LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 2/1 pp. 4-7
  • L-Indafa—Xi Tfisser Tassew?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Indafa—Xi Tfisser Tassew?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħarsa t’Alla Lejn l-​Indafa
  • Erbaʼ Aspetti taʼ l-​Indafa
  • Inżommu Ħarsa Bilanċjata
  • Kemm Hi Importanti l-Indafa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Alla Jħobb Nies Nodfa
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • L-Indafa—Għala Hija Importanti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ġeħova jħobb nies nodfa
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2019
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 2/1 pp. 4-7

L-​Indafa—Xi Tfisser Tassew?

FIS-​SEKLI 18 u 19, il-​kundizzjonijiet fl-​Ewropa u fl-​Istati Uniti tant kienu neqsin mill-​iġjene li kienu jixxokkjawk. Għalhekk, il-​missjunarji taʼ dak iż-​żmien xandru dik li tistaʼ tissejjaħ id-​“domma taʼ l-​indafa.” Din id-​domma qieset il-​ħmieġ fl-​istess livell mad-​dnub, filwaqt li ntqal li l-​indafa kienet tressaq lil dak li jkun eqreb lejn Alla. Forsi kien dan ir-​raġunar li bih saret popolari l-​espressjoni ‘L-​indafa oħt id-​devozzjoni.’

Din il-​ħarsa ġiet adottata mis-​Salvation Army, stabbilita minn William u Catherine Booth. Skond ma jgħid il-​ktieb Health and Medicine in the Evangelical Tradition, waħda mill-​frażijiet l-​iktar bikrin li kienu jħobbu jgħidu kienet: “Sapuna, Soppa, u Salvazzjoni.” Imbagħad, meta Louis Pasteur u oħrajn ma ħallew ebda dubju dwar kemm il-​batterji u l-​mard huma konnessi maʼ xulxin, ngħatat spinta ’l quddiem lil proġetti aħjar tas-​saħħa pubblika fuq bażi xjentifika.

Xi ftit mill-​miżuri li ttieħdu fil-​pront kienu li meta wieħed jixhed ġo qorti, ma jkollux għalfejn ibus il-​Bibbja, u li titneħħa t-​tazza li kien jixrob minnha kulħadd fl-​iskejjel u fl-​istazzjonijiet tal-​ferrovija. Ukoll, saru sforzi biex jitneħħa l-​kalċi li kien jixrob minnu kulħadd f’servizzi reliġjużi u minfloku jibdew jintużaw tazzi individwali. Veru, dawn il-​pijunieri bikrin jidher li kellhom suċċess konsiderevoli f’li jtejbu l-​ħarsa tan-​nies lejn l-​indafa. Tant hu minnu dan, li kittieb wieħed iddeskriva r-​riżultat li kellhom bħallikieku kien xi “storja taʼ mħabba maʼ l-​indafa.”

Però, milli jidher, din l-​“istorja taʼ mħabba maʼ l-​indafa” kienet superfiċjali biss. M’għaddiex ħafna żmien qabel ma negozjanti kollhom ħeġġa bidlu s-​sapuna komuni maʼ prodott tas-​sbuħija. Reklami maħsubin tajjeb ġagħlu lin-​nies jaħsbu li billi jużaw ċerti prodotti taʼ ndafa persunali setgħu jilħqu pożizzjoni aħjar fis-​soċjetà, pożizzjoni li oħrajn setgħu biss jixxennqu għaliha. It-​televixin ukoll ixerred din l-​illużjoni. Nies taʼ suċċess li jsaħħruk bis-​sbuħija tagħhom u li jintużaw f’reklami u f’telenovelli kważi qatt ma tarahom inaddfu d-​dar, jikinsu xi bitħa, jiġbru ż-​żibel, jew ineħħu l-​ħmieġ tal-​klieb jew qtates tagħhom.

Hemm ukoll dawk li jirraġunaw li jekk imorru jaħdmu jkunu jistgħu jaqilgħu lira biex iħallsu l-​kontijiet, filwaqt li t-​tindif u x-​xogħol tad-​dar ma jġibx qligħ. U ladarba m’hemmx ħlas talli jieħdu ħsieb l-​ambjent taʼ madwarhom, għalfejn għandhom iħabblu rashom għalih? B’riżultat taʼ dan, illum xi nies jaħsbu li għandhom jagħtu kas biss taʼ l-​indafa fejn tidħol l-​iġjene persunali.

Il-​Ħarsa t’Alla Lejn l-​Indafa

M’hemmx dubju li dawk l-​isforzi bikrin biex tiġi mgħallma l-​indafa għenu ħafna biex itejbu l-​kundizzjoni taʼ kif jgħixu n-​nies. U bix-​xieraq, għax l-​indafa hi kwalità li tappartjeni lil dak Alla qaddis u nadif, Jehovah, u toriġina minnu. Hu jgħallimna għall-​ġid tagħna billi nsiru nodfa u qaddisa fl-​imġiba kollha tagħna.—Isaija 48:17; 1 Pietru 1:15.

Alla Jehovah iservi taʼ eżempju f’dan l-​aspett. L-​indafa, bħall-​kwalitajiet inviżibbli l-​oħrajn tiegħu, tidher fil-​ħolqien viżibbli tiegħu. (Rumani 1:20) Nistgħu ninnotaw li l-​ħolqien innifsu qatt ma joħloq tinġis permanenti minnu nnifsu. L-​art, bil-​ħafna ċikli ekoloġiċi tagħha, hija meravilja li tnaddaf lilha nfisha u hi disinjata għal għajxien nadif u mimli saħħa. Xogħol nadif bħal dan jistaʼ jiġi biss minn Disinjatur li jgħożż l-​indafa. Għalhekk, minn dan nistgħu nikkonkludu li dawk li jqimu lil Alla jridu jkunu nodfa fl-​aspetti kollha taʼ ħajjithom.

Erbaʼ Aspetti taʼ l-​Indafa

Il-​Bibbja turina erbaʼ aspetti taʼ l-​indafa li l-​adoraturi t’Alla għandhom jistinkaw biex ikollhom. Ejja nikkunsidraw kull waħda minnhom.

Spiritwali. Din tistaʼ titqies bħala t-​tip taʼ ndafa l-​iktar importanti, għaliex għandha x’taqsam mal-​prospetti taʼ persuna għall-​ħajja eterna. Madankollu, ħafna drabi, dan huwa l-​iktar aspett taʼ l-​indafa li jiġi injorat. Bażikament, li tkun nadif spiritwalment ifisser li qatt ma taqbeż il-​linja li Jehovah poġġa bejn il-​qima vera u dik falza, għax Alla jħares lejn kull tip taʼ qima falza bħala li mhix nadifa. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minnhom, jgħid il-​Mulej; la tmissux l-​imniġġes, u jien nilqagħkom.” (2 Korintin 6:17) Id-​dixxiplu Ġakbu wkoll huwa speċifiku ħafna f’dan ir-​rigward: “Quddiem Alla u Missierna t-​tjieba safja u bla tebgħa hija din: . . . iżżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-​dinja.”—Ġakbu 1:27.

Alla wera biċ-​ċar kemm ma japprovax li qima falza titħallat mal-​qima pura tiegħu. Il-​qima falza ħafna drabi tinkludi prattiċi mhux nodfa kif ukoll idoli u allat taʼ stmerrija. (Ġeremija 32:35) Għalhekk, il-​Kristjani veri huma mħeġġin biex jaqtgħu kull rabta maʼ qima li mhix nadifa.—1 Korintin 10:​20, 21; Apokalissi 18:4.

Morali. Hawnhekk, ukoll, Alla juri biċ-​ċar id-​differenza bejn dak li hu nadif u dak li mhux nadif. Illum, id-​dinja in ġenerali saret kif ġiet deskritta f’Efesin 4:​17-19: “Il-​fehma tagħhom hi mdallma, maqtugħa mill-​ħajja taʼ Alla . . . Huma tilfu kull sentiment u ntelqu għal ħajja bla rażan, għal kull xorta taʼ żína [“nuqqas taʼ ndafa,” NW] bla xabaʼ.” Ħsibijiet immorali bħal dawn jistgħu jintwerew b’diversi modi, fil-​beraħ jew b’mod sottili, u għalhekk il-​Kristjani jridu joqogħdu għassa.

Dawk li jħobbu lil Alla jafu li l-​prostituzzjoni, l-​omosesswalità, is-​sess qabel iż-​żwieġ, u l-​pornografija huma ksur tal-​livelli li għandu Jehovah dwar l-​indafa morali. Madankollu, dawn il-​prattiċi huma tassew komuni fid-​dinja tal-​moda u d-​divertiment. Għalhekk, il-​Kristjani jridu joqogħdu għassa kontra modi bħal dawn. Jekk għal-​laqgħat Kristjani jew soċjali jintlibsu ħwejjeġ qosra ħafna jew trasparenti żżejjed, tinġibed attenzjoni żejda lejn il-​persuna fiżika u dan juri nuqqas taʼ safa. Barra li jistaʼ jnibbet ħsibijiet tad-​dinja fi sħubija Kristjana, ilbies bħal dan għandu l-​potenzjal li joħloq ħsibijiet mhux nodfa anki f’nies oħrajn. Dan huwa aspett fejn il-​Kristjani jridu jaħdmu iebes biex juru “l-​għerf li ġej mis-​sema.”—Ġakbu 3:17.

Mentali. L-​irkejjen moħbijin taʼ moħħna m’għandhomx ikunu maħżen taʼ ħsibijiet mhux nodfa. Ġesù wissiena kontra ħsibijiet mhux nodfa meta qal: “Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Bl-​istess mod, dan il-​kliem japplika wkoll għal stampi u films pornografiċi, għal qari taʼ rakkonti fuq attivitajiet sesswali moqżieża, u għal diski li jkollhom kliem li hu suġġestiv. B’hekk, il-​Kristjani jridu joqogħdu attenti li ma jitħammġux bi ħsibijiet taʼ pjaċir mhux nodfa, għax dawn jistgħu jkebbsu kliem u azzjonijiet mhux nodfa jew mhux qaddisa.—Mattew 12:34; 15:18.

Fiżika. Il-​qdusija u l-​indafa fiżika jmorru id f’id fil-​Bibbja. Per eżempju, Pawlu kiteb: “Għeżież tiegħi, ħa nitnaddfu minn kull tidnis [jew, tniġġis] tal-​ġisem u tar-​ruħ, u ntemmu l-​qdusija tagħna fil-​biżaʼ taʼ Alla.” (2 Korintin 7:1) Għalhekk, il-​Kristjani veri jridu jistinkaw biex iżommu ġisimhom, darhom, u fejn ikunu, indaf u puliti kemm jistaʼ jkun. Anki fejn m’hemmx biżżejjed ilma biex jaħslu bih jew biex jinħaslu huma, il-​Kristjani jridu jagħmlu l-​aħjar li jistgħu biex jibqgħu nodfa u preżentabbli.

Indafa fiżika teskludi wkoll kull forma taʼ użu tat-​tabakk, xorb żejjed t’alkoħol, u kull tip t’abbuż mid-​droga, li jħammġu u jagħmlu ħsara lill-​ġisem. Ir-​ragħaj li ġie deskritt fl-​Għanja taʼ l-​Għanjiet għoġbitu ħafna r-​riħa tfuħ li kellha f’ilbiesha t-​tfajla Xulammita. (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 4:11) Hija xi ħaġa verament taʼ mħabba li nieħdu ħsieb l-​iġjene persunali tagħna, la aħna żgur li ma rridux lil taʼ madwarna jxommu rwejjaħ li xejn m’huma pjaċevoli. Il-​fwejjaħ jistgħu jpaxxuna bir-​riħa tagħhom, imma żgur li ma jiħdux post il-​ħasil regulari u l-​ħwejjeġ nodfa.

Inżommu Ħarsa Bilanċjata

In-​nies jistgħu jmorru fl-​estremi fejn tidħol l-​indafa fiżika. Fuq naħa waħda, li nsiru fanatiċi fuq l-​indafa jistaʼ jneħħilna l-​gost kollu. Fuq kollox dan jistaʼ jokkupalna ħafna ħin prezzjuż. Min-​naħa l-​oħra, djar maħmuġin u traskurati jistgħu jqumu ħafna flus biex issirilhom manutenzjoni. Bejn dawn iż-​żewġ estremi hemm ħarsa prattika u sensibbli dwar kif inżommu darna nadifa u preżentabbli.

Żomm kollox sempliċi. Djar jew kmamar ingombrati jkunu diffiċli biex tnaddafhom, u mhux faċli li ssib il-​ħmieġ qalb konġestjoni bħal din. Djar sempliċi, li ma jkunux ingombrati jiħdulek inqas ħin biex tnaddafhom. Stil taʼ ħajja sempliċi huwa rikkmandat ferm fil-​Bibbja: “Sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.”—1 Timotju 6:8.

Żomm kollox fl-​ordni. Dar nadifa hi r-​responsabbiltà taʼ kull min joqgħod fiha. Djar traskurati spiss jibdew minn kmamar traskurati. L-​ordni jfisser li kollox ikun f’postu. Per eżempju, il-​post fejn jitpoġġew il-​ħwejjeġ maħmuġin m’għandux ikun maʼ l-​art fil-​kamra tas-​sodda. Iktar serju minn hekk, ġugarelli u għodda li jitħallew jiġru maʼ l-​art jistgħu jkunu taʼ periklu. Ħafna mill-​inċidenti fid-​dar huma ħtija taʼ traskuraġni.

Għalhekk, jidher ċar li l-​indafa u l-​mod taʼ kif jgħix Kristjan imorru id f’id. Il-​profeta Isaija jitkellem dwar “It-​Triq il-​Qaddisa” biex jurina mod taʼ ħajja li jogħġob lil Alla. Hu jżid il-​ħsieb għaqli li “ħadd imniġġes ma jgħaddi minnha.” (Isaija 35:8) Iva, jekk nikkultivaw drawwiet tajbin taʼ ndafa issa, dan se jagħti prova tal-​fidi li għandna fil-​wegħda t’Alla li dalwaqt hu se jġib Ġenna taʼ l-​art nadifa. Imbagħad, f’kull parti taʼ din il-​pjaneta meraviljuża, in-​nies kollha se jagħtu glorja lil Alla Jehovah billi jżommu bis-​sħiħ mal-​livelli perfetti tiegħu taʼ l-​indafa.—Apokalissi 7:9.

[Stampa f’paġna 6]

Dar nadifa hi r-​responsabbiltà taʼ kull min joqgħod fiha

[Stampa f’paġna 6]

L-​art hija meravilja li tnaddaf lilha nfisha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja