LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 8/15 pp. 20-24
  • Uri Fidi Bħal Dik t’Abraham!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uri Fidi Bħal Dik t’Abraham!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah Jeħlishom
  • Sagrifiċċji biex Tinżamm il-​Paċi
  • L-​Għadu Jattakka
  • “Il-Missier ta’ Dawk Kollha li Jkollhom il-Fidi”
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Abraham—Eżempju taʼ Fidi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ġeħova Ta Isem Ieħor lil Abram u Saraj—Għala?
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2020
  • Tistaʼ Taqdi Fejn il-Bżonn Huwa Akbar?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 8/15 pp. 20-24

Uri Fidi Bħal Dik t’Abraham!

“Dawk li jgħixu fil-​fidi, dawk huma wlied Abraham.”—GALATIN 3:7.

1. Abram kif kampa maʼ prova ġdida f’Kangħan?

ABRAM kien ħalla warajh ħajja taʼ lussu f’Ur b’ubbidjenza għall-​kmand taʼ Jehovah. L-​iskumditajiet li ġarrab fis-​snin taʼ wara kienu biss preparazzjoni għall-​prova tal-​fidi li ffaċċja fl-​Eġittu. Ir-​rakkont Bibliku jgħid: “U waqaʼ l-​ġuħ fuq l-​art.” Kemm kien ikun faċli għal Abram li jagħdab minħabba s-​sitwazzjoni tiegħu! Minflok, hu ħa passi prattiċi biex jipprovdi għall-​familja tiegħu. “Abram niżel l-​Eġittu, biex jgħammar hemm bħala frustier; għax il-​ġuħ kien għafas sew.” Fl-​Eġittu, il-​familja kbira t’Abram ma setgħetx ma tiġix notata. Kien Jehovah se jagħmel dak li wiegħed u jipproteġi lil Abram mill-​ħsara?—Ġenesi 12:10; Eżodu 16:​2, 3.

2, 3. (a) Abram għala ħeba l-​identità vera taʼ martu? (b) Biex iwieġeb għas-​sitwazzjoni, Abram kif ittratta maʼ martu?

2 F’Ġenesi 12:​11-13 naqraw: “Malli kien qorob biex jidħol l-​Eġittu, qal lil Saraj, martu: ‘Ara, jien naf li int mara sabiħa fil-​għajn; u issa meta jarawk l-​Eġizzjani jgħidu: “Martu din!” u joqtlu lili, u jħallu lilek ħajja. Għid, mela [“nitolbok,” Karm Żammit], li inti oħti, biex jien ikolli r-​riżq bik, u ħajti tibqaʼ sħiħa minħabba fik.’” Għalkemm Saraj kellha ’l fuq minn 65 sena, hi kienet għadha sabiħa ħafna. Dan poġġa l-​ħajja t’Abram fil-​periklu.a (Ġenesi 12:​4, 5; 17:17) Barra minn hekk, xi ħaġa iżjed importanti, kien hemm l-​interessi taʼ Jehovah fin-​nofs, għax hu kien qal li l-​ġnus kollha taʼ l-​art kellhom jitbierku permezz taż-​żerriegħa t’Abram. (Ġenesi 12:​2, 3, 7) Allura, ladarba Abram kien għadu bla tfal, kien importanti ferm li jibqaʼ ħaj.

3 Abram tkellem maʼ martu dwar li jużaw tattika li kienu ftehmu fuqha minn qabel, jiġifieri, li jgħidu li kienet oħtu. Innota li għalkemm Abram kellu l-​awtorità bħala patrijarka, hu m’abbużax mill-​pożizzjoni tiegħu bħala l-​kap tagħha, imma talabha tikkoopera miegħu u tappoġġah. (Ġenesi 12:​11-​13; 20:13) F’dan l-​aspett, Abram ta eżempju mill-​aħjar lill-​irġiel miżżewġin biex jużaw l-​awtorità tagħhom bħala kap b’imħabba. Mill-​banda l-​oħra, bil-​mod kif uriet is-​sottomissjoni tagħha, Saraj hija taʼ eżempju għan-​nisa miżżewġin illum.—Efesin 5:​23-​28; Kolossin 4:6.

4. Kif għandhom iġibu ruħhom il-​qaddejja leali t’Alla llum meta l-​ħajjiet taʼ ħuthom ikunu mheddin?

4 Saraj setgħet tgħid li kienet oħt Abram għax fil-​verità kienu aħwa mill-​missier. (Ġenesi 20:12) Barra minn hekk, hu ma kienx obbligat li jagħti informazzjoni lil min ma kellux jedd għaliha. (Mattew 7:6) Qaddejja leali t’Alla fi żmienna jobdu l-​kmand tal-​Bibbja biex ikunu onesti. (Lhud 13:18) Per eżempju, huma qatt ma se jigdbu jekk ikunu taħt ġurament f’xi qorti. Madankollu, meta l-​ħajjiet fiżiċi jew spiritwali taʼ ħuthom ikunu mheddin, bħal f’xi persekuzzjoni jew inkwiet ċivili, huma jagħtu kas il-​parir taʼ Ġesù biex ikunu “għaqlin bħas-​sriep u safjin bħall-​ħamiem.”—Mattew 10:​16, ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1996, paġna 32, paragrafu 19.

5. Saraj għala kienet lesta li toqgħod għat-​talba t’Abram?

5 Saraj kif irreaġixxiet għat-​talba t’Abram? L-​appostlu Pietru jiddeskrivi lil nisa bħal Saraj bħala li qed “jittamaw f’Alla.” Għalhekk, hi setgħet tifhem il-​kwistjonijiet spiritwali li kienu involuti. Barra minn hekk, hi kienet tħobbu u tirrispettah lil żewġha. B’hekk, Saraj għażlet li ‘toqgħod għas-​setgħa taʼ żewġha’ u taħbi l-​istat tagħha bħala mara miżżewġa. (1 Pietru 3:5) M’għandniex xi ngħidu, dan l-​att poġġieha fil-​periklu. “Ġara li malli Abram daħal l-​Eġittu, l-​Eġizzjani raw li l-​mara kienet sabiħa ħafna: rawha wkoll il-​fizzjali tal-​Fargħun u faħħruha quddiem il-​Fargħun; u ħaduha fil-​palazz tal-​Fargħun.”—Ġenesi 12:​14, 15.

Jehovah Jeħlishom

6, 7. F’liema ċirkustanza taʼ niket sabu ruħhom Abram u Saraj, u Jehovah kif ħelisha lil Saraj?

6 Min jaf kemm ħassewhom imnikktin Abram u Saraj minħabba f’hekk! Milli jidher Saraj kienet se tiġi stuprata. Iktar minn hekk, billi ma kienx jaf li Saraj fil-​fatt kienet miżżewġa, il-​Fargħun tah ħafna rigali lil Abram. Ir-​riżultat kien li Abram spiċċa biex ikollu “mrieħel u baqar, ħmir u qaddejja rġiel u nisa, u ħmir nisa u iġmla.”b (Ġenesi 12:​16) Min jaf kemm stmerrhom Abram dawn ir-​rigali! Iżda minkejja li s-​sitwazzjoni dehret tant ħażina, Jehovah ma kienx abbandunah lil Abram.

7 “Imma l-​Mulej darab lill-​Fargħun u ’l daru b’kastigi kbar minħabba Saraj, il-​mara taʼ Abram.” (Ġenesi 12:17) B’xi mod mhux magħruf, il-​kawża vera taʼ dawn il-​“kastigi” ġiet rivelata lill-​Fargħun. Dan mill-​ewwel ħa azzjoni: “Il-​Fargħun sejjaħ lil Abram u qallu: ‘X’inhu dan li għamiltli? Għala ma wrejtnix li din hi martek? Għala għedtli: “Din oħti” u jien ħadtha b’marti? Issa, mela, hawn hi martek, ħudha u itlaq.’ U l-​Fargħun ta l-​ordnijiet dwaru lil xi rġiel, u dawn qabbduh it-​triq, lilu u ’l martu, b’kull ma kellu.”​—Ġenesi 12:​18-​20; Salm 105:​14, 15.

8. Jehovah liema tip taʼ protezzjoni jwegħedhom lill-​Kristjani llum?

8 Illum, Jehovah ma jagħtiniex garanzija li se jipproteġina mill-​weġgħat li nġarrbu minħabba l-​mewt, il-​kriminalità, il-​ġuħ, jew xi diżastru naturali. Iżda għandna l-​wegħda li Jehovah hu dejjem lest li jipproteġina mill-​affarijiet li jistgħu jipperikolaw l-​ispiritwalità tagħna. (Salm 91:​1-4) Primarjament hu jagħmel dan billi jagħtina twissijiet f’waqthom permezz tal-​Kelma tiegħu u “l-​ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:​45, NW) Xi ngħidu għat-​theddida tal-​mewt fil-​persekuzzjoni? Filwaqt li Alla jistaʼ jippermetti li jmutu xi individwi, hu qatt m’huwa se jħalli lill-​poplu tiegħu jinqered għalkollox. (Salm 116:15) U jekk il-​mewt tieħu l-​ħajja taʼ xi wħud leali, nistgħu nkunu fiduċjużi li dawn se jiġu rxoxtati.—Ġwann 5:​28, 29.

Sagrifiċċji biex Tinżamm il-​Paċi

9. X’jindika li Abram ma ssetiljax f’Kangħan?

9 Meta deher ċar li l-​ġuħ f’Kangħan kien spiċċa, “Abram talaʼ mill-​Eġittu, hu u martu, b’kull ma kellu, u Lot miegħu lejn in-​Negeb [parti lejn in-​nofsinhar tal-​muntanji taʼ Ġuda fejn kienet tagħmel ftit xita]. U Abram stagħna ħafna b’imrieħel, fidda u deheb.” (Ġenesi 13:​1, 2) In-​nies tal-​post kienu se jarawh bħala raġel setgħan u influwenti, kap qawwi. (Ġenesi 23:6) Abram ma kellu l-​ebda xewqa li jissetilja hemm u jinvolvi ruħu fil-​politika tal-​Kangħanin. Minflok, “raġaʼ lura fuq triqtu min-​Negeb sa Betel, sal-​post fejn qabel kellu l-​għarix bejn Betel u Għaj.” Bħal dejjem, Abram ta prijorità lill-​qima taʼ Jehovah kulfejn mar.—Ġenesi 13:​3, 4.

10. Liema problema nqalgħet bejn ir-​rgħajja t’Abram u r-​rgħajja taʼ Lot, u għala kien importanti li din tissolva kemm jistaʼ jkun malajr?

10 “Lot ukoll, li kien ġie maʼ Abram, kellu mrieħel, baqar u għerejjex. U l-​art ma kinitx tiflaħ għalihom li jgħammru flimkien, għax ġidhom kien kbir u ma setgħux jgħammru flimkien. U kien hemm tilwima bejn ir-​rgħajja taʼ l-​imrieħel taʼ Abram u bejn ir-​rgħajja taʼ l-​imrieħel taʼ Lot. U l-​Kangħanin u l-​Periżżin kienu għadhom jgħammru [fl]-art.” (Ġenesi 13:​5-7) L-​art ma kinitx tipprovdi ilma u ħaxix biżżejjed biex issostni l-​imrieħel t’Abram kif ukoll dawk taʼ Lot. Dan qajjem ħafna ostilità u risentiment bejn ir-​rgħajja. Ma kienx xieraq li jkun hemm tilwim bħal dan fost l-​adoraturi taʼ dak Alla veru. Jekk dan il-​ġlied kien se jibqaʼ sejjer, setgħet tirriżulta firda permanenti. Allura Abram kif kien se jittrattaha din is-​sitwazzjoni? Hu kien adotta lil Lot wara li dan kien mietlu missieru. Saħansitra setaʼ rabbieh daqslikieku kien ibnu stess. Ladarba kien ixjeħ minn Lot, ma kellux id-​dritt Abram li jieħu l-​aħjar?

11, 12. Abram liema offerta ġeneruża għamillu lil Lot, u l-​għażla taʼ Lot għala ma kinitx għaqlija?

11 Imma “Abram qal lil Lot: ‘Ma għandux ikun hemm ġlied bejni u bejnek, u bejn ir-​rgħajja tiegħi u r-​rgħajja tiegħek, għax aħna aħwa. M’hix l-​art kollha quddiemek? Tbiegħed minni, nitolbok. Jekk tiġbed lejn ix-​xellug, jien immur lejn il-​lemin, u jekk tiġbed lejn il-​lemin, jien immur lejn ix-​xellug.’” Ħdejn Betel teżisti dik li ġiet imsejħa “waħda mill-​aqwa veduti tal-​Palestina.” Forsi minn hemmhekk “Lot rafaʼ għajnejh, u ra li l-​inħawi kollha madwar il-​Ġordan kien kollu rabaʼ saqwi – qabel ma l-​Mulej qered lil Sodoma u ’l Gomorra – bħall-​ġnien tal-​Mulej u bħall-​art taʼ l-​Eġittu sa ħdejn Sogħar.”—Ġenesi 13:​8-10.

12 Għalkemm il-​Bibbja tiddeskrivi lil Lot bħala “ġust,” għal xi raġuni dan ma ċedilux lil Abram f’din il-​kwistjoni, u milli jidher lanqas fittex li jieħu l-​parir tiegħu. (2 Pietru 2:7) “Lot għażel l-​inħawi kollha madwar il-​Ġordan u telaq lejn il-​lvant; u hekk tbiegħdu minn xulxin. Abram baqaʼ jgħammar fl-​art taʼ Kangħan u Lot beda jgħammar fl-​ibliet tal-​wied u waqqaf l-​għerejjex sa Sodoma.” (Ġenesi 13:​11, 12) Sodoma kienet belt sinjura u kienet toffri ħafna vantaġġi materjali. (Eżekjel 16:​49, 50) Filwaqt li l-​għażla taʼ Lot kienet tidher għaqlija materjalment, spiritwalment kienet fqira ħafna. Għala? Għax “in-​nies taʼ Sodoma kienu ħżiena u midinba ħafna quddiem il-​Mulej,” jgħid Ġenesi 13:13. Id-​deċiżjoni taʼ Lot li jmur hemmhekk, maż-​żmien ikkaġunat ħafna niket lill-​familja tiegħu.

13. L-​eżempju t’Abram kif huwa t’għajnuna għall-​Kristjani li forsi jsibu ruħhom f’xi argument finanzjarju?

13 Madankollu, Abram wera fidi fil-​wegħda taʼ Jehovah, li maż-​żmien l-​art kollha kienet se tkun taż-​żerriegħa tiegħu. Hu ma qagħadx iħaqqaqha fuq parti żgħira minn din l-​art. Kien ġeneruż u aġixxa fi qbil mal-​prinċipju li wara tniżżel fl-​1 Korintin 10:24: “Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor.” Din hi tfakkira tajba għal dawk li forsi jsibu ruħhom f’xi argument finanzjarju maʼ xi ħadd taʼ l-​istess twemmin. Minflok ma mxew fuq il-​parir li nsibu f’Mattew 18:​15-17, xi wħud tellgħu lil ħuthom il-​qorti. (1 Korintin 6:​1, 7) L-​eżempju t’Abram jurina li aħjar inbatu telf finanzjarju milli nġibu tmaqdir fuq l-​isem taʼ Jehovah jew nagħmlu l-​ħsara lill-​paċi tal-​kongregazzjoni Kristjana.—Ġakbu 3:18.

14. Abram kif kien se jitbierek għall-​ġenerożità tiegħu?

14 Abram kien se jitbierek għall-​ġenerożità tiegħu. Alla ddikjara: “Nagħmel lil nislek bħat-​trab taʼ l-​art. Jekk xi ħadd jistaʼ jgħodd it-​trab taʼ l-​art, lil nislek ukoll ikun jistaʼ jgħodd.” Min jaf kemm inkuraġġietu din ir-​rivelazzjoni lil Abram li kien għadu bla tfal! Imbagħad Alla kkmanda: “Qum u aqsam l-​art minn tulha u mill-​wisaʼ tagħha, għax lilek se nagħtiha.” (Ġenesi 13:​16, 17) Le, Abram ma kienx se jitħalla jissetilja fil-​kumdità taʼ xi belt. Kellu jibqaʼ separat mill-​Kangħanin. Bl-​istess mod, il-​Kristjani llum iridu jżommu separati mid-​dinja. Huma ma jqisux lilhom infushom superjuri għal oħrajn, imma ma jsirux midħla żżejjed taʼ wħud li jistgħu jħajruhom jinvolvu ruħhom f’xi kondotta mhix Skritturali.—1 Pietru 4:​3, 4.

15. (a) X’sinifikat setaʼ kellu l-​fatt li Abram qagħad jivvjaġġa? (b) X’eżempju tahom Abram lill-​familji Kristjani llum?

15 Fiż-​żminijiet Bibliċi, qabel ma xi ħadd kien jieħu l-​pussess taʼ xi art, hu kellu d-​dritt li jispezzjonaha. B’hekk, il-​fatt li qagħad jivvjaġġa ’l hawn u ’l hinn setaʼ serva bħala tfakkira kontinwa li xi darba din l-​art għad tkun taʼ nisel Abram. B’ubbidjenza “rafaʼ Abram l-​għarix u mar jgħammar ħdejn il-​balluta taʼ Mamri, li hemm f’Ħebron. U bena hemm artal lill-​Mulej.” (Ġenesi 13:18) Għal darb’oħra Abram wera x’importanza kbira kien jagħti lill-​qima. Tagħti l-​familja tiegħek importanza kbira lill-​istudju tal-​familja, it-​talb flimkien bħala familja, u l-​attendenza għal-​laqgħat?

L-​Għadu Jattakka

16. (a) Il-kliem tal-​ftuħ f’Ġenesi 14:1 għala għandu ton taʼ theddida? (b) X’kienet ir-​raġuni għall-​invażjoni taʼ l-​erbaʼ slaten mil-​lvant?

16 “Ġara li fi żmien Amrafel sultan taʼ Singħar, Arjok sultan taʼ Ellasar, Kedorlagħomer sultan taʼ Għelam,c u Tidgħal sultan taʼ Gojjim, dawn is-​slaten għamlu gwerra.” Bl-​Ebrajk oriġinali, il-​kliem tal-​ftuħ (“Ġara li fi żmien . . . ”) għandu ton taʼ theddida, li skond nota taʼ taħt fin-​New World Translation jindika “perijodu taʼ prova li jintemm f’barka.” (Ġenesi 14:​1, 2) Il-​prova bdiet hekk kif dawn l-​erbaʼ slaten mil-​lvant u l-​eżerċti tagħhom invadew lil Kangħan u għamluha ħerba. X’kien l-​objettiv tagħhom? Li jrażżnu l-​irvell tal-​ħamest ibliet taʼ Sodoma, Gomorra, Adma, Sebojim, u Bela. Waqt li xejnu kull reżistenza, huma “nġemgħu fil-​wied taʼ Siddim, li hu l-​Baħar il-​Mielaħ.” Lot u l-​familja tiegħu kienu jgħixu fil-​viċin.—Ġenesi 14:​3-7.

17. Il-​fatt li Lot ittieħed ilsir għala kien test tal-​fidi għal Abram?

17 Is-​slaten Kangħanin iġġieldu bl-​aħrax kontra l-​invażuri, imma sofrew telfa umiljanti. “U l-​għadu qabad il-​ġid kollu taʼ Sodoma u Gomorra u l-​ikel tagħhom kollu, u telqu. Huma u sejrin ħadu lil Lot ukoll, bin ħu Abram, b’ġidu kollu, għax hu kien joqgħod f’Sodoma.” L-​aħbar taʼ dawn il-​ġrajjiet taʼ niket kbir malajr waslet għand Abram: “Ġie wieħed mill-​maħrubin u ta l-​aħbar lil Abram, l-​Għebrew, li kien joqgħod ħdejn il-​ballut taʼ Mamri, l-​Amurri, ħu Eskol u ħu Għaner; għax dawn kienu mseħbin b’patt maʼ Abram. [U hekk] Abram semaʼ li ’l ħuh kienu ħaduh ilsir.” (Ġenesi 14:​8-14) X’test tal-​fidi kien dan! Kien Abram se joqgħod iżomm f’qalbu għal neputih għax dan kien ħa l-​aħjar parti taʼ l-​art? Ftakar, ukoll, li dawn l-​invażuri kienu ġejjin minn art twelidu, Singħar. Li jiġġieled kontrihom kien ifisser li jelimina kull ċans li qatt jerġaʼ jmur lura d-​dar. Barra minn hekk, x’setaʼ jagħmel Abram kontra l-​istess eżerċtu li lanqas il-​qawwiet armati kollha flimkien taʼ Kangħan ma kien irnexxielhom jagħmlu xejn miegħu?

18, 19. (a) Abram kif irnexxielu jeħles lil Lot? (b) Min ħa l-​kredtu għal din ir-​rebħa?

18 Mill-​ġdid, Abram poġġa l-​fiduċja sħiħa tiegħu f’Jehovah. “[Mill-ewwel] ħareġ bin-​nies imħarrġa tiegħu, nies imwielda f’daru, tliet mija u tmintax-il ruħ, u għamel għal warajhom sa Dan. Hemm qassam in-​nies tiegħu billejl, hu u l-​qaddejja tiegħu, u baqaʼ jiġri warajhom sa Ħoba, fuq it-​tramuntana taʼ Damasku, u ħa lura l-​ġid kollu; ġieb lura lil Lot, ħuh, u l-​ġid tiegħu, in-​nisa u n-​nies l-​oħra.” (Ġenesi 14:​14-​16) Minkejja li l-​ġemgħa tiegħu kienet ferm iżgħar, Abram, b’turija taʼ fidi soda f’Jehovah, mexxa lin-​nies tiegħu lejn ir-​rebħa, u ħeles lil Lot u lill-​familja tiegħu. Issa Abram iltaqaʼ maʼ Melkisedek, is-​sultan-qassis taʼ Salem. “Melkisedek, sultan taʼ Salem, li kien qassis taʼ El-għeljon, Alla l-​għoli, ħareġ bil-​ħobż u l-​inbid. U bierku u qallu: ‘Mbierek Abram minn El-għeljon, li għamel is-​sema u l-​art. U mbierek El-għeljon li reħa f’idek l-​għedewwa tiegħek.’ U Abram tah l-​għexur minn kollox.”—Ġenesi 14:​18-20.

19 Iva, ir-​rebħa kienet taʼ Jehovah. Minħabba l-​fidi tiegħu, Abram għal darb’oħra esperjenza l-​ħelsien taʼ Jehovah. In-​nies t’Alla llum ma jiħdux sehem fi gwerer letterali, imma jiffaċċjaw ħafna testijiet u sfidi. L-​artiklu li jmiss se jurina kif l-​eżempju t’Abram jistaʼ jgħinna niffaċċjawhom b’suċċess.

[Noti taʼ taħt]

a Skond l-​Insight on the Scriptures (pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah), “dokument antik tal-​papiru jgħid dwar ċertu Fargħun li inkariga lil irġiel armati biex jaħtfu lil mara sabiħa u joqtlu lil żewġha.” Mela l-​biżaʼ t’Abram ma kienx esaġerat.

b Ħagar, li wara saret il-​konkubina t’Abram, setgħet kienet fost il-​qaddejja li ngħataw lil Abram f’dan iż-​żmien.—Ġenesi 16:1.

c Xi darba l-​kritiċi kienu jsostnu li Għelam qatt ma kellha daqshekk influwenza f’Singħar u li r-​rakkont taʼ l-​attakk taʼ Kedorlagħomer huwa falz. Għal diskussjoni dwar kif l-​evidenza arkeoloġika tappoġġa r-​rakkont tal-​Bibbja, ara The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Lulju, 1989, paġni 4-7.

X’Innotajt?

• Il-ġuħ fl-​art taʼ Kangħan kif wera li kien prova tal-​fidi għal Abram?

• Abram u Saraj kif kienu t-​tnejn t’eżempju tajjeb għall-​irġiel u n-​nisa miżżewġin illum?

• X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Abram ittratta l-​argument li qam bejn il-​qaddejja tiegħu u dawk taʼ Lot?

[Stampa f’paġna 22]

Abram ma qagħadx iħaqqaqha għad-​drittijiet tiegħu imma poġġa l-​interessi taʼ Lot qabel tiegħu

[Stampa f’paġna 24]

Abram wera fiduċja f’Jehovah meta ġie biex jeħles lil neputih Lot

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja