Ikseb Qalb li Togħġob lil Jehovah
“Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.”—SALM 51:12 (51:10, NW).
1, 2. Għala għandha tinteressana qalbna?
KIEN m’ogħla hawn u kellu apparenza sabiħa. Malli rah, il-profeta Samwel tant baqaʼ impressjonat li ħaseb li kien dan il-wieħed, il-kbir minn ulied Ġesse, li ntgħażel minn Alla biex ikun sultan wara Sawl. Imma Jehovah iddikjara: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu [taʼ dan l-iben], jew it-tul taʼ persuntu, għax jien diġà warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.” L-għażla taʼ Jehovah kienet waqgħet fuq iż-żgħir taʼ Ġesse, David—“bniedem . . . għal qalbu.”—1 Samwel 13:14; 16:7.
2 Alla jistaʼ jaqra l-qalb tal-bniedem, bħalma wera biċ-ċar iktar tard: “Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb u ngħarbel il-ġewwieni, biex nagħti ’l kull wieħed skond imġibtu, skond ma jkun jistħoqq għemilu.” (Ġeremija 17:10) Iva, Jehovah ‘jifli l-qlub.’ (Proverbji 17:3, KŻ) Imma x’inhi l-qalb li jifli Jehovah? U x’nistgħu nagħmlu biex niksbu qalb li togħġbu?
“Il-Bniedem Moħbi fil-Qalb”
3 Il-kelma “qalb” tidher maʼ l-elf darba fl-Iskrittura Mqaddsa. Fil-biċċa l-kbira tal-każi tintuża f’sens figurattiv. Per eżempju, Jehovah qal lill-profeta Mosè: “Kellem lil ulied Iżrael, biex iġibuli offerta; int tirċievi din l-offerta mingħand kull min jagħti minn rajh [“qalbu,” KŻ].” U resqu dawk li għamlu l-offerti, “kull min ħass f’qalbu.” (Eżodu 25:2; 35:21) Jidher ċar li wieħed mill-aspetti tal-qalb figurattiva hu l-motivazzjoni—il-forza ġewwinija li tqanqalna biex naġixxu. Il-qalb figurattiva tagħna tirrifletti wkoll l-emozzjonijiet u s-sentimenti, ix-xewqat u l-affezzjonijiet tagħna. Il-qalb tistaʼ tittiekel bir-rabja jew timtela bil-biżaʼ, tinfena bin-niket jew titqanqal bil-ferħ. (Salm 27:3; 39:4 [39:3, NW]; Ġwann 16:22; Rumani 9:2) Tistaʼ tkun imkabbra jew umli, mimlija mħabba jew mibegħda.—Proverbji 16:5, Saydon; Mattew 11:29; 1 Pietru 1:22.
4 Fi qbil maʼ dan, il-“qalb” taʼ spiss tiġi assoċjata mal-motivazzjoni u l-emozzjonijiet, mentri l-“moħħ” jiġi assoċjat partikolarment maʼ l-intellett. Hekk għandhom jiġu mifhumin dawn it-termini meta fl-Iskrittura jidhru fl-istess kuntest. (Mattew 22:37; Filippin 4:7) Imma l-qalb u l-moħħ ma jeskludux lil xulxin. Per eżempju, Mosè ħeġġeġ lill-Iżraelin: “Kun af illum, u żommha f’moħħok [jew, “f’qalbek,” NW] li l-Mulej hu tassew Alla.” (Dewteronomju 4:39) Lill-iskribi li kienu qed jikkonfoffaw kontrih, Ġesù qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu ħażin f’qalbkom?” (Mattew 9:4) Il-fehma, l-għarfien, u r-raġunar jistgħu wkoll ikunu assoċjati mal-qalb. (1 Slaten 3:12, KŻ; Proverbji 15:14, NW; Mark 2:6) Għalhekk, il-qalb figurattiva tistaʼ tinkludi wkoll l-intellett—il-ħsibijiet jew il-fehma tagħna.
5 Skond xogħol taʼ referenza, il-qalb figurattiva tirrappreżenta “l-parti ċentrali in ġenerali, il-ġewwieni, u għalhekk il-bniedem minn ġewwa kif juri lilu nnifsu fl-attivitajiet kollha tiegħu, fix-xewqat, l-affezzjonijiet, l-emozzjonijiet, il-passjonijiet, l-iskopijiet tiegħu, il-ħsibijiet, l-osservazzjonijiet, l-immaġinazzjonijiet tiegħu, l-għerf, l-għarfien, is-sengħa tiegħu, it-twemmin tiegħu u r-raġunar tiegħu, il-memorja tiegħu u l-istat konxju tiegħu.” Tirrappreżenta dak li aħna tassew minn ġewwa, il-“bniedem moħbi fil-qalb.” (1 Pietru 3:4, Saydon) Dan hu dak li Jehovah jara u jifli. Għaldaqstant, David setaʼ jitlob: “Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.” (Salm 51:12 [51:10, NW]) Kif nistgħu niksbu qalb safja?
“Żommu f’Qalbkom” il-Kelma t’Alla
6 Meta kien qed iwissi lil ulied Iżrael, waqt li dawn kienu miġmugħin fuq il-Pjanuri taʼ Mowab qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda, Mosè qal: “Żommu f’qalbkom dan il-kliem kollu li jien illum qegħedt quddiemkom, biex twissu lil uliedkom li jqisu li jħarsu l-kliem kollu taʼ din il-liġi.” (Dewteronomju 32:46) L-Iżraelin kellhom “jagħtu kas sew.” (Knox) L-uniku mod li bih setgħu jnaqqxu l-kmandamenti t’Alla f’uliedhom kien billi jkunu familjari sew magħhom huma stess.—Dewteronomju 6:6-8.
7 Ħtieġa essenzjali sabiex niksbu qalb safja hi li nieħdu għarfien eżatt dwar ir-rieda t’Alla u l-iskopijiet tiegħu. Hemm sors wieħed biss għal dan l-għarfien, il-Kelma ispirata t’Alla. (2 Timotju 3:16, 17) Madankollu, li jkollna għarfien tal-moħħ biss m’huwiex se jgħinna biex niksbu qalb li togħġob lil Jehovah. Sabiex l-għarfien jeffettwa dak li aħna tassew minn ġewwa, irridu nżommu f’qalbna dak li qed nitgħallmu, jew ‘norbtu qalbna’ miegħu. (Dewteronomju 32:46, KŻ) Dan kif nagħmluh? Is-salmista David jispjega: “Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, naħseb [‘nimmedita,’ NW] f’kull ma int għamilt, għemil idejk dejjem fi ħsiebi.”—Salm 143:5.
8 Aħna wkoll għandna nimmeditaw b’apprezzament dwar l-attività taʼ Jehovah. Meta naqraw il-Bibbja jew pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, għandna bżonn nirriflettu fuq mistoqsijiet bħal: ‘Dan x’jgħallimni dwar Jehovah? Liema kwalitajiet taʼ Jehovah qed nara hawnhekk? Dan ir-rakkont x’jgħallimni dwar x’jogħġob u x’ma jogħġobx lil Jehovah? Xi jkunu l-konsegwenzi meta ngħixu b’mod li jogħġob lil Jehovah u meta ngħixu b’mod li hu jobgħod? Dan l-għarfien kif inhu relatat maʼ dak li diġà naf?’
9 Lisaa, li għandha tnejn u tletin sena, tispjega kif saret tapprezza l-valur taʼ studju u meditazzjoni siewja: “Wara li tgħammidt fl-1994 għamilt sentejn attiva mhux ħażin fil-verità. Kont nattendi l-laqgħat Kristjani kollha, inqattaʼ bejn 30 u 40 siegħa fix-xahar fil-ministeru taʼ l-għalqa, u nassoċja maʼ sħabi l-Kristjani. Imbagħad bdejt naqtaʼ ftit ftit. Tant mort lura li saħansitra ksirt il-liġi t’Alla. Imma ġejt f’tiegħi u ddeċidejt li nerġaʼ ngħix fi qbil mal-Bibbja. Kemm jien ferħana li Jehovah għaraf kemm kont niedma u aċċettani lura! Taʼ spiss ħsibt bejni u bejn ruħi: ‘Għala ċedejt?’ It-tweġiba li tibqaʼ tiġini f’moħħi hi li kont ittraskurajt l-istudju u l-meditazzjoni sinifikanti. Il-verità Biblika sempliċement ma kinitx messitli qalbi. Minn issa ’l quddiem, l-istudju persunali u l-meditazzjoni se jkunu dejjem parti importanti minn ħajti.” Kemm hu vitali li nħallu l-ħin għal riflessjoni siewja hekk kif nikbru fl-għarfien tagħna dwar Jehovah, Ibnu, u l-Kelma tiegħu!
10 F’din id-dinja mgħaġġla, m’huwiex faċli li ssib il-ħin għall-istudju u l-meditazzjoni. Madankollu, illum il-Kristjani qegħdin fuq l-għatba taʼ Art Imwiegħda meraviljuża—id-dinja l-ġdida t’Alla mimlija tjieba. (2 Pietru 3:13) Ġrajjiet li jkexkxuk, bħall-qerda taʼ “Babilonja l-Kbira” u l-attakk minn ‘Gog mill-art taʼ Magog’ fuq in-nies taʼ Jehovah, huma fil-qrib. (Apokalissi 17:1, 2, 5, 15-17; Eżekjel 38:1-4, 14-16; 39:2) Dak li qed jistenniena fil-futur jistaʼ jġagħalna nagħtu prova taʼ l-imħabba tagħna għal Jehovah. Huwa urġenti li nixtru l-ħin issa u nżommu f’qalbna l-Kelma t’Alla!—Efesin 5:15, 16.
‘Ħejji Qalbek’ Sabiex Taqra l-Kelma t’Alla
11 Il-qalb figurattiva tistaʼ titqabbel maʼ ħamrija li fiha tinżeraʼ ż-żerriegħa tal-verità. (Mattew 13:18-23) Il-ħamrija letterali normalment tiġi kultivata biex il-prodott jitlaʼ iżjed b’saħħtu. Bl-istess mod, il-qalb għandha titħejja, jew titlesta, biex b’hekk tkun tistaʼ tilqaʼ iktar il-Kelma t’Alla. Il-qassis Esdra kien “ħejja qalbu biex ifittex il-liġi tal-Mulej u jagħmilha.” (Esdra 7:10, Saydon) Aħna kif nistgħu nħejju qalbna?
12 Mod eċċellenti kif inħejju qalbna sabiex naqraw il-Kelma t’Alla hu li nitolbu minn qalbna. Il-laqgħat Kristjani taʼ l-adoraturi veri jibdew u jispiċċaw b’talba. Mela kemm hu xieraq li kull darba li nagħmlu studju persunali tal-Bibbja nibdew b’talba sinċiera u mbagħad inżommu attitudni devota matul l-istudju tagħna!
13 Il-qalb figurattiva trid titħejja biex twarrab xi opinjonijiet li setaʼ kellha qabel. Il-mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù ma kinux lesti li jagħmlu dan. (Mattew 13:15) Mill-banda l-oħra, Marija, omm Ġesù, waslet għal ċerti konklużjonijiet “f’qalbha” li kienu bbażati fuq il-veritajiet li kienet semgħet. (Luqa 2:19, 51) Hi saret dixxiplu leali taʼ Ġesù. Lidja taʼ Tijatira semgħet lil Pawlu, “u l-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem.” Hi wkoll saret temmen. (Atti 16:14, 15) Jalla qatt ma nżommu b’mod stinat xi idea persunali jew xi duttrina li kienet għal qalbna. Minflok, ejja nkunu lesti biex naraw kif “Alla hu sinċier u kull bniedem giddieb.”—Rumani 3:4.
14 Xi ħaġa importanti ħafna hi li nħejju qalbna biex tismaʼ fil-laqgħat Kristjani. Faċli naljenaw ruħna u nitilfu l-attenzjoni għal dak li jkun qed jingħad. Dak li jintqal ftit li xejn jistaʼ jħalli effett fuqna jekk ikun moħħna f’dak li ġara matul il-ġurnata jew jekk noqogħdu naħsbu x’se nagħmlu l-għada. Irridu nkunu determinati li nisimgħu u nitgħallmu jekk irridu nibbenefikaw minn dak li jkun qed jingħad. Kemm nistgħu nibbenefikaw jekk inkunu determinati li nifhmu l-iskritturi li jkunu qed jiġu spjegati fid-dettall u t-tifsira li qed tingħata dwarhom!—Neħemija 8:5-8, 12.
15 Sewwa sew bħalma l-ħamrija letterali tissaħħaħ jekk nagħtuha s-sustanzi xierqa, hekk ukoll il-fatt li nikkultivaw l-umiltà, ġuħ spiritwali, fiduċja, biżaʼ minn Alla, u mħabba għal Alla, jistaʼ jagħmel il-qalb figurattiva tagħna iktar b’saħħitha. L-umiltà trattab il-qalb, u dan jgħinna nkunu iktar lesti li nitgħallmu. Jehovah qal lil Ġosija, is-sultan taʼ Ġuda: “Billi trattbet qalbek u umiljajt ruħek quddiem il-Mulej meta smajt x’għedt . . . u bkejt quddiemi, jien ukoll smajtek.” (2 Slaten 22:19) Qalb Ġosija kienet umli u lesta li tismaʼ. Minħabba l-umiltà tagħhom, id-dixxipli taʼ Ġesù setgħu jifhmu u japplikaw il-veritajiet spiritwali minkejja li kienu “sempliċi u bla tagħlim,” u dan għall-kuntrarju taʼ dawk li naqsu li jagħmlu dan minkejja li kellhom “l-għerf u d-dehen.” (Atti 4:13; Luqa 10:21) Jalla “numiljaw ruħna quddiem Alla” hekk kif nipprovaw niksbu qalb li togħġob lil Jehovah.—Esdra 8:21.
16 Ġesù qal: “Henjin huma dawk konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW) Filwaqt li aħna mżejnin b’kapaċità għall-ispiritwalità, il-pressjonijiet minn din id-dinja mill-agħar jew il-vizzji bħall-għażż jistgħu ma jħalluniex nibqgħu konxji tal-bżonn spiritwali tagħna. (Mattew 4:4) Irridu niżviluppaw aptit bnin għall-ikel spiritwali. Anki jekk għall-ewwel ma niħdux pjaċir bil-qari tal-Bibbja u l-istudju persunali, jekk nippersistu, l-għarfien ‘isir l-għaxqa taʼ qalbna’ u nibdew inħarsu ’l quddiem għall-ħin taʼ l-istudju.—Proverbji 2:10, 11.
17 “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek,” wissa s-Sultan Salamun. (Proverbji 3:5) Qalb li tafda f’Jehovah taf li kulma jitlobha jew jiggwidaha biex tagħmel permezz tal-Kelma tiegħu hu dejjem tajjeb. (Isaija 48:17) Mingħajr ebda dubju, Jehovah jixraqlu l-fiduċja sħiħa tagħna. Hu kapaċi jwettaq l-iskopijiet kollha tiegħu. (Isaija 40:26, 29) Saħansitra ismu stess letteralment ifisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Dan isaħħilna l-fiduċja fl-abbiltà tiegħu li jwettaq dak kollu li wiegħed! “Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, twajjeb f’dak kollu li għamel.” (Salm 145:17) M’għandniex xi ngħidu, biex nikkultivaw il-fiduċja tagħna fih irridu ‘nipprovaw u naraw kemm hu tajjeb il-Mulej’ billi napplikaw dak li nitgħallmu mill-Bibbja fil-ħajja persunali tagħna u nirriflettu fuq il-benefiċċji li niksbu jekk nagħmlu dan.—Salm 34:9 (34:8, NW).
18 Salamun jiġbdilna l-attenzjoni lejn kwalità oħra li ġġiegħel lil qalbna tilqaʼ l-gwida divina, billi jistqarr: “Ibżaʼ mill-Mulej u warrab mill-ħażen.” (Proverbji 3:7) Jehovah qal hekk dwar Iżrael tal-qedem: “M’hux li kien ikollhom dan il-ħsieb [“qalb,” KŻ], li jibżgħu minni, u jħarsu kull ma nordnalhom għal ħajjithom kollha, u jkollhom ir-riżq, huma u wliedhom, għal dejjem.” (Dewteronomju 5:29) Iva, dawk li jibżgħu minn Alla jobduh. Jehovah għandu l-abbiltà li “jsaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu” u li jikkastiga lil dawk li ma jobduhx. (2 Kronaki 16:9) Jalla l-azzjonijiet, il-ħsibijiet, u l-emozzjonijiet kollha tagħna jiġu mmexxijin minn biżaʼ riverenzjali li ma nogħġbux lil Jehovah.
‘Ħobb lil Jehovah b’Qalbek Kollha’
19 L-imħabba, iktar mill-kwalitajiet l-oħrajn kollha, tassew iġġiegħel lil qalbna twieġeb għad-direzzjoni taʼ Jehovah. Qalb mimlija mħabba għal Alla tagħmilna ħerqanin biex nitgħallmu dwar x’jogħġbu u x’ma jogħġbux. (1 Ġwann 5:3) Ġesù qal: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Jalla l-imħabba tagħna għal Alla tikber billi nagħmluha drawwa li nirriflettu fuq it-tjubija tiegħu, billi nkellmuh regolarment bħal ħabib tal-qalb, u billi bil-ħeġġa kollha nitkellmu dwaru m’oħrajn.
20 Bħala reviżjoni: Sabiex niksbu qalb li togħġob lil Jehovah irridu nħallu l-Kelma t’Alla tinfluwenza dak li aħna minn ġewwa, il-bniedem moħbi fil-qalb. Studju persunali effettiv taʼ l-Iskrittura u meditazzjoni b’apprezzament huma neċessarji. L-aħjar mod kif nagħmlu dan hu b’qalb imħejjija—qalb ħielsa minn ideat li setaʼ kellha qabel, qalb mimlija kwalitajiet li jġagħluna nkunu lesti li nitgħallmu! Iva, bl-għajnuna taʼ Jehovah, nistgħu niksbu qalb li togħġbu. Madankollu, x’nistgħu nagħmlu biex inħarsuha?
[Noti taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhi l-qalb figurattiva li jifli Jehovah?
• Kif nistgħu ‘nżommu f’qalbna’ l-Kelma t’Alla?
• Kif għandna nħejju qalbna sabiex naqraw il-Kelma t’Alla?
• Wara li rajna dan il-materjal, xi tħossok imqanqal biex tagħmel?
3, 4. Il-kelma “qalb” f’liema sens tintuża l-iktar fil-Bibbja? Agħti eżempji.
5. X’tirrappreżenta l-qalb figurattiva?
6. Mosè liema twissija tahom lill-Iżraelin waqt li dawn kienu kkampjati fil-Pjanuri taʼ Mowab?
7. X’jinvolvi li ‘nżommu f’qalbna’ l-Kelma t’Alla?
8. Fuq liema mistoqsijiet tajjeb nirriflettu fl-istudju tagħna?
9. Kemm huma taʼ valur l-istudju persunali u l-meditazzjoni?
10. Għala huwa urġenti li nagħmlu l-ħin għall-istudju persunali u l-meditazzjoni?
11. Qalbna kif tistaʼ titqabbel mal-ħamrija?
12. X’se jgħinna nħejju qalbna għall-istudju?
13. Xi rridu nagħmlu biex niksbu qalb li togħġob lil Jehovah?
14. Kif nistgħu nħejju qalbna biex tismaʼ fil-laqgħat Kristjani?
15. L-umiltà kif tgħinna nkunu iktar lesti biex nitgħallmu?
16. Għala huwa meħtieġ sforz biex nikkultivaw aptit għall-ikel spiritwali?
17. (a) Jehovah għala jixraqlu l-fiduċja sħiħa tagħna? (b) Kif nistgħu nikkultivaw fiduċja f’Alla?
18. Il-biżaʼ minn Alla kif jgħinna nilqgħu iktar il-gwida t’Alla?
19. L-imħabba liema parti għandha f’li ġġiegħel lil qalbna twieġeb għad-direzzjoni taʼ Jehovah?
20. Kif nistgħu niksbu qalb li togħġob lil Jehovah?
[Stampa f’paġna 17]
David immedita b’apprezzament fuq l-affarijiet spiritwali. Hekk tagħmel int?
[Stampi f’paġna 18]
Ħejji qalbek qabel ma tistudja l-Kelma t’Alla