Tgħallem Lezzjoni Minn Nikodemu
“JEKK xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu kuljum, u jimxi warajja.” (Luqa 9:23) Sajjieda umlin u kollettur tat-taxxa mistmerr kienu pronti jaċċettaw din l-istedina. Huma ħallew kollox warajhom biex jimxu wara Ġesù.—Mattew 4:18-22; Luqa 5:27, 28.
Is-sejħa taʼ Ġesù għadha tidwi llum, u kien hemm ħafna li wieġbu għaliha. Madankollu, xi wħud li jieħdu pjaċir jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah jaħsbuha darbtejn qabel ma ‘jiċħdu lilhom infushom u jerfgħu salibhom.’ Huma qed iżommu lura milli jaċċettaw ir-responsabbiltà u l-privileġġ li jkunu dixxipli taʼ Ġesù.
Xi wħud għala jżommu lura u ma jaċċettawx l-istedina taʼ Ġesù u ma jiddedikawx ruħhom lil Alla Jehovah? Huwa minnu li dawk li ma trabbewx bħal-Lhud u l-Kristjani bl-idea taʼ twemmin f’Alla wieħed forsi jkollhom bżonn żmien konsiderevoli qabel ma jibdew japprezzaw bis-sħiħ il-fatt li jeżisti Ħallieq li jistaʼ kollox u li hu persuna. Madankollu, saħansitra wara li jsiru konvinti li Alla hu reali, xi wħud xorta jibqgħu jaħsbuha biex jimxu wara l-passi taʼ Ġesù. Huma forsi jibżgħu minn dak li jaħsbu dwarhom qrabathom u ħbiebhom jekk isiru Xhieda taʼ Jehovah. Oħrajn, li ma jibqgħux jaraw l-urġenza taż-żminijiet li qed ngħixu fihom, jibdew ifittxu li jsiru famużi u sinjuri. (Mattew 24:36-42; 1 Timotju 6:9, 10) Hu x’inhu l-każ, għal dawk li jibqgħu ma jiddeċidux li jsiru segwaċi taʼ Ġesù, hemm lezzjoni x’jitgħallmu mir-rakkont dwar Nikodemu, ħakkiem Lhudi għani fi żmien Ġesù.
Imbierek b’Opportunitajiet Meraviljużi
Wara biss xi sitt xhur li Ġesù beda l-ministeru tiegħu fuq l-art, Nikodemu jirrikonoxxi li Ġesù kien “Mgħallem mibgħut minn Alla.” Impressjonat bil-mirakli li wettaq Ġesù dan l-aħħar f’Ġerusalemm fil-festa tal-Qbiż tas-sena 30 E.K., Nikodemu jiġi fis-satra tal-lejl biex jistqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù u biex jitgħallem iktar dwar dan l-għalliem. Minħabba f’hekk, Ġesù jgħid lil Nikodemu verità profonda dwar il-bżonn li wieħed ‘jitwieled mill-ġdid’ sabiex jidħol fis-Saltna t’Alla. F’din l-okkażjoni, Ġesù jgħid ukoll il-kliem: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 3:1-16.
Xi prospett meraviljuż għandu quddiemu Nikodemu! Jistaʼ jsir imsieħeb mill-qrib taʼ Ġesù, u b’hekk ikun jistaʼ jara b’għajnejh stess diversi aspetti tal-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art. Bħala ħakkiem tal-Lhud u għalliem ġewwa Iżrael, Nikodemu għandu ħafna għarfien dwar il-Kelma t’Alla. Għandu wkoll dehen kbir, bħalma jidher mill-fatt li identifika lil Ġesù bħala għalliem mibgħut minn Alla. Nikodemu jinteressa ruħu f’affarijiet spiritwali, u jispikka f’dik li hi umiltà. Żgur li hi ħaġa verament diffiċli li membru taʼ l-ogħla qorti tal-Lhud jirrikonoxxi lill-iben umli taʼ mastrudaxxa bħala raġel mibgħut minn Alla! Dawn il-kwalitajiet kollha huma imprezzabbli biex wieħed isir dixxiplu taʼ Ġesù.
L-interess taʼ Nikodemu f’dan ir-raġel minn Nazaret ma jidhirx li jbatti. Sentejn u nofs wara, fil-Festa taʼ l-Għerejjex, Nikodemu jattendi laqgħa tas-Sinedriju. F’dan iż-żmien, Nikodemu għadu “wieħed minnhom.” Il-qassisin il-kbar u l-Fariżej jibagħtu xi uffiċjali biex jarrestaw lil Ġesù. Dawn jiġu lura u jirrapportaw: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!” Il-Fariżej jibdew ibaxxuhom: “Intom ukoll tqarraqtu? Hemm xi ħadd mill-kapijiet u l-Fariżej li emmen fih? Imma dawn x’qabda nies misħuta, li l-Liġi ma jafuhiex!” Nikodemu ma jistax jibqaʼ sieket iktar. Hu jiftaħ fommu u jgħid: “Jaqaw il-Liġi tagħna tikkundanna lil xi ħadd qabel ma tismaʼ lilu stess ħalli tkun taf x’inhu jagħmel?” Imbagħad il-Fariżej l-oħrajn iduru kollha fuqu “M’intix int ukoll mill-Galilija, hux? Fittex fl-Iskrittura, ħalli tara li ebda profeta ma jqum mill-Galilija!”—Ġwann 7:1, 10, 32, 45-52.
Xi sitt xhur wara, nhar Jum il-Qbiż tas-sena 33 E.K., Nikodemu jinsab preżenti hekk kif il-ġisem taʼ Ġesù jitniżżel minn fuq iz-zokk tat-tortura. Hu jissieħeb maʼ Ġużeppi minn Arimatija, membru ieħor tas-Sinedriju, biex iħejju l-ġisem taʼ Ġesù għad-difna. Għal dan l-iskop, Nikodemu jġib “taħlita taʼ morr u sabbara” li tiżen bejn wieħed u ieħor 100 libbra Rumana, ekwivalenti għal xi 33 kilo. Din tiswa ammont konsiderevoli taʼ flus. Irid ikollu wkoll il-kuraġġ biex jidentifika ruħu maʼ “dan il-bniedem qarrieq,” bħalma sħabu l-Fariżej isejħu lil Ġesù. Waqt li jħejju malajr il-ġisem taʼ Ġesù għad-difna, it-tnejn li huma jqiegħdu lil Ġesù f’qabar tal-mafkar ġdid fil-viċin. Madankollu, saħansitra f’dan il-mument Nikodemu għadu mhux identifikat bħala dixxiplu taʼ Ġesù!—Ġwann 19:38-42; Mattew 27:63; Mark 15:43.
Għala M’Aġixxiex
Fir-rakkont tiegħu Ġwanni ma weriex għala Nikodemu qagħad jaħsibha biex “jerfaʼ salibu” u jimxi wara Ġesù. Madankollu, hu ħalla xi ħjiel li jistaʼ jispjega għala dan il-Fariżew baqaʼ ma ħax deċiżjoni.
L-ewwelnett, Ġwanni indika li l-ħakkiem Lhudi “ġie għand Ġesù billejl.” (Ġwann 3:2) Studjuż tal-Bibbja jissuġġerixxi: “Nikodemu ġie bil-lejl, mhux għax kien jibżaʼ, imma biex jevita l-folol li setgħu jfixklu l-intervista li kellu maʼ Ġesù.” Madankollu, Ġwanni rrefera għal Nikodemu bħala “dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl” fl-istess kuntest li fih irrefera għal Ġużeppi minn Arimatija bħala “dixxiplu taʼ Ġesù bil-moħbi għax kien jibżaʼ mil-Lhud.” (Ġwann 19:38, 39) Għalhekk, x’aktarx li Nikodemu mar għand Ġesù fis-satra tal-lejl għax “kien jibżaʼ mil-Lhud,” sewwa sew bħalma oħrajn fi żmienu kienu jibżgħu li jkollhom x’jaqsmu maʼ Ġesù.—Ġwann 7:13.
Qiegħed int iżżomm lura milli ssir dixxiplu taʼ Ġesù għaliex tibżaʼ minn dak li jistgħu jgħidu qrabatek, ħbiebek, jew sħabek fuq ix-xogħol? “Min jibżaʼ mill-bniedem jaqaʼ fi xkiel,” jgħid proverbju. Kif tistaʼ tirbħu dan il-biżaʼ? Il-proverbju jkompli: “Imma min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.” (Proverbji 29:25) Sabiex tibni din il-fiduċja f’Jehovah, għandek bżonn tibda tara għalik innifsek li Alla se jwieżnek meta tkun f’qagħda mwiegħra. Itlob lil Jehovah biex jagħtik il-kuraġġ tieħu saħansitra deċiżjonijiet żgħar rigward il-qima tiegħek. Bil-mod il-mod, il-fidi u l-fiduċja tiegħek f’Jehovah se jikbru sal-punt li tkun tistaʼ tieħu deċiżjonijiet kbar fi qbil mar-rieda t’Alla.
Il-pożizzjoni u l-prestiġju taʼ Nikodemu bħala membru tal-klassi li taħkem għandhom mnejn ukoll żammewh lura milli jagħmel il-pass importanti li jiċħad lilu nnifsu. F’dak iż-żmien, hu bilfors li kien għadu marbut ħafna mal-pożizzjoni li kellu bħala membru tas-Sinedriju. Qiegħed int ittellaʼ u tniżżel jekk issirx segwaċi taʼ Kristu għaliex forsi titlef xi pożizzjoni għolja fis-soċjetà jew għax ikollok tissagrifika ċerti prospetti li għandek biex tavanza? Xejn minn dawn l-affarijiet ma jistaʼ jitqabbel mal-privileġġ li tkun tistaʼ taqdi lill-Iktar Wieħed Għoli fl-univers, li hu lest jissodisfa x-xewqat tiegħek li huma fi qbil mar-rieda tiegħu.—Salm 10:17; 83:19 [83:18, NW]; 145:18.
Raġuni oħra għala Nikodemu forsi qagħad iħalli mil-lum għall-għada setgħet kienet marbuta maʼ l-għana tiegħu. Bħala Fariżew, forsi kien influwenzat mill-oħrajn, “li kellhom ir-regħba għall-flus.” (Luqa 16:14) Il-fatt li setaʼ jaffordja taħlita taʼ ħwawar li tiswa ħafna flus jixhed li kien għani. Xi wħud illum jibqgħu jħallu mil-lum għall-għada biex jieħdu d-deċiżjoni li jerfgħu r-responsabbiltajiet taʼ Kristjan għaliex huma ansjużi dwar il-ġid materjali li għandhom. Madankollu, Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu: “Tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. . . . Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”—Mattew 6:25-33.
Kellu Ħafna X’Jitlef
Taʼ interess, ir-rakkont dwar Nikodemu, li jidher biss fl-Evanġelju taʼ Ġwanni, ma jgħidilniex jekk Nikodemu qattx sar segwaċi taʼ Ġesù jew le. Skond waħda mit-tradizzjonijiet, hu sar dixxiplu taʼ Ġesù, tgħammed, beda jiġi persegwitat mil-Lhud, tilef il-pożizzjoni li kellu, u fl-aħħarnett ġie turufnat minn Ġerusalemm. Kien x’kien il-każ, ħaġa waħda hi ċerta: Hu kellu ħafna x’jitlef minħabba li qagħad jaħsibha waqt li Ġesù kien hawnhekk fuq l-art.
Kieku Nikodemu beda jimxi wara Ġesù minnufih malli ltaqaʼ mal-Mulej l-ewwel darba, kien ikun jistaʼ jsir dixxiplu qrib taʼ Ġesù. Bl-għarfien, id-dehen, u l-umiltà li kellu u peress li kien konxju tal-ħtiġijiet spiritwali, Nikodemu setaʼ sar dixxiplu li jispikka. Iva, kien ikun jistaʼ jismaʼ d-diskorsi taʼ l-għaġeb taʼ l-Għalliem Prim, jitgħallem lezzjonijiet vitali mill-parabboli taʼ Ġesù, jara b’għajnejh il-mirakli meraviljużi li wettaq Ġesù, u jikseb is-saħħa mit-twissijiet li Ġesù ta lill-appostli tiegħu qabel ma telaqhom. Imma dan kollu tilfu.
Il-fatt li Nikodemu kien indeċiż kien ifisser telfa kbira għalih. Tilef ukoll l-istedina mill-qalb taʼ Ġesù: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.” (Mattew 11:28-30) Nikodemu tilef l-opportunità li jesperjenza dan il-mistrieħ letteralment mingħand Ġesù nnifsu!
Xi Ngħidu Għalik?
Mill-1914 ’l hawn, Ġesù Kristu huwa preżenti bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla fis-sema. Waqt li bassar dak li kellu jseħħ matul il-preżenza tiegħu, hu qal fost affarijiet oħrajn: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Qabel ma jiġi t-tmiem, dan ix-xogħol taʼ l-ippridkar irid jitwettaq fid-dinja kollha. Hija l-għaxqa taʼ Ġesù Kristu li jkollu bnedmin imperfetti jieħdu sehem fih. Int ukoll tistaʼ tieħu sehem f’dan ix-xogħol.
Nikodemu rrikonoxxa li Ġesù kien mibgħut minn Alla. (Ġwann 3:2) Mill-istudju li għamilt dwar il-Bibbja, int forsi wasalt għall-istess konklużjoni. Forsi għamilt bidliet fil-mod kif tgħix ħajtek biex tkun fi qbil mal-livelli tal-Bibbja. Għandek mnejn anki qed tattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah biex tieħu iktar għarfien dwar il-Bibbja. Prosit tassew għal dawn l-isforzi. Madankollu, ma kienx biżżejjed li Nikodemu juri apprezzament lejn Ġesù bħala l-wieħed mibgħut minn Alla. Kellu bżonn ‘jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu kuljum, u jimxi wara’ Ġesù kontinwament.—Luqa 9:23.
Daħħal f’qalbek dak li jgħidilna l-appostlu Pawlu. Hu kiteb: “Ladarba qegħdin naħdmu flimkien maʼ Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. Għax hu jgħid: ‘Fiż-żmien it-tajjeb smajtek, f’jum is-salvazzjoni għentek.’ Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni!”—2 Korintin 6:1, 2.
Issa huwa ż-żmien biex tiżviluppa l-fidi li tqanqlek ħalli taġixxi. Għal dan l-għan, immedita fuq l-affarijiet li qed tistudja fil-Bibbja. Itlob lil Jehovah għall-għajnuna biex turi dan it-tip taʼ fidi. Hekk kif tesperjenza l-għajnuna tiegħu, l-apprezzament tiegħek u l-imħabba għalih se jqanqluk biex tkun trid ‘tiċħad lilek innifsek u terfaʼ salibek kuljum u timxi wara Ġesù Kristu kontinwament.’ Se taġixxi issa int?
[Stampa f’paġna 9]
Għall-ewwel, Nikodemu b’kuraġġ wera li kien favur Ġesù
[Stampa f’paġna 9]
Minkejja l-oppożizzjoni, Nikodemu għen biex il-ġisem taʼ Ġesù jitħejja għad-difna
[Stampa f’paġna 10]
L-istudju persunali u t-talb jistgħu jsaħħuk biex taġixxi
[Stampa f’paġna 10]
Se taċċettah int il-privileġġ li taħdem taħt it-tmexxija taʼ Ġesù Kristu?