Irċivejtu Int “l-Ispirtu tal-Verità”?
‘Il-Missier jagħtikom Difensur ieħor biex jibqaʼ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità.’—ĠWANN 14:16, 17.
1. Ġesù liema informazzjoni importanti ta lid-dixxipli tiegħu fil-kamra taʼ fuq matul l-aħħar sigħat li qattaʼ magħhom?
“FEJN sejjer, Mulej?” Din kienet waħda mill-mistoqsijiet li l-appostli taʼ Ġesù staqsewh matul l-aħħar sigħat li qattaʼ magħhom fil-kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. (Ġwann 13:36) Hekk kif beda għaddej il-ħin f’dik il-laqgħa, Ġesù informahom li issa kien wasallu ż-żmien biex iħallihom u jmur lura għand Missieru. (Ġwann 14:28; 16:28) Ma kienx se jkun iżjed magħhom fil-ġisem biex jistruwihom u jwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom. Madankollu, hu assigurahom billi qalilhom: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor [jew, wieħed li jfarraġkom] biex jibqaʼ magħkom għal dejjem.”—Ġwann 14:16.
2. Ġesù x’wiegħed li se jibagħtilhom lid-dixxipli wara t-tluq tiegħu?
2 Ġesù identifika lil dan id-difensur u spjega kif kellu jgħin lid-dixxipli tiegħu. Qalilhom: “Dan ma għedtulkomx mill-bidu, għaliex kont għadni magħkom. Issa sejjer għand dak li bagħatni . . . Jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha.”—Ġwann 16:4, 5, 7, 13.
3. (a) Meta ntbagħat “l-Ispirtu tal-verità” lill-Kristjani tal-bidu? (b) B’liema mod importanti kien l-ispirtu taʼ għajnuna għalihom?
3 Din il-wegħda twettqet f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., kif wera l-appostlu Pietru: “Lil dan Ġesù, Alla qajjmu mill-imwiet, u taʼ dan aħna lkoll xhieda. Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawwbu fuqna, kif qegħdin taraw u tisimgħu.” (Atti 2:32, 33) Kif se naraw iktar tard, l-ispirtu qaddis li tferraʼ f’Pentekoste wettaq ħafna affarijiet għall-Kristjani tal-bidu. Imma Ġesù wiegħed li “l-ispirtu tal-verità” kellu ‘jfakkarhom dak kollu li kien qalilhom.’ (Ġwann 14:26) Kien se jgħinhom jiftakru l-ministeru u t-tagħlim taʼ Ġesù, saħansitra l-kliem eżatt li qal biex ikunu jistgħu jiktbuh. Dan kellu jkun taʼ għajnuna b’mod speċjali għax-xwejjaħ appostlu Ġwanni fit-tmiem taʼ l-ewwel seklu E.K. meta beda jikteb l-Evanġelju tiegħu. Dan ir-rakkont jinkludi l-pariri prezzjużi li ta Ġesù meta stabbilixxa l-Mafkar taʼ mewtu.—Ġwann, kapitli 13-17.
4. “L-Ispirtu tal-verità” kif għen lill-Kristjani midlukin tal-bidu?
4 Ġesù wiegħed ukoll lil dawk id-dixxipli tal-bidu li l-ispirtu kien se ‘jgħallimhom kollox’ u ‘jwassalhom għall-verità kollha.’ L-ispirtu kien se jgħinhom jifhmu l-affarijiet iktar profondi taʼ l-Iskrittura u jħares l-unità tagħhom biex jibqgħu ħaġa waħda fil-ħsieb, fil-fehma, u fl-għan. (1 Korintin 2:10; Efesin 4:3) B’hekk, l-ispirtu qaddis ta l-qawwa lil dawk il-Kristjani tal-bidu biex jaġixxu bħala “lsir leali u diskret” kollettiv, u biex jipprovdu l-‘ikel spiritwali f’waqtu’ lill-individwi li huma Kristjani midlukin.—Mattew 24:45, NW.
L-Ispirtu Jixhed
5. (a) Ġesù liema prospett ġdid poġġa quddiem id-dixxipli tiegħu fil-lejla taʼ l-14 taʼ Nisan, tas-sena 33 E.K.? (b) L-ispirtu qaddis liema rwol kellu fit-twettiq tal-wegħda taʼ Ġesù?
5 Fil-lejla taʼ l-14 taʼ Nisan, tas-sena 33 E.K., Ġesù ta ħjiel lid-dixxipli tiegħu li huma kienu se jintlaqgħu minnu sabiex jgħixu miegħu u maʼ Missieru fis-sema. Qalilhom: “Fid-dar taʼ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġaʼ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” (Ġwann 13:36; 14:2, 3) Huma kienu se jsaltnu miegħu f’Saltnatu. (Luqa 22:28-30) Biex ikollhom din it-tama taʼ ħajja fis-sema, huma riedu jkunu ‘mweldin mill-ispirtu’ bħala wlied spiritwali t’Alla u jiġu midlukin biex jaqdu bħala slaten u qassisin maʼ Kristu fis-sema.—Ġwann 3:5-8; 2 Korintin 1:21, 22; Titu 3:5-7; 1 Pietru 1:3, 4; Apokalissi 20:6.
6. (a) Meta bdiet is-sejħa tas-sema, u kemm huma dawk li jirċievu din is-sejħa? (b) F’liema ħaġa tgħammdu dawk li ssejħu?
6 Din “is-sejħa tas-sema” bdiet f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. u, fil-parti l-kbira, tidher li ntemmet f’nofs is-snin tletin tas-seklu l-ieħor. (Lhud 3:1) L-għadd taʼ dawk li huma siġillati bl-ispirtu qaddis biex jifformaw parti minn Iżrael spiritwali huwa 144,000, “mifdija minn fost il-bnedmin.” (Apokalissi 7:4; 14:1-4) Dawn ġew mgħammdin fil-ġisem spiritwali taʼ Kristu, fil-kongregazzjoni tiegħu, u f’mewtu. (Rumani 6:3; 1 Korintin 12:12, 13, 27; Efesin 1:22, 23) Wara li tgħammdu bl-ilma u ġew midlukin bl-ispirtu qaddis, huma qabdu triq taʼ sagrifiċċju, ħajja taʼ integrità sal-mewt.—Rumani 6:4, 5.
7. Għala l-Kristjani midlukin biss bix-xieraq jieħdu mill-emblemi fil-Mafkar?
7 Bħala Iżraelin spiritwali, dawn il-Kristjani midlukin kienu fil-patt ġdid li sar bejn Jehovah u l-“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16; Ġeremija 31:31-34) Il-patt ġdid sar validu permezz tad-demm li xerred Kristu. Ġesù semma dan meta stabbilixxa l-Mafkar taʼ mewtu. Luqa kiteb: “Ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: ‘Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’ Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: ‘Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom.’” (Luqa 22:19, 20) Il-fdal, jew il-membri li fadal fuq l-art mill-144,000, huma dawk li fil-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu bix-xieraq jieħdu mill-ħobż u l-inbid li għandhom tifsira simbolika.
8. Il-midlukin kif ikunu jafu li rċivew is-sejħa tas-sema?
8 Il-midlukin kif ikunu jafu li rċivew is-sejħa tas-sema? Huma jirċievu b’mod ċar ix-xiehda taʼ l-ispirtu qaddis. L-appostlu Pawlu kitbilhom hekk lil dawn: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu taʼ Alla huma wlied Alla. . . . Dan l-Ispirtu jixhed flimkien maʼ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta taʼ Alla, werrieta maʼ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.” (Rumani 8:14-17) Din ix-xiehda taʼ l-ispirtu tant hija qawwija li dawk li jkollhom l-iċken dubju dwar jekk irċivewx is-sejħa tas-sema jistgħu jikkonkludu b’mod raġunevoli li ma rċivewhiex, u għalhekk ma jiħdux mill-emblemi fil-Mafkar.
L-Ispirtu u n-Nagħaġ Oħra
9. Liema żewġ gruppi distinti jissemmew fl-Evanġelji u fil-ktieb taʼ l-Apokalissi?
9 Peress li kien jaf li l-għadd taʼ Kristjani msejħin biex jifformaw l-Iżrael spiritwali kien limitat, Ġesù rrefera għalihom bħala l-“merħla ċkejkna.” Huma jiddaħħlu fil-“maqjel” tal-patt il-ġdid, b’kuntrast man-“nagħaġ oħra” li huma bla għadd u li lilhom Ġesù qal li jrid jiġbor ukoll. (Luqa 12:32; Ġwann 10:16) Dawk min-nagħaġ oħra li jinġabru fiż-żmien tat-tmiem se jifformaw il-“kotra kbira” li se tiġi salvata mit-tribulazzjoni l-kbira bil-prospett li tgħix għal dejjem fuq l-art magħmula ġenna. Huwa taʼ interess li l-viżjoni li rċieva Ġwanni fi tmiem l-ewwel seklu E.K. turi d-differenza li hemm bejn din il-kotra kbira u l-144,000 membru taʼ Iżrael spiritwali. (Apokalissi 7:4, 9, 14) Jirċievu n-nagħaġ oħra l-ispirtu qaddis? Jekk jirċivuh, kif jeffettwalhom ħajjithom?
10. In-nagħaġ oħra kif jitgħammdu “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu”?
10 L-ispirtu qaddis tabilħaqq għandu parti importanti fil-ħajja tan-nagħaġ oħra. Huma jissimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah billi jitgħammdu “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu.” (Mattew 28:19) Huma jirrikonoxxu s-sovranità taʼ Jehovah, jissottomettu ruħhom lejn Kristu bħala s-Sultan u l-Feddej tagħhom, u jħallu l-ispirtu, jew il-forza attiva t’Alla, jaħdem f’ħajjithom. Jum wara l-ieħor, huma jipprovaw jikkultivaw “il-frott taʼ l-Ispirtu,” jiġifieri, “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.”—Galatin 5:22, 23.
11, 12. (a) Il-midlukin kif inhuma mqaddsin b’mod speċjali ferm? (b) In-nagħaġ oħra b’liema mod huma mqaddsin u mnaddfin?
11 In-nagħaġ oħra jridu wkoll iħallu l-Kelma t’Alla u l-ispirtu qaddis isaffuhom, jew iqaddsuhom. Il-midlukin diġà tqaddsu b’mod speċjali ferm, billi ġew dikjarati twajbin u ndaf bħala l-għarusa taʼ Kristu. (Ġwann 17:17; 1 Korintin 6:11; Efesin 5:23-27) Il-profeta Danjel jitkellem dwarhom bħala “l-qaddisin taʼ Alla l-Għoli,” li jirċievu s-Saltna taħt ‘bin il-bniedem,’ Kristu Ġesù. (Danjel 7:13, 14, 18, 27) Iktar kmieni, permezz taʼ Mosè u Aron, Jehovah iddikjara lill-ġens taʼ Iżrael: “Jiena l-Mulej Alla tagħkom, għalhekk għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis.”—Levitiku 11:44.
12 Il-kelma “taqdis” tfisser bażikament “l-att jew il-proċess li bih titqaddes, tissepara ruħek, jew titwarrab apparti biex taqdi lil Alla Jehovah jew tintuża minnu; l-istat taʼ li tkun qaddis, imnaddaf, jew imsoffi.” Fl-1938, It-Torri taʼ l-Għassa kien diġà qal li l-Ġonadabijiet, jew nagħaġ oħra, “iridu jitgħallmu li l-konsagrazzjoni [dedikazzjoni] u t-taqdis huma meħtieġa minn kulmin se jsir parti mill-kotra kbira li se tgħix fuq l-art.” Fil-viżjoni tal-kotra kbira, li nsibu fil-ktieb taʼ l-Apokalissi, dawn jissemmew bħala li ‘ħaslu lbieshom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf’ u bħala li qed ‘jaqdu lil Jehovah lejl u nhar fit-tempju tiegħu.’ (Apokalissi 7:9, 14, 15) Bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis, in-nagħaġ oħra jagħmlu l-almu tagħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet taʼ qdusija li Jehovah jitlob minnhom.—2 Korintin 7:1.
Jagħmlu l-Ġid lil Ħut Kristu
13, 14. (a) Skond il-parabbola taʼ Ġesù tan-nagħaġ u l-mogħoż, minn xiex tiddependi s-salvazzjoni tan-nagħaġ? (b) F’dan iż-żmien taʼ l-aħħar, in-nagħaġ oħra kif appoġġaw lil ħut Kristu?
13 Ġesù enfasizza r-rabta mill-qrib li hemm bejn in-nagħaġ oħra u l-merħla ċkejkna fil-parabbola tiegħu tan-nagħaġ u l-mogħoż, li hija inkluża fil-profezija tiegħu dwar “tmiem id-dinja.” F’din il-parabbola, Kristu wera ċar li s-salvazzjoni tan-nagħaġ l-oħra hija marbuta mill-qrib maʼ l-imġiba tagħhom lejn il-midlukin, li hu sejħilhom “ħuti.” Hu qal: “Is-Sultan jgħid lil dawk taʼ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. . . . Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu maʼ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’”—Mattew 24:3; 25:31-34, 40.
14 L-espressjoni “kull ma għamiltu” tirreferi għal atti taʼ appoġġ b’imħabba murijin lil ħut Kristu li huma mnisslin mill-ispirtu. Id-dinja taʼ Satana stmat lil dawn bħala stranġieri, u saħansitra tefgħet lil xi wħud minnhom il-ħabs. Huma kienu fil-bżonn taʼ ikel, ilbies xieraq, u assistenza fil-mard. (Mattew 25:35, 36) F’dan iż-żmien taʼ l-aħħar, mill-1914 ’l hawn, ħafna mill-midlukin sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet bħal dawn. L-istorja moderna tax-Xhieda taʼ Jehovah tagħti prova li huma sabu l-appoġġ leali taʼ sħabhom, in-nagħaġ oħra, hekk kif dawn tqanqlu mill-ispirtu.
15, 16. (a) In-nagħaġ oħra f’liema attività għenu b’mod partikulari lill-aħwa midlukin taʼ Kristu fuq l-art? (b) Il-midlukin kif urew l-apprezzament tagħhom lejn in-nagħaġ oħra?
15 F’dan iż-żmien taʼ l-aħħar, ħut Kristu fuq l-art, il-midlukin, irċivew l-appoġġ attiv tan-nagħaġ oħra partikolarment biex iwettqu l-inkarigu li tahom Alla biex ixandru ‘dan l-Evanġelju tas-Saltna fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda.’ (Mattew 24:14; Ġwann 14:12) Waqt li l-għadd tal-midlukin fuq l-art dejjem qed jonqos matul is-snin, l-għadd taʼ nagħaġ oħra żdied ħafna u laħaq il-miljuni. Eluf minnhom qed jaqdu bħala evanġelizzaturi full-time—pijunieri u missjunarji—u b’hekk ixerrdu l-aħbar tajba tas-Saltna “sa truf l-art.” (Atti 1:8) Oħrajn jieħdu sehem billi jagħtu xiehda kemm jistgħu, u bil-ferħ jappoġġaw finanzjarjament dan ix-xogħol importanti.
16 Kemm japprezzawh ħut Kristu, il-midlukin, dan l-appoġġ leali minn sħabhom in-nagħaġ oħra! Is-sentimenti tagħhom huma spjegati tajjeb fil-ktieb Worldwide Security Under the “Prince of Peace,” provdut mill-klassi taʼ l-ilsir fl-1986. Dan jgħid: “Mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, it-twettiq tal-profezija taʼ Ġesù dwar ‘il-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet’ huwa fil-parti l-kbira dovut għall-ħidma li qed twettaq il-‘kotra kbira’ taʼ ‘nagħaġ oħra.’ . . . Għalhekk, niżżu ħajr minn qalbna lill-‘kotra kbira’ internazzjonali li titkellem b’ħafna ilsna differenti tas-sehem kbir li kellha fit-twettiq tal-profezija [taʼ Ġesù] f’Mattew 24:14!”
“Ma Jaslux għall-Perfezzjoni Mingħajrna”
17. Nies leali tal-qedem li se jiġu rxoxtati fuq l-art b’liema mod “ma jaslux għall-perfezzjoni” mingħajr il-midlukin?
17 Waqt li rrefera għal irġiel u nisa leali li għexu qabel Kristu, l-appostlu Pawlu, bħala wieħed mill-midlukin, setaʼ jikteb u jgħid: “Dawn kollha, għad li qalgħu xhieda tajba bis-saħħa tal-fidi tagħhom, ma kisbux dak li kien imwiegħed, billi Alla rafaʼ xi ħaġa aħjar għalina, bil-ħsieb li huma ma jaslux għall-perfezzjoni mingħajrna.” (Lhud 11:35, 39, 40) Matul il-Millennju, Kristu u ħutu l-midlukin, il-144,000, se jaqdu bħala slaten u qassisin fis-sema u se jxerrdu fuq l-art il-benefiċċji li jirriżultaw mis-sagrifiċċju li Kristu ħallas bħala fidwa. In-nagħaġ oħra b’hekk se ‘jaslu għall-perfezzjoni’ fil-ġisem u fil-moħħ.—Apokalissi 22:1, 2.
18. (a) Il-fatti mill-Bibbja x’għandhom jgħinu lin-nagħaġ oħra japprezzaw? (b) In-nagħaġ oħra f’liema tama jistennew “ir-rivelazzjoni taʼ wlied Alla”?
18 Dan kollu għandu jġiegħel lin-nagħaġ oħra jifhmu ċar għala l-Iskrittura Griega Kristjana titfaʼ tant attenzjoni fuq Kristu u ħutu l-midlukin u l-parti ċentrali li għandhom fit-twettiq taʼ l-iskopijiet taʼ Jehovah. Għalhekk, in-nagħaġ oħra jqisuh bħala privileġġ li jappoġġaw b’kull mod possibbli lill-klassi taʼ l-ilsir midluk waqt li jistennew “ir-rivelazzjoni taʼ wlied Alla” f’Armageddon u matul il-Millennju. Huma jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien meta jkunu “meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:19-21.
Magħqudin fl-Ispirtu fil-Mafkar
19. “L-ispirtu tal-verità” x’għamel għall-midlukin u għal sħabhom, u dawn kif se jkunu magħqudin b’mod speċjali fil-lejla tat-28 taʼ Marzu?
19 Fit-talba li spiċċa biha fil-lejla taʼ l-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., Ġesù qal: “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.” (Ġwann 17:20, 21) Sforz l-imħabba li għandu, Alla bagħat lil Ibnu biex jagħti ħajtu għas-salvazzjoni tal-midlukin u tad-dinja taʼ bnedmin ubbidjenti. (1 Ġwann 2:2) “L-ispirtu tal-verità” għaqqad lil ħut Kristu u lil sħabhom. Fil-lejla tat-28 taʼ Marzu, wara nżul ix-xemx, iż-żewġ gruppi se jiltaqgħu flimkien biex jikkommemoraw il-mewt taʼ Kristu u jiftakru f’dak kollu li Jehovah għamel għalihom permezz tas-sagrifiċċju taʼ l-għażiż Ibnu, Kristu Ġesù. Jalla l-preżenza tagħhom f’din l-okkażjoni importanti ssaħħaħ l-unità taʼ bejniethom u ġġedded id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu jagħmlu r-rieda t’Alla, u b’hekk jagħtu prova li huma ferħanin li jinsabu fost dawk maħbubin minn Jehovah.
Bħala Reviżjoni
• “L-ispirtu tal-verità” meta ntbagħat lill-Kristjani tal-bidu, u kif wera li kien taʼ għajnuna għalihom?
• Il-midlukin kif ikunu jafu li rċivew is-sejħa tas-sema?
• L-ispirtu t’Alla b’liema modi jopera fuq in-nagħaġ oħra?
• In-nagħaġ oħra kif għamlu l-ġid lil ħut Kristu, u għala ‘ma jaslux għall-perfezzjoni mingħajr’ il-midlukin?
[Stampa f’paġna 21]
“L-ispirtu tal-verità” tferraʼ fuq id-dixxipli f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.
[Stampi f’paġna 23]
In-nagħaġ oħra għamlu l-ġid lil ħut Kristu billi appoġġawhom biex iwettqu l-inkarigu divin li jippridkaw