LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 1/1 pp. 23-28
  • Jehovah Ipprovda “Qawwa Iktar min-Normal”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Ipprovda “Qawwa Iktar min-Normal”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tifla Marradija b’Ħafna Mistoqsijiet
  • “Dan il-​Ktieb ir-​Rovina Tiegħek!”
  • Ħajja Ġdida
  • Ngħinu lil Ħutna fil-​Bżonn
  • Fi Vjaġġi Spiss, f’Perikli
  • Bil-​Qawwa taʼ Jehovah Għext Ħajja Sodisfaċenti
  • Kif Qtajt l-Għatx Spiritwali Tiegħi
    Stenbaħ!—2003
  • Fil-Lvant u fil-Punent, Jehovah Isaħħaħ lin-Nies Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Jehovah il-Blata Tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Għaddejt minn Provi Ħorox taʼ Sofferenza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 1/1 pp. 23-28

Bijografija

Jehovah Ipprovda “Qawwa Iktar min-​Normal”

KIF RAKKONTATA MINN HELEN MARKS

Kienet ġurnata sħuna u umduża fis-​sajf taʼ l-​1986. Kont l-​unika waħda li qed nistenna fid-​dwana f’wieħed mill-​iktar ajruporti kwieti taʼ l-​Ewropa. Dan kien f’Tirana, il-​belt kapitali taʼ l-​Albanija, li kienet iddikjarat lilha nfisha “l-​ewwel stat ateu fid-​dinja.”

BI MSARNI f’saqajja, ħarist lejn l-​uffiċjal armat li beda jfittex fil-​bagalja tiegħi. L-​iċken ħaġa li nagħmel jew ngħid u li tqajjimlu suspett setgħet tfisser tkeċċija mill-​pajjiż għalija u ħabs jew kamp taʼ xogħol iebes għan-​nies li kienu qed jistennewni barra. B’ferħ, irnexxieli ninkuraġġixxi lill-​uffiċjal biex ikun iktar dħuli billi offrejtlu ċ-​chewing gum u l-​gallettini. Imma jien, mara taʼ fuq is-​sittin sena, kif spiċċajt f’din is-​sitwazzjoni? Għala tlaqt ħajja komda u ssograjt nipprova navanza l-​interessi tas-​Saltna f’waħda mill-​aħħar fortizzi tas-​segwaċi taʼ Marx u Lenin?

Tifla Marradija b’Ħafna Mistoqsijiet

Sentejn wara li twelidt fl-​1920 f’Ierápetra, ġewwa Kreta, missieri miet bil-​pulmunite. Ommi kienet fqira u bla skola. Kont l-​iżgħar waħda minn erbaʼ aħwa, u peress li kelli s-​suffejra, kont sfajra u marradija. Il-​ġirien kienu qalu lil ommi li aħjar tiddedika l-​attenzjoni u l-​ftit flus li kellha għat-​tlett itfal tagħha li kienu iktar f’saħħithom u lili tħallini mmut. Jien grata ħafna li ma semgħetx minnhom.

Biex tkun ċerta li ruħ missieri kienet qed tistrieħ fis-​sema, ommi kienet iżżur iċ-​ċimiterju spiss, u normalment kienet titlob is-​servizzi taʼ qassis Ortodoss. Imma dawn is-​servizzi ma kinux jiġu b’xejn. Għadni niftakar darba fil-​Milied, ġurnata taʼ kesħa xxoqq l-​għadam meta hi kienet ġejja lura d-​dar miċ-​ċimiterju, u jien kont magħha, miexja maʼ ġenbha nkaxkar saqajja. Konna għadna kif tajna l-​aħħar ftit flus li kien baqgħalna lill-​qassis. Wara, ommi sajritilna ftit ħaxix, u marret waħedha f’kamra oħra, bl-​istonku vojt u b’ħaddejha mxarrbin bid-​dmugħ taʼ disperazzjoni. Xi ftit wara, jien għamilt il-​kuraġġ u mort għand il-​qassis biex nistaqsih għala missieri kien miet u għala l-​povra ommi kellha tagħti l-​flus lilu. Hu wieġeb imbarazzat minn taħt l-​ilsien: “Alla ħadu. Hekk hi l-​ħajja. Tikber u tinsa.”

Sibtha diffiċli biex inqabbel it-​tweġiba tiegħu mat-​talba tal-​Missierna, li kont tgħallimt l-​iskola. Għadni niftakar il-​kliem sabiħ mimli tifsir li tibda bih: “Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.” (Mattew 6:​9, 10) Jekk Alla ried li sseħħ ir-​rieda tiegħu fuq l-​art, għala kellna nbatu daqshekk?

Kont kważi sibt it-​tweġiba għal din il-​mistoqsija meta, fl-​1929, Emmanuel Lionoudakis, predikatur full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah, żar id-​dar tagħna.a Meta ommi staqsietu x’ried, Emmanuel ma kellimhiex iżda newlilha biljett tat-​testimonjanza. Tatni l-​biljett biex naqrah jien. Peress li kelli biss disaʼ snin, ma fhimt xejn. Ommi ħasbet li l-​predikatur li kien ġie jżurna kien mutu, u għalhekk qaltlu: “Miskin! Int ma titkellimx, u jien ma nafx naqra.” Imbagħad bil-​ħlewwa wrietu l-​bieb taʼ barra biex jitlaq.

Ftit tas-​snin wara, it-​tweġiba sibtha. Ħija, Emmanuel Paterakis, irċieva mingħand l-​istess ministru full-time l-​ktejjeb Where Are the Dead? (Fejn Qegħdin il-​Mejtin?), pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.b Meta qrajtu, tgħallimt li ma kienx Alla li ħa lil missieri, u b’hekk ġejt konsolata. Irrealizzajt li l-​mewt hija riżultat taʼ l-​imperfezzjoni umana u li missieri qed jistenna l-​irxoxt għal ħajja fuq l-​art magħmula ġenna.

“Dan il-​Ktieb ir-​Rovina Tiegħek!”

Il-​verità tal-​Bibbja fetħitilna għajnejna. Sibna Bibbja qadima li kienet taʼ missieri u bdejna nistudjawha, spiss bid-​dawl tax-​xemgħa quddiem il-​fuklar. Peress li kont l-​unika żagħżugħa minn dawk l-​inħawi li kont ħadt interess fil-​Bibbja, ma kontx niġi inkluża fl-​attivitajiet tal-​grupp żgħir lokali taʼ Xhieda. Għal xi żmien, kont nemmen sinċerament iżda b’mod żbaljat li din ir-​reliġjon kienet għall-​irġiel biss.

L-​entużjażmu li kellu ħija għall-​ippridkar kien sors taʼ inkuraġġiment għalija. Il-​pulizija ma damux ma bdew jitfgħu għajnejhom fuq il-​familja tagħna, u f’kull ħin bil-​lejl u bi nhar kienu jiġu jżuruna regolarment biex ifittxu lil Emmanuel u l-​letteratura. Niftakar sew meta ġie qassis biex jikkonvinċina nerġgħu lura lejn il-​knisja. Meta Emmanuel urieh mill-​Bibbja li l-​isem t’Alla hu Jehovah, il-​qassis ħataf il-​Bibbja, beda jxejjirha bl-​herra f’wiċċ ħija u jgħajjat, “Dan il-​ktieb ir-​rovina tiegħek!”

Fl-1940 meta Emmanuel irrifjuta li jaqdi fl-​armata, ġie arrestat u ntbagħat fuq il-​front Albaniż. Tlifna kull kuntatt miegħu u ħsibna li kien miet. Madankollu, sentejn wara, bla mistenni rċivejna ittra mingħandu mibgħuta mill-​ħabs. Kien għadu ħaj! Waħda mill-​iskritturi li semma f’din l-​ittra baqgħet imsammra f’moħħi sa llum: “(Inkwantu għal Jehovah) għajnejh jiġru fuq l-​art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-​sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Kemm kellna bżonnu dan l-​inkuraġġiment!

Mill-ħabs, Emmanuel setaʼ jgħid lil xi aħwa biex jiġu jżuruni. Immedjatament, sar il-​ftehim biex jinżammu laqgħat Kristjani sigrieti f’razzett barra l-​belt. Ma konniex nafu li kien hemm min kien għassa tagħna! Darba, il-​Ħadd, ġew għalina l-​pulizija armati. Rikkbuna fuq trakk bla tinda u għaddewna mit-​toroq tal-​belt. Għadni nismaʼ f’widnejja lin-​nies jgħajruna u jwaqqgħuna għaċ-​ċajt, imma Jehovah permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu tana paċi ġewwinija.

Ħaduna f’belt oħra, u tefgħuna f’ċelel mudlama u maħmuġin ferm. It-​tojlit fiċ-​ċella tiegħi kien barmil mingħajr għatu li kien jitbattal darba kull jum. Tawni sentenza taʼ tmien xhur ħabs għax ħasbu li kont l-​“għalliema” tal-​grupp. Madankollu, wieħed mill-​aħwa li kien fil-​ħabs magħna qabbad lill-​avukat tiegħu biex jieħu f’idejh il-​każ tagħna, u dan kien kapaċi jeħlisna.

Ħajja Ġdida

Meta Emmanuel inħeles mill-​ħabs, beda jżur lill-​kongregazzjonijiet f’Ateni bħala indokratur li jivvjaġġa. Jien mort noqgħod hemmhekk fl-​1947. Issa fl-​aħħar iltqajt maʼ grupp kbir ferm taʼ Xhieda—mhux irġiel biss imma nisa u anki tfal. Wara dak iż-​żmien kollu, f’Lulju taʼ l-​1947, stajt nissimbolizza d-​dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah permezz tal-​magħmudija taʼ l-​ilma. Spiss kont noħlom li nsir missjunarja u bdejt nattendi l-​iskola taʼ fil-​għaxija biex nitgħallem l-​Ingliż. Fl-​1950, sirt pijuniera. Ommi ġiet tgħix miegħi, u hi wkoll ħaddnet il-​verità tal-​Bibbja. Hi baqgħet waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah sakemm mietet 34 sena wara.

F’dik l-​istess sena, iltqajt maʼ John Marks (Markopoulos), raġel spiritwali, rispettat ħafna, mill-​Istati Uniti. John twieled fin-​nofsinhar taʼ l-​Albanija, u wara li emigra lejn l-​Istati Uniti, sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Fl-​1950 kien jinsab il-​Greċja biex jipprova jikseb visa għall-​Albanija, li sa dak iż-​żmien kienet pajjiż maqtugħ għalih taħt l-​iktar għamla stretta taʼ Komuniżmu. Għalkemm John kien ilu ma jara l-​familja tiegħu mill-​1936, ma tħalliex jidħol fl-​Albanija. Iż-​żelu kbir li kellu għas-​servizz taʼ Jehovah u l-​imħabba profonda tiegħu għall-​fratellanza ġibduni lejh. Dan wassal għaż-​żwieġ tagħna fit-​3 t’April, 1953. Imbagħad mort miegħu għal ħajja ġdida flimkien fi New Jersey, fl-​Istati Uniti.

Biex immantnu lilna nfusna waqt li nippridkaw full-time, jien u John kellna ħanut żgħir fix-​xatt taʼ New Jersey, u konna nippreparaw il-​kolazzjon għas-​sajjieda. Konna naħdmu biss matul ix-​xhur tas-​sajf, mis-​sebħ sad-​disgħa taʼ fil-​għodu. Peress li żammejna ħajjitna sempliċi u tajna l-​ewwel post lill-​attivitajiet spiritwali, aħna stajna nqattgħu l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tagħna fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Matul is-​snin, talbuna mmorru noqogħdu f’diversi bliet fejn kien hemm ħtieġa kbira għal predikaturi. Hemmhekk, bl-​għajnuna taʼ Jehovah, għenna lil nies li wrew interess, stabbilejna kongregazzjonijiet, u tajna daqqa t’id fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna.

Ngħinu lil Ħutna fil-​Bżonn

Madankollu, wara ftit sibna quddiemna prospett eċċitanti. Aħwa responsabbli riedu jikkomunikaw maʼ Kristjani sħabna li kienu jgħixu fil-​pajjiżi Balkani, fejn l-​attivitajiet tagħna kienu projbiti. Għal bosta snin ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’dawn il-​pajjiżi kienu iżolati mill-​fratellanza internazzjonali. Minbarra li kienu neqsin mill-​ikel spiritwali, huma kellhom jiffaċċjaw oppożizzjoni kiefra. Ħafna minnhom kienu taħt osservazzjoni kontinwa, u bosta ntbagħtu l-​ħabs jew f’kampijiet taʼ xogħol iebes. Kellhom bżonn urġenti taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja, taʼ direzzjoni u inkuraġġiment. Per eżempju, messaġġ sigriet li rċivejna mill-​Albanija kien jgħid: “Itolbu lill-​Mulej għalina. Ħtif taʼ letteratura minn dar għal dar. Ma jħalluniex nistudjaw. Tlett irġiel mitfugħa l-​ħabs.”

B’hekk, f’Novembru taʼ l-​1960 bdejna vjaġġ taʼ sitt xhur biex inżuru xi ftit minn dawn il-​pajjiżi. Kien evidenti li kien se jkollna bżonn “qawwa iktar min-​normal,” doni mingħand Alla taʼ kuraġġ, qlubija, u attenzjoni kbira biex inwettqu l-​missjoni tagħna. (2 Korintin 4:​7, NW) L-​ewwel destinazzjoni tagħna kienet l-​Albanija. Xtrajna karozza minn Pariġi u rħejnielha għal għonq it-​triq. Wara li wasalna Ruma, John biss setaʼ jikseb visa biex jidħol fl-​Albanija. Għalhekk, jien kelli nibqaʼ sejra Ateni, il-​Greċja, u nistennieh hemmhekk.

John daħal fl-​Albanija lejn l-​aħħar taʼ Frar taʼ l-​1961 u baqaʼ hemmhekk sa l-​aħħar taʼ Marzu. F’Tirana ltaqaʼ personalment maʼ 30 aħwa. Kemm kienu ferħanin li kienu se jirċievu letteratura tant meħtieġa u inkuraġġiment! Kien ilhom ma jirċievu żjara minn barra għal iktar minn 24 sena.

John ħassu mqanqal bl-​integrità u s-​sabar taʼ dawk l-​aħwa. Sar jaf li ħafna tilfu l-​impjieg u ġew mitfugħin il-​ħabs talli ma ħadux sehem fl-​attivitajiet taʼ l-​istat Komunist. Meta tnejn mill-​aħwa li kellhom iktar minn 80 sena tawh donazzjoni taʼ madwar Lm40 għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar hu ħassu verament kommoss. Kien ilhom iġemmgħu għal snin sħaħ mill-​pensjoni miżera li kienu jieħdu mill-​istat.

L-aħħar jum li John għamel fl-​Albanija kien it-​30 taʼ Marzu, 1961—id-​data tal-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù. John għamel it-​taħdita tal-​Mafkar lil udjenza taʼ 37 ruħ. Fit-​tmiem tat-​taħdita, l-​aħwa ħarġu malajr lil John mill-​bieb taʼ wara u ħaduh fil-​port taʼ Durrës, minn fejn rikeb vapur tal-​merkanzija Tork li kien sejjer Piraiévs (Piraeus), il-​Greċja.

Fraħt ħafna meta erġajt rajtu ħdejja qawwi u sħiħ. Issa stajna nkomplu fuq il-​vjaġġ perikoluż tagħna. Il-​mawra tagħna ħaditna fi tliet pajjiżi Balkani oħra fejn ix-​xogħol tagħna kien projbit—dan kien sogru kbir, peress li konna qed inġorru letteratura tal-​Bibbja, typewriters, u provvisti oħra. Kellna l-​privileġġ niltaqgħu m’aħwa rġiel u nisa li kienu verament leali u li kienu lesti jissograw l-​impjieg, il-​libertà, u saħansitra ħajjithom stess għal Jehovah. Iż-​żelu u l-​imħabba ġenwina tagħhom kienu sors taʼ inkuraġġiment kbir għalina. Bqajna impressjonati wkoll kif Jehovah jipprovdi “l-​qawwa iktar min-​normal.”

Wara li temmejna l-​vjaġġ tagħna b’suċċess, erġajna lura lejn l-​Istati Uniti. Fis-​snin taʼ wara, bqajna nużaw diversi mezzi biex nipprovaw nibagħtu l-​letteratura fl-​Albanija u biex nirċievu r-​rapporti dwar l-​attivitajiet taʼ ħutna.

Fi Vjaġġi Spiss, f’Perikli

Gerbu s-​snin, u fl-​1981 John miet fl-​età taʼ 76 sena. B’hekk, spiċċajt waħdi. In-​neputija tiegħi, Evangelia, u żewġha, George Orphanides, b’imħabba ħaduni noqgħod magħhom, u baqgħu jipprovduli appoġġ prattiku u emozzjonali prezzjuż sa llum. Huma nfushom kienu raw b’għajnejhom l-​appoġġ taʼ Jehovah waqt li qdew taħt projbizzjoni fis-​Sudan.c

Maż-​żmien, kellu jsir attentat ieħor biex nagħmlu kuntatt maʼ l-​aħwa fl-​Albanija. Peress li l-​qraba taʼ żewġi kienu joqogħdu hemmhekk, ġejt mitluba jekk iniex lesta li nagħmel il-​vjaġġ f’dak il-​pajjiż. Dażgur li kont lesta!

Wara xhur taʼ sforzi persistenti, f’Mejju taʼ l-​1986, irnexxieli nikseb visa mill-​ambaxxata Albaniża f’Ateni. Membri diplomatiċi wissewni bl-​herra li jekk jinqalaʼ xi ħaġa, ma stajtx nistenna għajnuna minn pajjiżi oħrajn. Meta avviċinajt aġent taʼ l-​ivvjaġġar biex nixtri l-​biljetti taʼ l-​ajru għall-​Albanija, hu baqaʼ b’ħalqu miftuħ. Ma ħallejtx il-​biżaʼ jżommni lura u malajr sibt ruħi fuq l-​uniku ajruplan li darba f’ġimgħa kien jitlaq minn Ateni għal Tirana. Kien fih biss tliet Albaniżi xjuħ akka li kienu marru l-​Greċja għal raġunijiet mediċi.

Malli niżel l-​ajruplan daħħluni f’kamra vojta li kienet isservi bħala uffiċċju tad-​dwana. Ħut ir-​raġel, għalkemm ma kinux Xhieda taʼ Jehovah, kienu lesti li jgħinuni nagħmel kuntatt mal-​ftit aħwa lokali. Bil-​liġi, huma riedu jinformaw il-​kap tal-​komunità dwar il-​wasla tiegħi. Minħabba f’hekk, kont mgħassa mill-​qrib mill-​pulizija. Għalhekk, qrabati ssuġġerew li jien nibqaʼ d-​dar tagħhom waqt li huma jmorru jfittxu tnejn mill-​aħwa li kienu jgħixu f’Tirana u jġibuhom hemmhekk.

Dak iż-​żmien kien magħruf li kien hemm disaʼ aħwa dedikati fl-​Albanija kollha. Snin taʼ projbizzjoni, persekuzzjoni, u għassa stretta kienu ġagħluhom joqogħdu attenti ħafna. Wiċċhom kien mimli tikmix. Wara li rbaħt il-​fiduċja taż-​żewġ aħwa, l-​ewwel mistoqsija tagħhom kienet: “Fejn huma It-​Torri taʼ l-​Għassa?” Għal snin sħaħ kellhom biss żewġ kopji taʼ kotba antiki—lanqas biss Bibbja waħda.

Tkellmu fit-​tul dwar il-​miżuri ħorox li r-​reġim kien ħa kontrihom. Semmew il-​każ taʼ ħu għażiż li kien determinat li jibqaʼ newtrali politikament f’votazzjoni li kienet riesqa. Peress li l-​Istat kien jikkontrolla kollox, dan kien ifisser li l-​familja tiegħu ma kinitx se tirċievi razzjon taʼ ikel. Uliedu li kienu miżżewġin u l-​familji tagħhom kienu kollha se jintbagħtu l-​ħabs, għalkemm ma kellhomx x’jaqsmu mat-​twemmin reliġjuż tiegħu. Ġie rapportat li membri tal-​familja taʼ dan il-​ħu, minħabba l-​biżaʼ, qatluh fil-​lejl taʼ qabel il-​votazzjoni, tefgħu ġismu f’bir, u iktar tard qalu li kien beżaʼ u qatel lilu nnifsu.

Il-faqar taʼ dawn il-​Kristjani sħabna qasamli qalbi. Iżda, meta pprovajt nagħtihom Lm8 kull wieħed, ma ridux, u qaluli, “Aħna ikel spiritwali biss irridu.” Dawn l-​aħwa għeżież kienu għexu għal għaxriet taʼ snin taħt reġim totalitarjan li kien irnexxielu jikkonvinċi lill-​maġġuranza tan-​nies sabiex isiru atei. Imma l-​fidi u d-​determinazzjoni tagħhom kienu qawwijin daqs dawk taʼ Xhieda fi bnadi oħra. L-​abbiltà taʼ Jehovah li jipprovdi “qawwa iktar min-​normal,” saħansitra fl-​iktar ċirkustanzi diffiċli, kienet ħalliet impressjoni qawwija fuqi saż-​żmien li ġejt biex nitlaq mill-​Albanija ħmistax wara.

Kelli wkoll il-​privileġġ li nżur l-​Albanija fl-​1989 u mill-​ġdid fl-​1991. Maż-​żmien il-​libertà tal-​kelma u tar-​reliġjon bdew jiffjorixxu bil-​mod il-​mod f’dan il-​pajjiż, u l-​għadd t’adoraturi taʼ Jehovah żdied b’ħeffa kbira. Il-​ftit Kristjani dedikati li kien hemm fl-​1986 issa żdiedu għal iktar minn 2,200 pubblikatur attiv. Fosthom kien hemm Melpo, oħt ir-​raġel tiegħi. Setaʼ kien hemm xi dubju li l-​barka taʼ Jehovah kienet fuq dak il-​grupp leali?

Bil-​Qawwa taʼ Jehovah Għext Ħajja Sodisfaċenti

Meta nħares lura, għandi fiduċja kbira li l-​ħidma tagħna—tiegħi u taʼ John—ma kinitx għal xejn. Użajna saħħitna u żgħożitna fl-​iktar ħaġa taʼ benefiċċju. Il-​karriera tagħna fil-​ministeru full-time kienet iktar sinifikanti minn kwalunkwe karriera oħra li stajna qbadna. Nithenna bil-​ħafna wħud għeżież li aħna stajna ngħinu jitgħallmu l-​verità tal-​Bibbja. Issa li jien avanzata fl-​età, nistaʼ b’qalbi kollha ninkuraġġixxi liż-​żgħażagħ biex ‘jiftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħhom f’jiem żgħożithom.’—Koħèlet 12:1.

Minkejja li għandi 81 sena għadni nistaʼ naqdi bħala pubblikatriċi full-time taʼ l-​aħbar tajba. Inqum kmieni fil-​għodu u nagħti xiehda lin-​nies li jkunu qed jistennew il-​karozza tal-​linja, jew li jkunu fil-​parking tal-​karozzi, fit-​toroq, fil-​ħwienet, jew fil-​ġonna. Il-​problemi tax-​xjuħija issa qed jagħmluli l-​ħajja diffiċli, imma ħuti spiritwali li tant iħobbuni—il-​familja spiritwali kbira tiegħi—kif ukoll il-​familja tan-​neputija tiegħi, kienu u għadhom t’appoġġ kbir għalija. Fuq kollox, tgħallimt li “l-​qawwa iktar min-​normal [hija] t’Alla u mhix dik minna nfusna.”—2 Korintin 4:​7, NW.

[Noti taʼ taħt]

a Għall-bijografija taʼ Emmanuel Lionoudakis, ara It-​Torri taʼ l-​Għassa, taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1999, paġni 25-9.

b Għall-bijografija taʼ Emmanuel Paterakis, ara The Watchtower, taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1996, paġni 22-7.

c Ara n-​1992 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 91-2, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 25]

Fuq: John (l-aħħar wieħed fuq ix-​xellug), jien (fin-nofs), maʼ ħija Emmanuel fuq ix-​xellug tiegħi u ommi fuq ix-​xellug tiegħu, maʼ grupp taʼ Beteliti, f’Ateni, 1950

[Stampa f’paġna 25]

Xellug: Maʼ John fil-​ħanut tagħna fix-​xatt taʼ New Jersey, 1956

[Stampa f’paġna 26]

Konvenzjoni distrettwali f’Tirana, l-​Albanija, 1995

[Stampa f’paġna 26]

Il-​bini taʼ Betel, f’Tirana, l-​Albanija. Dan tlesta fl-​1996

[Stampa f’paġna 26]

Fuq: artiklu mit-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1940 tradott bil-​moħbi bl-​Albaniż

[Stampa f’paġna 26]

Man-​neputija tiegħi Evangelia Orphanides (lemin), u żewġha, George

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja