Tmexxija Tajba L-Isfida Globali
Kien kittieb u poeta. Qalbu kienet mimlija tama għal futur aħjar. Madwar 90 sena ilu, hu immaġina post ‘fejn il-moħħ ikun meħlus mill-biżaʼ u kulħadd ikollu ħarsa pożittiva; fejn l-għarfien ikun bla ħlas; fejn id-dinja ma tkunx maqsuma minħabba l-firdiet bejn il-ġnus kaġun tal-preġudizzju; fejn il-kliem li jitlissen ikun biss il-verità; [u] fejn l-istinkar bla heda jwassal dejjem eqreb għall-perfezzjoni.’
DAN il-kittieb imbagħad esprima t-tama li xi darba pajjiżu kif ukoll il-bqija tad-dinja jsibu ruħhom f’post bħal dan. Kieku dan il-poeta, rebbieħ tal-Premju Nobel, kien għadu ħaj illum, żgur li kien jibqaʼ ferm diżappuntat. Minkejja l-avvanzi u l-iskoperti kollha li saru, id-dinja hija mifruda iktar minn qatt qabel. U l-futur in ġenerali tal-bniedem ikompli jidher bla tama.
Meta ġie mistoqsi għala f’daqqa waħda kien hemm daqshekk vjolenza bejn ċertu fazzjonijiet f’pajjiżu, ċertu bidwi pponta lejn dik li għalih kienet waħda mir-raġunijiet. “Dan hu tort tal-mexxejja korrotti,” hu qal. Fil-ktieb tiegħu Humanity—A Moral History of the Twentieth Century, il-kittieb taʼ l-istorja Jonathan Glover jesprimi opinjoni simili, meta jgħid: “Il-ġenoċidju [fl-istess pajjiż] ma kienx xi eruzzjoni spontanja taʼ mibegħda bejn it-tribujiet, kien pjanat min-nies li riedu jibqgħu fil-poter.”
Meta kmieni fis-snin 90 tas-seklu l-ieħor faqqgħet il-gwerra bejn żewġ repubbliki f’dik li qabel kienet il-Jugoslavja, waħda ġurnalista kitbet: “Konna ngħixu kuntenti flimkien għal bosta snin u issa wasalna biex noqtlu t-trabi taʼ xulxin. X’inhu jiġrilna?”
Eluf taʼ kilometri lil hinn mill-Ewropa u l-Afrika nsibu l-pajjiż taʼ l-Indja, il-post fejn twieled il-poeta li semmejna fil-bidu. F’diskors intitolat “Can India Survive as One Nation?” (Tistaʼ l-Indja Tibqaʼ Teżisti Bħala Ġens Wieħed?), l-awtur Pranay Gupte innota: ‘Madwar 70 fil-mija mill-popolazzjoni enormi taʼ l-Indja hija taħt it-30 sena, madankollu dawn m’għandhom ebda mexxej li jipprovdilhom mudell fuqiex jimxu.’
F’ċerti pajjiżi, il-mexxejja kellhom jirriżenjaw mill-pożizzjonijiet tagħhom minħabba li ġew akkużati b’korruzzjoni. Mela, hemm diversi raġunijiet għala d-dinja qed tesperjenza kriżi fit-tmexxija. Il-kundizzjonijiet jixhdu kemm huwa minnu l-kliem taʼ ċertu profeta li għex madwar 2,600 sena ilu. Hu qal: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.
Hemm xi soluzzjoni għan-niket li hawn bħalissa fid-dinja? Min jistaʼ jmexxi lill-bnedmin għal ġo dinja li fiha s-soċjetà umana tkun ħielsa kemm mill-ġlied kif ukoll mill-biżaʼ, fejn l-għarfien veru jkun bla ħlas u abbundanti, u fejn il-bnedmin jersqu dejjem iktar lejn il-perfezzjoni?
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
Fatmir Boshnjaku