Għandek Int Spirtu Immortali?
“L-ISKRITTURA kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa,” kiteb l-appostlu Pawlu. (2 Timotju 3:16) Iva, il-Bibbja hija ktieb taʼ verità li ġej minn dak Alla veru, Jehovah.—Salm 83:19 [83:18, NW].
Ladarba Jehovah hu l-Ħallieq taʼ l-affarijiet kollha, inkluż il-bnedmin, hu jaf eżatt x’jiġrilna meta mmutu. (Lhud 3:4; Apokalissi 4:11) U fil-Kelma ispirata tiegħu, il-Bibbja, hu ta tweġibiet veri u sodisfaċenti għall-mistoqsijiet dwar id-dinja l-oħra.
X’Inhu l-Ispirtu?
Fil-Bibbja, il-kliem fil-lingwa oriġinali tradott bħala “spirtu” bażikament ifisser “nifs.” Imma dan ifisser ferm iktar milli wieħed jieħu n-nifs. Per eżempju, il-kittieb tal-Bibbja Ġakbu jistqarr: “Ġisem bla spirtu hu mejjet.” (Ġakbu 2:26, KŻ) Għaldaqstant, l-ispirtu hu dak li jagħti l-ħajja lill-ġisem.
Ma jistax ikun li din il-forza li tagħti l-ħajja hija biss in-nifs, jew l-arja, li jgħaddi mill-pulmuni. Għala le? Għaliex wara li jieqaf in-nifs, iċ-ċelluli tal-ġisem jibqgħu ħajjin għal perijodu qasir, jew bħalma tgħid The World Book Encyclopedia, “għal diversi minuti.” Għal din ir-raġuni, l-isforzi biex il-ġisem jerġaʼ jingħata l-ħajja jistgħu jirnexxu. Imma ladarba x-xrara tal-ħajja titlaq miċ-ċelluli tal-ġisem, kull sforz li jsir biex il-ġisem jerġaʼ jingħata l-ħajja jkun għalxejn. In-nifs kollu, jew l-arja, tad-dinja ma jistax jagħti l-ħajja lil saħansitra ċellula waħda. Mela, l-ispirtu huwa l-forza inviżibbli tal-ħajja—ix-xrara tal-ħajja li żżomm iċ-ċelluli u l-persuna ħajjin. Din il-forza tal-ħajja hija sostnuta bin-nifs.—Ġob 34:14, 15.
Dan l-ispirtu hu attiv biss fil-bnedmin? Rigward dan, il-Bibbja tgħinna naslu għal konklużjoni korretta. Is-sultan għaref Salamun ammetta li l-bnedmin u l-annimali għandhom ilkoll l-istess spirtu, u staqsa: “Min jaf jekk nifs il-ħajja [“spirtu,” NW] tal-bniedem jitlax ’il fuq, u nifs il-ħajja [“spirtu,” NW] tal-bhima jinżilx ’l isfel lejn l-art?” (Koħèlet 3:19-21) B’hekk, nistgħu ngħidu li kemm l-annimali kif ukoll il-bnedmin għandhom spirtu. Kif jistaʼ jkun dan?
L-ispirtu, jew il-forza tal-ħajja, jistaʼ jitqabbel mal-kurrent elettriku li jgħaddi minn ġo magna jew apparat. L-elettriku inviżibbli jistaʼ jwettaq diversi affarijiet, skond it-tip t’apparat li jħaddem. Per eżempju, heater tad-dawl jistaʼ jagħmel is-sħana, kompjuter jistaʼ jipproċessa l-informazzjoni, u televixin jistaʼ jipproduċi l-istampi u s-sawnd. Madankollu, il-kurrent elettriku qatt ma jieħu l-karatteristiċi strutturali taʼ l-apparat li jħaddem. Jibqaʼ sempliċement forza. Bl-istess mod, il-forza tal-ħajja ma tieħu l-ebda karatteristika tal-ħlejjaq li lilhom tagħti l-ħajja. M’għandha l-ebda personalità jew abbiltà tal-ħsieb. Il-bnedmin u l-annimali għandhom “l-istess . . . nifs il-ħajja [“spirtu,” NW].” (Koħèlet 3:19) Għalhekk, meta wieħed imut, l-ispirtu tiegħu ma jibqax jeżisti f’xi qasam ieħor bħala ħliqa spirtu.
Allura, x’inhi l-kundizzjoni tal-mejtin? U x’jiġrilu l-ispirtu meta wieħed imut?
“Fit-Trab Terġaʼ Tmur”
Meta l-ewwel bniedem, Adam, m’obdiex minn jeddu l-kmand t’Alla, Hu qallu: “Bl-għaraq taʼ ġbinek tiekol ħobżok, sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Fejn kien Adam qabel ma Jehovah ħalqu mit-trab? Imkien! Hu lanqas biss kien jeżisti. Għalhekk, meta Alla Jehovah qal li Adam kellu ‘jerġaʼ jmur fit-trab,’ hu kien qed ifisser li Adam kellu jmut u jerġaʼ jsir parti mill-elementi taʼ l-art. Adam ma kienx se jmur f’xi qasam taʼ l-ispirti. Mal-mewt Adam kien se jerġaʼ jsir ineżistenti. Il-kastig tiegħu kien il-mewt—nuqqas taʼ ħajja—mhux xi trasferiment lejn qasam ieħor.—Rumani 6:23.
Xi ngħidu għall-mejtin l-oħrajn? Il-kundizzjoni tal-mejtin tintgħamel ċara f’Koħèlet 9:5, 10, fejn naqraw: “Il-mejtin ma jafu xejn; . . . għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet [“taħt l-art,” Saydon] fejn inti sejjer.” Għalhekk, il-mewt hija stat taʼ ineżistenza. Is-salmista kiteb li meta wieħed imut, “toħroġ ruħu [“l-ispirtu,” NW], lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.”—Salm 146:4.
Jidher ċar li l-mejtin ma jibqgħux jeżistu. Huma ma jistgħu jkunu jafu xejn. Ma jistgħux jarawk, jisimgħuk, jew ikellmuk. Huma la jistgħu jgħinuk u lanqas iweġġgħuk. Żgur li m’għandekx għalfejn tibżaʼ mill-mejtin. Imma l-ispirtu kif ‘joħroġ’ mill-persuna meta tmut?
L-Ispirtu ‘Jerġaʼ Lejn Alla’
Il-Bibbja tistqarr li meta wieħed imut, “jerġaʼ nifs il-ħajja [“l-ispirtu,” NW] lejn Alla li tah.” (Qohelet 12:7, Saydon) Ifisser dan li xi entità spirtu se tivvjaġġa letteralment minn ġo l-ispazju għal quddiem il-preżenza t’Alla? Xejn minn dan! Il-mod kif il-Bibbja tuża l-kelma ‘jerġaʼ,’ jew ‘jerġaʼ lura,’ ma jirrikjedix moviment letterali minn post għal ieħor. Per eżempju, l-Iżraelin li ma baqgħux leali ntqalilhom: “‘Erġgħu lura lejja, u jien nerġaʼ lura lejkom,’ jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti.” (Malakija 3:7) Li Iżrael ‘jerġaʼ lura’ lejn Jehovah kien ifisser li jdur lura minn kondotta ħażina u jerġaʼ jgħix fi qbil mat-tjieba t’Alla. U li Jehovah ‘jerġaʼ lura’ lejn l-Iżraelin kien ifisser li hu jagħti għal darb’oħra l-attenzjoni favorevoli tiegħu lill-poplu tiegħu. Fiż-żewġ każi, li ‘jerġaʼ lura’ kien jinvolvi attitudni, mhux ċaqliq letterali minn post ġeografiku għal ieħor.
Bl-istess mod, meta fil-mewt l-ispirtu ‘jerġaʼ lejn’ Alla, ma jsir l-ebda ċaqliq attwali mid-dinja għall-qasam tas-sema. Ladarba l-forza tal-ħajja tkun ħarġet minn persuna, Alla biss jistaʼ jerġaʼ jagħtihielha. B’hekk, l-ispirtu ‘jerġaʼ lejn Alla’ fis-sens li kwalunkwe tama taʼ ħajja futura għal dik il-persuna issa tiddependi totalment minn Alla.
Per eżempju, ikkunsidra dak li tgħid l-Iskrittura dwar il-mewt taʼ Ġesù Kristu. Luqa, il-kittieb taʼ l-Evanġelju, jirrakkonta: “Ġesù għajjat għajta kbira u qal: ‘Missier, f’idejk jien nerħi ruħi [“l-ispirtu tiegħi,” KŻ].’ U kif qal hekk, ħarġet ruħu [jew, l-ispirtu].” (Luqa 23:46) Hekk kif l-ispirtu taʼ Ġesù ħareġ minnu, hu ma kienx letteralment fi triqtu lejn is-sema. Ġesù dam tlett ijiem mejjet qabel ma ġie rxoxtat. Imbagħad, wara 40 jum telaʼ s-sema. (Atti 1:3, 9) Madankollu, meta kien qed imut, Ġesù fada l-ispirtu tiegħu f’idejn Missieru, b’fiduċja sħiħa li Jehovah kellu l-ħila jagħtih lura l-ħajja.
Iva, Alla jistaʼ jagħti lura l-ħajja lil dak li jkun. (Salm 104:30) Xi prospett grandjuż huwa dan!
Tama Ċerta
Il-Bibbja tgħid: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra [“tal-mafkar,” NW] jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Iva, Ġesù Kristu wiegħed li dawk kollha li qegħdin fil-memorja taʼ Jehovah se jiġu rxoxtati, jew se jingħataw lura l-ħajja. Fosthom żgur li se jkun hemm dawk li stinkaw biex jimxu fit-tjieba bħala l-qaddejja taʼ Jehovah. Imma miljuni oħrajn mietu mingħajr ma wrew jekk kinux fi qbil mal-prinċipji taʼ tjieba t’Alla. Forsi ma kinux jafu dwar dak li jistenna minnhom Jehovah jew ma kellhomx ċans biżżejjed biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa. Individwi bħal dawn huma wkoll fil-memorja t’Alla u se jiġu rxoxtati, għax il-Bibbja tgħid: “Kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena [“dawk li m’humiex twajbin,” NW] għad iqumu minn bejn l-imwiet.”—Atti 24:15.
Illum, l-art hija mimlija mibegħda u ġlied, vjolenza u tixrid taʼ demm, tniġġis u mard. Kieku l-mejtin kellhom jerġgħu jgħixu fuq din l-art, żgur li l-ferħ li jirriżulta jkun għomru qasir. Imma l-Ħallieq wegħedna li dalwaqt se jġib it-tmiem fuq is-soċjetà dinjija preżenti mmexxija minn Satana x-Xitan. (Proverbji 2:21, 22; Danjel 2:44; 1 Ġwann 5:19) Imbagħad ir-realtà meraviljuża se tkun soċjetà umana mimlija tjieba—“art ġdida.”—2 Pietru 3:13.
F’dak iż-żmien “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Anki l-uġigħ marbut mal-mewt se jkun spiċċa, għax Alla ‘se jixxotta kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.’ (Apokalissi 21:4) Xi prospett dan għal dawk li qegħdin fl-“oqbra tal-mafkar”!
Meta Jehovah se jneħħi l-ħażen minn fuq l-art, hu mhux se jeqred lit-twajbin mal-ħżiena. (Salm 37:10, 11; 145:20) Fil-fatt, “kotra kbira” taʼ nies “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien” se tgħaddi mit-tribulazzjoni l-kbira li se teqred lid-dinja mill-agħar preżenti. (Apokalissi 7:9-14) Għaldaqstant, se jkun hemm folla kbira lesta biex tilqaʼ lura lill-mejtin.
Tixxennaq int biex tara mill-ġdid lill-maħbubin tiegħek? Trid tgħix għal dejjem f’Ġenna fuq l-art? Allura trid tikseb għarfien eżatt dwar ir-rieda t’Alla u l-iskopijiet tiegħu. (Ġwann 17:3) Hija r-rieda taʼ Jehovah li “l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.”—1 Timotju 2:3, 4.
[Stampa f’paġna 4]
“Trab int, u fit-trab terġaʼ tmur”
[Stampa f’paġna 5]
L-ispirtu jistaʼ jitqabbel maʼ l-elettriku
[Stampa f’paġna 7]
L-irxoxt se jġib ferħ dejjiemi