Darba minnhom il-​kelliemi li ġie jżurhom kien Charles Taze Russell, li kien jindokra x-​xogħol taʼ l-​ippridkar f’dak iż-​żmien. Okkażjoni speċjali oħra kienet il-​wiri tal-​“Photo-Drama of Creation.” Għalkemm dan kien fl-​1915, sa llum stess għadni niftakar l-​istampa t’Abraham qed jieħu lil Iżakk fuq il-​muntanja biex joffrih bħala sagrifiċċju. (Ġenesi, kapitlu 22) Għadni nistaʼ nara lil Abraham, hekk kif fada kompletament f’Jehovah, flimkien maʼ Iżakk telgħin dik l-​għolja bi tbatija mgħobbijin bl-​injam. Peress li ma kellix missier, tant impressjonajt ruħi b’dik ix-​xena.

Imbagħad, iz-​ziju Ben u martu marru joqogħdu f’Maine, u ommi reġgħet iżżewġet u morna noqogħdu fi New Jersey. Għalhekk, għamilt żmien twil ma narahx liz-​ziju Ben. Matul is-​snin adolexxenti tiegħi fi New Jersey, iltqajt maʼ Marion Neff, waħda minn tmint itfal ġo familja Presbiterjana. Kont nieħu pjaċir immur għandhom. Tant qattajt Ħdud maʼ din il-​familja u mal-​grupp taʼ żgħażagħ tal-​knisja tagħhom li fl-​aħħar sirt Presbiterjan bħalhom. Xorta waħda, xi ftit mill-​affarijiet li kont tgħallimt fil-​laqgħat taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu għadhom f’qalbi. Jien u Marion iżżewwiġna fl-​1928, u t-​tfal tagħna, Doris u Louise, twieldu fl-​1935 u fl-​1938. B’tifla żgħira u b’tarbija tat-​twelid fil-​familja, it-​tnejn li aħna ħassejna l-​bżonn għal direzzjoni spiritwali biex irrabbu l-​familja tagħna.

Insibu l-​Verità f’Dawk il-​Kotba Żgħar

Jien u Marion ridna nfittxu maʼ liema knisja ningħaqdu, u għalhekk għamilna pjan. Darba kull wieħed, kull nhar taʼ Ħadd xi ħadd minna kien jibqaʼ d-​dar mat-​tfal u l-​ieħor imur iżur xi knisja li stajna ningħaqdu magħha. Darba minnhom kien imiss lil Marion toqgħod id-​dar, imma offrejtilha biex noqgħod jien mat-​tfal sabiex inkun nistaʼ naqra l-​ktejjeb Safety, l-​ewwel wieħed minn dawk it-​tlieta li kienet tatni Mrs. Stackhouse. Hekk kif bdejt naqrah ma stajtx nitilqu minn idejja! Iktar ma naqra iktar bdejt nikkonvinċi ruħi li kont sibt xi ħaġa li l-​ebda knisja ma setgħet toffrili. Il-​ġimgħa taʼ wara reġgħet ġrat l-​istess ħaġa, u kont lest li nieħu ħsieb it-​tfal waqt li qrajt it-​tieni ktejjeb, Uncovered. Dak li kont qed naqra beda jinstemaʼ familjari. Huwa dan l-​istess tagħlim li kien jemmen iz-​ziju Ben? Il-​familja tagħna kienet taħseb li r-​reliġjon tiegħu kienet taʼ l-​imġienen. X’se tgħid Marion? Ma kellix għalfejn ninkwieta. Ftit jiem wara li kont qrajt il-​ktejjeb Uncovered, ġejt mix-​xogħol u bqajt mistagħġeb meta Marion qaltli, “Qrajt dawk il-​kotba żgħar li ġibt id-​dar. Huma tassew interessanti.” Ħadt ir-​ruħ meta qaltli hekk!

Fl-aħħar paġna taʼ dawk il-​kotba żgħar kien hemm informazzjoni dwar il-​ktieb Enemies (Għedewwa), li kien għadu kif ħareġ u li kien jitkellem dwar fatti jaħarqu fuq ir-​reliġjon falza. Iddeċidejna li niksbuh. Madankollu, qabel ma bgħatna għalih bil-​posta, ġie Xhud iħabbtilna l-​bieb u offrielna propju dan il-​ktieb, li għenna nieħdu d-​deċiżjoni tagħna! Ma bqajniex inżuru knejjes iktar u bdejna mmorru għal-​laqgħat tal-​Kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Camden, New Jersey. Ftit xhur wara, nhar il-​Ħadd 31 taʼ Lulju, 1938, konna fi grupp taʼ madwar 50 ruħ li ltqajna fil-​ġnien taʼ Oħtna Stackhouse—fid-​dar fejn kont qed nipprova nbigħ il-​kejkijiet taʼ l-​Għid—u bdejna nisimgħu taħdita rekordjata minn Ħuna Rutherford dwar il-​magħmudija. Imbagħad, biddilna l-​ħwejjeġ ġewwa d-​dar, u 19 minna tgħammidna fi xmara fil-​viċin.

Determinat li Nkun Pijunier

Ftit wara li tgħammidt, waħda mill-​aħwa fil-​kongregazzjoni kellmitni dwar nies imsejħa pijunieri, li kienu jagħmlu l-​ministeru pubbliku l-​attività prinċipali tagħhom. Mill-​ewwel qabditni l-​kurżità u malajr sirt naf familja sħiħa li kienu pijunieri. Raġel avanzat fl-​età, Ħuna Konig, martu, u t-​tifla tagħhom li kienet kbira, kollha kienu pijunieri f’kongregazzjoni fil-​viċin. Bħala missier taʼ familja, li għadha tibda l-​ħajja, bqajt impressjonat bil-​ferħ kbir li kellhom fil-​ministeru l-​familja Konig. Kemm-il darba kont nipparkja l-​vann tax-​xogħol, ngħaddi għandhom u nqattaʼ ftit ħin magħhom fil-​ministeru minn dar għal dar. Ma domtx ma bdejt nixtieq inkun pijunier. Imma kif stajt? Jien u Marion kellna żewġt itfal żgħar, u x-​xogħol tiegħi kien jirrikjedi ħafna ħin. Fil-​fatt, hekk kif bdiet it-​Tieni Gwerra Dinjija fl-​Ewropa u iktar irġiel żgħażagħ bdew jingħaqdu mal-​forzi armati fl-​Istati Uniti, iktar żdied ix-​xogħol għal nies bħali li bqajna naħdmu f’xogħlijiet ċivili. Riduni nżid iktar rotot taʼ klijenti, u kont naf li qatt ma stajt inkun pijunier b’dik l-​iskeda.

Meta tkellimt maʼ Ħuna Konig dwar ix-​xewqa tiegħi li nkun pijunier, hu qalli: “Sempliċement ibqaʼ aħdem iebes fis-​servizz taʼ Jehovah, u kompli itolbu rigward il-​mira tiegħek. Hu se jgħinek twettaqha.” Bqajt nagħmel dan għal iktar minn sena. Taʼ spiss kont nirrifletti fuq skritturi bħal Mattew 6:​8, li tassigurana li Jehovah jaf x’inhuma l-​ħtiġijiet tagħna qabel ma saħansitra nitolbuh. U komplejt nipprova nsegwi l-​parir taʼ Mattew 6:​33, biex nibqaʼ nfittex l-​ewwel is-​Saltna t’Alla u l-​ġustizzja tiegħu. Kont niġi inkuraġġit ukoll minn Ħuna Melvin Winchester, qaddej taż-​żona (issa msejjaħ indokratur tas-​circuit).

Għedt lil Marion x’kienu l-​miri tiegħi. Tkellimna dwar Malakija 3:​10, li jinkuraġġina biex inġarrbu lil Jehovah u naraw jekk isawwabx fuqna l-​barka tiegħu. Inkuraġġietni meta qaltli: “Jekk trid tkun pijunier, iżżommx lura minħabba fija. Nistaʼ nieħu ħsieb it-​tfal jien biex int tkun pijunier. Fuq kollox, m’għandniex bżonn ħafna affarijiet materjali.” Wara 12-il sena miżżewġin, kont diġà naf li Marion kienet mara tad-​dar meqjusa u attenta ħafna. Matul is-​snin, hi kienet sieħba pijuniera meraviljuża, u wieħed mis-​sigrieti tas-​suċċess tagħna f’xi 60 sena taʼ servizz full-time kien li hi kienet kapaċi tkun sodisfatta bil-​ftit u dan tagħmlu jidher qisu għandna ħafna.

Sas-sajf taʼ l-​1941, wara ħafna xhur taʼ talb u ppjanar, jien u Marion faddalna ftit flus, u rnexxielna nixtru karavan taʼ 5.5 metri biex ngħixu fih bil-​familja. Waqaft mix-​xogħol u sirt pijunier regulari f’Lulju taʼ l-​1941, u minn dakinhar ’l hawn bqajt fis-​servizz full-time. L-​ewwel inkarigu tiegħi kien parti minn Rotta 50 bejn New Jersey u St. Louis, Missouri, fejn kellha tinżamm il-​konvenzjoni tagħna fil-​bidu t’Awissu. Kienu bagħtuli l-​ismijiet u l-​indirizzi taʼ l-​aħwa li kelli ngħaddi għandhom, u ktibtilhom minn qabel biex ngħidilhom meta kellhom jistennewni. Meta naslu l-​konvenzjoni, kelli nsib id-​dipartiment tal-​pijunieri u nieħu inkarigu ieħor.

“Jien Se Nġarrab lil Jehovah”

Imlejna l-​karavan żgħir tagħna bil-​letteratura u morna għall-​aħħar laqgħa tagħna f’Camden biex insellmu lill-​aħwa. B’żewġt itfal żgħar x’nieħdu ħsieb u mingħajr ma nafu fejn sejrin wara l-​konvenzjoni, għandu mnejn li għal xi aħwa l-​pjanijiet tagħna dehru mhux għaqlin, u ħafna minnhom qalulna: “Ma ddumux ma terġgħu tiġu lura.” Niftakar li għedtilhom: “Ħeqq, mhux qed ngħid li ma jistax ikun. Jehovah qal li se jieħu ħsiebi, u jien se nġarrab lil Jehovah.”

Wara sittin sena taʼ xogħol taʼ pijunier f’20 belt minn Massachusetts sa Mississippi, nistgħu ngħidu li Jehovah wettaq ferm iktar minn dak li wiegħed. Il-​barkiet li sawwab fuqi, fuq Marion, u fuq iż-​żewġ uliedna huma bil-​wisq iktar minn dak li fl-​1941 ittamajt li jistaʼ jkollna. Dawn jinkludu li jkollna ż-​żewġt itfal tagħna jaqdu bħala pijunieri leali f’kongregazzjonijiet fil-​viċin, u (l-aħħar li għoddejniehom) madwar mitt tifel u tifla spiritwali mxerrdin mal-​Kosta tal-​Lvant kollha taʼ l-​Istati Uniti. Jien studjajt maʼ 52 persuna li ddedikaw ħajjithom lil Alla Jehovah u Marion maʼ 48.

F’Awissu taʼ l-​1941, morna f’St. Louis, u hemmhekk iltqajt maʼ Ħuna T. J. Sullivan minn Betel. Hu kellu l-​ittra tal-​ħatra tiegħi, li kelli bżonnha minħabba li kienet waslet il-​gwerra u li stajt ninqabad bil-​lieva. Għedt lil Ħuna Sullivan li marti kienet qed tqattaʼ ħin daqsi fil-​ministeru u li tixtieq tkun pijuniera miegħi. Għalkemm kien għad m’hemmx id-​dipartiment tal-​pijunieri fil-​konvenzjoni, Ħuna Sullivan mill-​ewwel niżżel isem Marion fil-​lista bħala pijuniera u staqsiena: “Fejn se tmorru taqdu bħala pijunieri wara l-​konvenzjoni?” Aħna ma konniex nafu. “Toqogħdux tinkwetaw,” hu qal: “Issa tiltaqgħu maʼ xi ħadd fil-​konvenzjoni minn xi mkien li għandhom bżonn il-​pijunieri, u l-​problema tissolva. Kulma tridu tagħmlu hu li tiktbulna u tgħidulna fejn qegħdin, u nibagħtulkom ittra bl-​inkarigu tagħkom.” U hekk ġara. Ħuna Jack DeWitt, li qabel kien qaddej taż-​żona, inzerta kien jaf xi nies fi New Market, Virginia, li kellhom dar għall-​pijunieri fejn kien hemm il-​bżonn għal iktar pijunieri. Għalhekk, wara l-​konvenzjoni morna New Market.

Fi New Market kienet qed tistenniena xi ħaġa speċjali. Min taħsbu li ġie minn Filadelfja biex jingħaqad magħna fix-​xogħol taʼ pijunier jekk mhux Benjamin Ransom! Iva, iz-​ziju Ben. X’ferħ kien li naħdem miegħu fil-​ministeru minn dar għal dar iktar minn 25 sena wara li ħawwel dawk iż-​żrieragħ tal-​verità f’qalbi lura f’Boston! Minkejja li ffaċċja snin sħaħ taʼ indifferenza, ridikolar, u saħansitra persekuzzjoni mill-​familja, iz-​ziju Ben qatt ma tilef l-​imħabba għal Jehovah u għall-​ministeru.

Ħadna pjaċir li qattajna tmien xhur fid-​dar għall-​pijunieri fi New Market. Matul dak iż-​żmien, fost affarijiet oħrajn, tgħallimna kif inpartu t-​tiġieġ u l-​bajd mal-​letteratura. Imbagħad, jien, iz-​ziju Ben, u Marion, flimkien maʼ tlieta oħra, ġejna inkarigati naqdu bħala pijunieri speċjali f’Hanover, Pennsylvania—l-​ewwel inkarigu minn sitta li kien se jkollna f’Pennsylvania mill-​1942 sa l-​1945.

Pijunieri Speċjali Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija

Kien hemm xi drabi matul it-​Tieni Gwerra Dinjija li sibna min jeħodha kontra tagħna bl-​aħrax minħabba l-​pożizzjoni newtrali tagħna, imma Jehovah qatt ma naqas li jappoġġana. Darba waħda fi Provincetown, Massachusetts, il-​Buick, il-​karozza antika li kellna, ġratilha l-​ħsara, u biex nagħmel żjara lura kelli nimxi biċċa ġmielha minn inħawi li fihom kienu joqogħdu xi nies Kattoliċi verament ostili. Iltqajt maʼ grupp taʼ żgħażagħ xellerati li għarfuni u bdew jgħajtu. Bdejt ngħaġġel biex forsi dawn iż-​żgħażagħ ma jibqgħux jiġru warajja filwaqt li bdejt inħoss il-​ġebel għaddej minn miegħi. Irnexxieli nasal id-​dar taʼ l-​individwu interessat qawwi u sħiħ. Imma l-​inkwilin, membru rispettat tal-​Leġjun Amerikan (American Legion), skuża ruħu u qalli: “Ma nistax inqattaʼ ħin miegħek il-​lejla għax insejt li se mmorru l-​belt naraw film.” Tgħidx kemm bżajt hekk kif ftakart f’dak il-​grupp taʼ ġuvintur bil-​ġebel f’idejhom, fil-​kantuniera jistennewni sejjer lura. Madankollu, ħadt ir-​ruħ meta hu żied: “Għax ma timxix magħna? Nistgħu noqogħdu nitkellmu fit-​triq.” Għalhekk, stajt nagħtih xiehda, u għaddejt minfejn kien hemm l-​inkwiet b’wiċċ il-​ġid.

Il-​Bilanċ bejn il-​Familja u l-​Ministeru

Wara l-​gwerra, kellna diversi inkarigi f’Virginia, inkluż waqfa taʼ tmien snin bħala pijunieri speċjali u regulari f’Charlottesville. Sa l-​1956, it-​tfal kibru u żżewġu, u jien u Marion morna naqdu bħala pijunieri f’Harrisonburg, Virginia, u bħala pijunieri speċjali f’Lincolnton, North Carolina.

Fl-1966 ġejt inkarigat naqdi fix-​xogħol tas-​circuit, xogħol li jinvolvi li nivvjaġġa minn kongregazzjoni għall-​oħra u ninkuraġġixxi lill-​aħwa, bħalma kien inkuraġġieni Ħuna Winchester lura fi New Jersey fis-​snin 30. Għal sentejn qdejt f’circuit taʼ kongregazzjonijiet f’Tennessee. Imbagħad, jien u Marion ġejna mitlubin biex nerġgħu naqdu bħala pijunieri speċjali, ix-​xogħol li hu l-​iktar għal qalbna. Mill-​1968 sa l-​1977 qdejna bħala pijunieri speċjali fin-​naħa t’isfel taʼ l-​Istati Uniti, f’diversi postijiet minn Georgia sa Mississippi.

F’Eastman, Georgia, kont inkarigat bħala l-​indokratur tal-​kongregazzjoni (issa msejjaħ indokratur li jippresiedi) biex nieħu post Powell Kirkland, ħu mill-​aħjar li kien avanzat fl-​età. Hu qeda għal ħafna snin bħala indokratur tas-​circuit imma issa saħħtu kienet bdiet tħallih. Hu wera ħafna gratitudni u kien t’appoġġ kbir. L-​appoġġ tiegħu kien vitali peress li kien hemm xi nuqqas taʼ qbil fil-​kongregazzjoni li kienu involuti fih xi wħud prominenti. Il-​kwistjoni bdiet issir taħraq daqsxejn, u qattajt ħafna ħin nitlob lil Jehovah. Kienu jiġuni f’moħħi skritturi bħal Proverbji 3:​5, 6: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Billi ħdimna iebes biex nibqgħu nżommu l-​komunikazzjoni bejnietna, irnexxielna ngħaqqdu l-​kongregazzjoni b’riżultati tajbin għal kulħadd.

Sa l-​1977 bdejna nħossu ftit l-​effetti taʼ l-​età, u erġajna ngħatajna inkarigu fl-​inħawi taʼ Charlottesville, fejn iż-​żewġt itfal tagħna kienu qed jgħixu mal-​familji tagħhom. Għal dawn l-​aħħar 23 sena, kellna l-​pjaċir li naħdmu f’dawn l-​inħawi. Hawnhekk, konna t’għajnuna biex tifforma l-​kongregazzjoni Ruckersville, Virginia, u rajna lit-​tfal u t-​tfal tat-​tfal taʼ dawk li studjajna l-​Bibbja magħhom jikbru u jsiru anzjani tal-​kongregazzjoni, pijunieri, u Beteliti. Jien u Marion għadna kapaċi nżommu skeda tajba għas-​servizz taʼ l-​għalqa, u jien għandi l-​privileġġ li naqdi b’mod attiv bħala anzjan fl-​East Congregation taʼ Charlottesville, nikkonduċi studju tal-​ktieb u nagħti taħditiet pubbliċi.

Matul is-​snin, għaddejna minn problemi bħal kulħadd. Per eżempju, minkejja l-​isforzi tagħna, Doris iddgħajfet spiritwalment għal xi żmien meta kienet adolexxenti u żżewġet raġel li ma kienx Xhud. Imma qatt ma tilfet kompletament l-​imħabba għal Jehovah, u binha Bill ilu 15-il sena jaqdi ġewwa Betel f’Wallkill, New York. Issa, Doris u Louise it-​tnejn li huma romol, imma qed jaqdu b’ferħ bħala pijunieri regulari viċin tagħna.

Dak li Tgħallimna Matul is-​Snin

Jien tgħallimt napplika ftit regoli sempliċi biex ikolli suċċess f’li naqdi lil Jehovah: Żomm il-​ħajja sempliċi. Kun taʼ eżempju f’kulma tagħmel, inkluż fil-​ħajja privata tiegħek. Applika d-​direzzjoni taʼ l-​ilsir leali u diskret f’kollox.—Mattew 24:45.

Marion għamlet lista qasira imma effettiva taʼ suġġerimenti biex ikollha suċċess fix-​xogħol taʼ pijunier waqt li kienet qed trabbi t-​tfal: Agħmel skeda prattika u żomm magħha. Agħmel il-​ministeru tiegħek bħala pijunier il-​karriera tiegħek. Kul ikel sustanzjuż. Ħu mistrieħ biżżejjed. Tesaġerax fir-​rikreazzjoni. Agħmel il-​verità, inkluż l-​aspetti kollha tal-​ministeru, esperjenza pjaċevoli fil-​ħajja taʼ wliedek. Dejjem agħmel il-​ministeru esperjenza interessanti għalihom.

Issa għandna fuq id-​90 sena. Għaddew tnejn u sittin sena minn mindu smajna t-​taħdita tal-​magħmudija fil-​ġnien tad-​dar taʼ Stackhouse, u qattajna 60 sena fis-​servizz full-time. Jien u Marion nistgħu ngħidu sinċerament li aħna sodisfatti ferm bil-​mod kif qattajna ħajjitna. Jien grat profondament għall-​inkuraġġiment li rċivejt bħala missier żagħżugħ biex inpoġġi l-​miri spiritwali fl-​ewwel post u nkompli naħdem biex inwettaqhom, u jien grat lejn l-​għażiża marti, Marion, u t-​tfal għall-​appoġġ tagħhom matul is-​snin. Għalkemm m’għandniex għana materjali, jien taʼ spiss napplika għalija nnifsi l-​iskrittura taʼ Ekkleżjasti 2:25 (NW): “Min jiekol u min jixrob aħjar minni?”

Verament, fil-​każ tagħna Jehovah wettaq bil-​kbir il-​wegħda tiegħu f’Malakija 3:10. Hu tassew ‘sawwab fuqna barka bl-​abbundanza’!

[Kaxxa/Stampa f’paġna 29]

MEMORJI MIS-​SNIN TAL-​GWERRA

Kważi 60 sena wara l-​gwerra, il-​familja kollha għad għandha memorji ċari taʼ dawk is-​snin.

“F’Pennsylvania ġieli għamlet kesħa kbira,” tiftakar Doris. “Lejla waħda, it-​temperatura niżlet 35 grad Celsius taħt iż-​żero.” Louise iżżid, “Jien u Doris konna noqogħdu bil-​qiegħda fuq saqajn xulxin fis-​seat taʼ wara tal-​Buick antika tagħna biex ma jiksħulniex saqajna.”

“Imma qatt ma ħassejna li aħna fqar jew imċaħħdin minn xi ħaġa,” tgħid Doris. “Konna nafu li nbiddlu l-​post fejn ngħixu iktar mill-​biċċa l-​kbira min-​nies, imma dejjem kilna sew u lbisna sabiħ. Dejjem kellna ħwejjeġ kważi ġodda u taʼ kwalità tajba li kienu jagħtuhomlna ħbieb tagħna minn Ohio, li kellhom tfal bniet ftit akbar minna.”

“Ommi u missieri dejjem ġagħluna nħossuna maħbubin u apprezzati,” tgħid Louise, “u konna nqattgħu ħafna ħin magħhom fil-​ministeru. Konna nħossuna speċjali u qrib ħafna tagħhom.”

“Kelli Buick Special taʼ l-​1936,” jiftakar Paul, “u dawn il-​karozzi kienu magħrufin li jinqasmilhom ix-​xaft. Naħseb li l-​magna kienet b’saħħitha wisq għall-​bqija tal-​karozza. Dan qisu li dejjem kien jiġri fl-​iktar lejla kiesħa tax-​xahar, u mbagħad kont immur fi scrapyard għal xaft ieħor. Spiċċajt espert biex inbiddilhom.”

“Tinsiex il-​biljetti tar-​razzjon,” tgħid Marion. “Kollox kien bir-​razzjon—laħam, petrol, tajers għall-​karozzi, u kull ħaġa oħra. Kull darba li konna mmorru fuq xi inkarigu ġdid, kien ikollna mmorru għand l-​awtoritajiet tal-​post u napplikaw għall-​biljett tar-​razzjon. Ġieli kien idum xhur biex jasal, u kważi kull darba li fl-​aħħar konna nirċivuh, kienu jibagħtuna fuq inkarigu ieħor, u jkollna nerġgħu nibdew kollox mill-​bidu. Imma Jehovah dejjem ħa ħsiebna.”

[Stampa]

Jien u Marion maʼ Doris (xellug) u Louise, 2000

[Stampa f’paġna 25]

M’ommi fl-​1918, meta kelli 11-il sena

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ Louise, Marion, u Doris fl-​1948 meta tgħammdu t-​tfal

[Stampa f’paġna 26]

Ir-​ritratt tat-​tieġ tagħna, Ottubru 1928

[Stampa f’paġna 26]

It-​tfal tiegħi (fit-tarf fuq ix-​xellug u fit-​tarf fuq il-​lemin) u jien fil-​Yankee Stadium, 1955

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja