LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 4/1 pp. 10-15
  • Għala Titgħammed?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Titgħammed?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Magħmudija​—Kif?
  • Raġuni Ġdida għall-​Magħmudija
  • L-​Għarfien Eżatt Huwa Essenzjali
  • Importanti li Tindem u Ddur Lura
  • Id-​Dedikazzjoni b’Qalbna Kollha Hija Vitali
  • Hemm Xi Ħaġa Żżommok Lura?
  • Il-​Magħmudija u r-​Relazzjoni Tiegħek m’Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • X’Inhi l-Magħmudija?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • It-Tifsira tal-Magħmudija Tiegħek
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • It-Tifsira tal-Magħmudija Tiegħek
    Qim lill-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 4/1 pp. 10-15

Għala Titgħammed?

“Morru . . . agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom.”​—Mattew 28:19.

1, 2. (a) Xi magħmudijiet taħt liema ċirkustanzi saru? (b) Liema mistoqsijiet iqumu rigward il-​magħmudija?

FIS-​SNIN 775-​77 E.K., Karlumanju, ir-​Re tal-​Franki, ordna lis-​Sassoni, li kienu waqgħu taħt idejh, biex jitgħammdu kollha kemm huma. “Hu sforzahom biex jikkonvertu għal Kristjanità taʼ l-​isem,” kiteb John Lord, studjuż taʼ l-​istorja. Bl-​istess mod, wara li żżewweġ prinċipessa Ortodossa Griega fis-​sena 987 E.K., il-​ħakkiem Russu Vladimir I iddeċieda li ċ-​ċittadini tiegħu kellhom isiru “Kristjani.” Hu ordna lin-​nies tiegħu kollha biex jitgħammdu, u min jirrifjuta kien se jingħata l-​mewt!

2 Kienu xierqa dawn il-​magħmudijiet? Għandhom sinifikat veru? Jistaʼ jitgħammed min ġie ġie?

Magħmudija​—Kif?

3, 4. It-tbexxix jew it-​tferrigħ taʼ l-​ilma fuq ir-​ras għala m’huwiex magħmudija Kristjana xierqa?

3 Meta Karlumanju u Vladimir I sforzaw lin-​nies biex jitgħammdu, dawk il-​ħakkiema ma kinux qed jaġixxu fi qbil mal-​Kelma t’Alla. Fil-​fatt, ma jsir ebda ġid meta l-​magħmudijiet isiru bit-​traxxix taʼ l-​ilma, it-​tferrigħ taʼ l-​ilma fuq ir-​ras, jew saħansitra t-​tgħaddis taħt l-​ilma taʼ nies li ma ġewx mgħallmin il-​verità tal-​Bibbja.

4 Ikkunsidra x’ġara meta Ġesù taʼ Nazaret mar għand Ġwanni l-​Għammied fis-​sena 29 E.K. Ġwanni kien qed jgħammed lin-​nies fix-​Xmara Ġordan. Kienu ġew għandu minn jeddhom għall-​magħmudija. Qagħdu huma sempliċement bil-​wieqfa fil-​Ġordan waqt li hu ferrgħalhom xi ftit ilma tax-​xmara fuq rashom jew raxxaxhom bih? X’ġara meta Ġwanni għammed lil Ġesù? Mattew jgħidilna: “Ġesù, wara li tgħammed, minnufih talaʼ mill-​ilma.” (Mattew 3:16) Hu kien tniżżel fl-​ilma, għax kien ġie mgħaddas fix-​Xmara Ġordan. Bl-​istess mod, l-​ewnuku Etjopjan, li kien raġel devot, ġie mgħammed “f’post fejn kien hemm l-​ilma.” Dan kien meħtieġ għaliex il-​magħmudijiet taʼ Ġesù u tad-​dixxipli tiegħu kienu jinvolvu t-​tgħaddis totali taħt l-​ilma.—Atti 8:36.

5. Il-​Kristjani tal-​bidu kif kienu jgħammdu lin-​nies?

5 Il-​kliem Grieg tradott “tgħammed,” “magħmudija,” eċċ., jirreferi għal tgħaddis, jew tfigħ taħt l-​ilma. Smith’s Bible Dictionary jgħid: “Magħmudija tfisser eżatt, u letteralment, tgħaddis.” B’hekk, ċerti traduzzjonijiet tal-​Bibbja jirreferu għal “Ġwanni l-​Għaddâs” u “Ġwanni li jniżżel in-​nies taħt l-​ilma.” (Mattew 3:​1, Rotherham; Diaglott interlinear) Il-​ktieb History of the Christian Religion and Church, During the Three First Centuries taʼ Awgustu Neander josserva: “Oriġinalment, il-​magħmudija kienet issir billi wieħed jiġi mgħaddas taħt l-​ilma.” Larousse du XXe Siècle (Pariġi, 1928), xogħol letterarju Franċiż magħruf ħafna, jikkummenta: “L-​ewwel Kristjani ħadu l-​magħmudija billi ġew mgħaddsin taħt l-​ilma kulfejn dan kien jinsab.” U n-​New Catholic Encyclopedia tgħid: “Huwa evidenti li l-​Magħmudija fil-​Knisja tal-​bidu kienet issir bit-​tgħaddis.” (1967, it-​Tieni Volum, paġna 56)a Hekk ukoll illum, il-​magħmudija tax-​Xhieda taʼ Jehovah hija pass volontarju li jinvolvi t-​tgħaddis totali taħt l-​ilma.

Raġuni Ġdida għall-​Magħmudija

6, 7. (a) Ġwanni għal liema skop kien jgħammed? (b) X’kien hemm ġdid dwar il-​magħmudija tas-​segwaċi taʼ Ġesù?

6 Il-​magħmudijiet li għamel Ġwanni kienu differenti fl-​iskop minn dawk li wettqu s-​segwaċi taʼ Ġesù. (Ġwann 4:​1, 2) Ġwanni kien jgħammed lin-​nies fil-​pubbliku b’simbolu taʼ l-​indiema tagħhom għad-​dnubiet li għamlu kontra l-​Liġi.b (Luqa 3:3) Iżda fil-​magħmudija tas-​segwaċi taʼ Ġesù kien hemm involuta xi ħaġa ġdida. F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​appostlu Pietru ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-​isem taʼ Ġesù Kristu għall-​maħfra taʼ dnubietkom.” (Atti 2:​37-41) Għalkemm kien qed jindirizza lil-​Lhud u l-​proseliti, Pietru ma kienx qed jitkellem dwar magħmudija b’simbolu taʼ l-​indiema għad-​dnubiet kontra l-​Liġi; lanqas ma ried ifisser li l-​magħmudija f’isem Ġesù tiffigura li wieħed jindaf minn dnubietu.—Atti 2:10.

7 F’dik l-​okkażjoni, Pietru uża l-​ewwel wieħed mill-​“imfietaħ tas-​Saltna.” Għal liema skop? Sabiex jikxef għas-​semmiegħa tiegħu l-​għarfien dwar l-​opportunità li kellhom biex jidħlu fis-​Saltna tas-​smewwiet. (Mattew 16:19) Peress li l-​Lhud kienu ċaħdu lil Ġesù bħala l-​Messija, huma ma setgħux ifittxu l-​maħfra mingħand Alla u jirċivuha mingħajr l-​indiema u t-​turija taʼ fidi f’Ġesù, għax dan kien fattur ġdid u vitali għalihom. Huma setgħu jagħtu evidenza fil-​pubbliku taʼ din il-​fidi billi jiġu mgħaddsin taħt l-​ilma f’isem Ġesù Kristu. B’dan il-​mod kienu se jissimbolizzaw id-​dedikazzjoni persunali tagħhom lil Alla permezz taʼ Kristu. Kulmin illum jixtieq ikollu l-​approvazzjoni t’Alla jrid jeżerċita fidi simili, jiddedika lilu nnifsu lil Alla Jehovah, u jirċievi l-​magħmudija Kristjana b’simbolu taʼ dedikazzjoni bla riżerva lil dak Alla l-​Iktar Għoli.

L-​Għarfien Eżatt Huwa Essenzjali

8. Għala mhux kulħadd jikkwalifika għall-​magħmudija Kristjana?

8 Mhux kulħadd jikkwalifika għall-​magħmudija Kristjana. Ġesù ordna lis-​segwaċi tiegħu: “Morru . . . agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:​19, 20) Qabel jitgħammdu, in-​nies iridu jiġu ‘mgħallmin iħarsu dak kollu li Ġesù ordna lid-​dixxipli tiegħu.’ Għaldaqstant, magħmudijiet sforzati li jsiru lil nies li m’għandhomx fidi bbażata fuq għarfien eżatt dwar il-​Kelma t’Alla huma bla valur u kontra l-​inkarigu li Ġesù ta lis-​segwaċi veri tiegħu.—Lhud 11:6.

9. Xi jfisser li titgħammed “fl-​isem tal-​Missier”?

9 Xi jfisser li titgħammed ‘fl-​isem tal-​Missier’? Ifisser li l-​kandidat tal-​magħmudija jirrikonoxxi l-​pożizzjoni u l-​awtorità taʼ Missierna tas-​sema. B’hekk, Alla Jehovah jiġi rikonoxxut bħala l-​Ħallieq tagħna, l-​Iktar “Għoli fuq l-​art kollha,” u s-​Sovran Universali.—Salm 83:19 (83:​18, NW); Isaija 40:28; Atti 4:​24.

10. Xi jfisser li titgħammed ‘fl-​isem taʼ l-​Iben’?

10 Li titgħammed ‘fl-​isem taʼ l-​Iben’ ifisser li tirrikonoxxi l-​pożizzjoni u l-​awtorità taʼ Ġesù bħala l-​Iben waħdieni t’Alla. (1 Ġwann 4:9) Dawk li jikkwalifikaw għall-​magħmudija jaċċettaw lil Ġesù bħala dak li permezz tiegħu Alla pprovda “fidwa għall-​kotra.” (Mattew 20:28; 1 Timotju 2:​5, 6) Il-​kandidati tal-​magħmudija jridu jirrikonoxxu wkoll li Alla ‘għolla’ lil Ibnu għal pożizzjoni superjuri.​—Filippin 2:​8-​11; Apokalissi 19:16.

11. Xi jfisser li titgħammed ‘fl-​isem taʼ l-​Ispirtu s-​Santu’?

11 X’inhu s-​sinifikat taʼ magħmudija ‘fl-​isem taʼ l-​Ispirtu s-​Santu’? Dan jindika li l-​kandidati tal-​magħmudija jirrikonoxxu li l-​ispirtu s-​santu huwa l-​forza attiva taʼ Jehovah li tintuża f’diversi modi fi qbil maʼ l-​iskop tiegħu. (Ġenesi 1:2; 2 Samwel 23:​1, 2; 2 Pietru 1:​21) Dawk li jikkwalifikaw għall-​magħmudija jirrikonoxxu li l-​ispirtu s-​santu jgħinhom jifhmu l-​affarijiet profondi t’Alla, iwettqu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna, u juru l-​frott taʼ l-​ispirtu—“l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan.”​—1 Korintin 2:​10; Galatin 5:​22, 23; Ġoel 2:​28, 29.

Importanti li Tindem u Ddur Lura

12. Il-​magħmudija Kristjana kif inhi assoċjata maʼ l-​indiema?

12 Ħlief fil-​każ taʼ Ġesù li kien bla dnub, il-​magħmudija hija simbolu approvat minn Alla assoċjat maʼ l-​indiema. Meta nindmu, inħossu dispjaċir jew sogħba profonda, dwar xi ħaġa li għamilna jew inqasna li nagħmlu. Il-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu li riedu jogħġbu lil Alla kellhom jindmu minn dnubiethom kontra Kristu. (Atti 3:​11-​19) Xi Ġentili f’Korintu nidmu miż-​żína, l-​idolatrija, is-​serq, u dnubiet gravi oħrajn. Minħabba l-​indiema tagħhom, huma ġew ‘imnaddfin’ fid-​demm taʼ Ġesù; ġew ‘imqaddsin,’ jew imwarrba apparti, għas-​servizz t’Alla; u ġew ‘ġustifikati’ f’isem Kristu u bl-​ispirtu t’Alla. (1 Korintin 6:​9-​11) L-​indiema hija pass vitali biex wieħed jikseb kuxjenza nadifa u serħan mogħti minn Alla mill-​ħtija tad-​dnub.​—1 Pietru 3:​21.

13. Rigward il-​magħmudija, x’tinvolvi l-​konverżjoni?

13 Il-​konverżjoni tagħna trid isseħħ qabel ma nitgħammdu bħala Xhieda taʼ Jehovah. Il-​konverżjoni hija att volontarju li jsir spontanjament minn xi ħadd li jkun ħa d-​deċiżjoni b’qalbu kollha li jsegwi lil Kristu Ġesù. Dan l-​individwu jiċħad it-​triq ħażina taʼ qabel u jiddeċiedi li jagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Alla. Fl-​Iskrittura, kemm bl-​Ebrajk u kemm bil-​Grieg, il-​verbi li jirreferu għal konverżjoni għandhom is-​sens li ddur, terġaʼ lura. Dan l-​att ifisser dawrien lejn Alla minn triq ħażina. (1 Slaten 8:​33, 34) Il-​konverżjoni tesiġi “opri xierqa taʼ ndiema.” (Atti 26:20) Tirrikjedi li nabbandunaw il-​qima falza, naġixxu fi qbil mal-​kmandamenti t’Alla, u nagħtu devozzjoni esklużiva lil Jehovah. (Dewteronomju 30:​2, 8-​10; 1 Samwel 7:3) Il-​konverżjoni twassal għal bidliet fil-​ħsibijiet, fl-​objettivi, u fil-​personalità tagħna. (Eżekjel 18:31) Aħna ‘nerġgħu lura’ hekk kif karatteristiċi ħżiena jagħmlu l-​wisaʼ għall-​personalità l-​ġdida.​—Atti 3:​19; Efesin 4:​20-​24; Kolossin 3:​5-​14.

Id-​Dedikazzjoni b’Qalbna Kollha Hija Vitali

14. X’tifsir għandha d-​dedikazzjoni tas-​segwaċi taʼ Ġesù?

14 Il-​magħmudija tas-​segwaċi taʼ Ġesù trid tiġi wkoll wara li tkun saret id-​dedikazzjoni b’qalb sħiħa lil Alla. Id-​dedikazzjoni tfisser li persuna titwarrab apparti għal skop sagru. Dan il-​pass tant hu importanti li għandna nesprimu fit-​talb lil Jehovah id-​deċiżjoni tagħna li nagħtuh devozzjoni esklużiva għal dejjem. (Dewteronomju 5:9) M’għandniex xi ngħidu, id-​dedikazzjoni tagħna ma ssirx lil xi xogħol jew lil xi bniedem iżda lil Alla nnifsu.

15. Il-​kandidati tal-​magħmudija għala jiġu mgħaddsin taħt l-​ilma?

15 Meta niddedikaw lilna nfusna lil Alla permezz taʼ Kristu, aħna nesprimu determinazzjoni li se nużaw ħajjitna biex nagħmlu r-​rieda t’Alla kif insibuha fl-​Iskrittura. B’simbolu taʼ din id-​dedikazzjoni, il-​kandidati tal-​magħmudija jiġu mgħaddsin taħt l-​ilma, bħalma Ġesù ġie mgħammed fix-​Xmara Ġordan biex jissimbolizza l-​preżentazzjoni tiegħu nnifsu lil Alla. (Mattew 3:13) Taʼ min jinnota li Ġesù kien qed jitlob f’din l-​okkażjoni tassew importanti.—Luqa 3:​21, 22.

16. Il-​ferħ tagħna kif jistaʼ jintwera b’mod xieraq meta naraw lin-​nies jitgħammdu?

16 Il-​magħmudija taʼ Ġesù kienet ġrajja serja iżda ferriħija. Hekk ukoll hi l-​magħmudija tal-​Kristjani llum. Meta naraw nies qed jissimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla, il-​ferħ tagħna jistaʼ jintwera b’applaws taʼ rispett u billi nifirħulhom mill-​qalb. Iżda għajat, tisfir, u affarijiet bħal dawn jiġu evitati b’rispett lejn il-​qdusija taʼ din l-​espressjoni taʼ fidi. Nesprimu l-​ferħ tagħna b’mod dinjituż.

17, 18. X’jgħin biex jiġi determinat jekk individwu jikkwalifikax għall-​magħmudija jew le?

17 Kuntrarju għal dawk li jroxxu l-​ilma fuq it-​trabi jew jisforzaw il-​magħmudija fuq popolazzjonijiet sħaħ taʼ nies li m’għandhomx l-​għarfien tal-​Bibbja, ix-​Xhieda taʼ Jehovah qatt ma jobbligaw lil ħadd biex jitgħammed bilfors. Fil-​fatt, ma jgħammduhomx lil dawk li ma jikkwalifikawx spiritwalment. Saħansitra qabel ma xi ħadd ikun jistaʼ jsir predikatur mhux mgħammed taʼ l-​aħbar tajba, l-​anzjani Kristjani jaraw li dan jifhem it-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja, jgħix fi qbil miegħu, u jwieġeb fl-​affermattiv għal mistoqsija taʼ din ix-​xorta, “Trid verament issir wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah?”

18 Fil-​biċċa l-​kbira, meta individwu jkun qed jieħu sehem sinifikanti fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u jesprimi x-​xewqa li jrid jitgħammed, l-​anzjani Kristjani jiddiskutu miegħu biex jaraw li dan iħaddan il-​fidi, iddedika ruħu lil Jehovah, u jissodisfa l-​ħtiġijiet t’Alla għall-​magħmudija. (Atti 4:4; 18:8) L-​individwu jwieġeb fi kliemu stess għal iktar minn 100 mistoqsija dwar it-​tagħlim tal-​Bibbja. Dan jgħin lill-​anzjani jiddeterminaw jekk hu jikkwalifikax Skritturalment sabiex jiġi mgħaddas taħt l-​ilma. Xi wħud ma jikkwalifikawx, u għalhekk ma jiġux aċċettati għall-​magħmudija Kristjana.

Hemm Xi Ħaġa Żżommok Lura?

19. Meta tqis dak li nsibu fi Ġwann 6:​44, min se jkunu l-​werrieta sħab maʼ Ġesù?

19 Ħafna li ġew imġagħlin jipparteċipaw f’magħmudijiet taʼ popolazzjonijiet sħaħ forsi ntqalilhom li meta jmutu kienu se jmorru s-​sema. Imma meta rrefera għas-​segwaċi li jimxu fuq il-​passi tiegħu, Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-​Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” (Ġwann 6:44) Jehovah ġibed lejn Kristu 144,000 li se jkunu werrieta sħab maʼ Ġesù fis-​Saltna tas-​sema. Magħmudija sforzata qatt ma qaddset lil ħadd għal dan il-​post glorjuż fl-​arranġament t’Alla.​—Rumani 8:​14-​17; 2 Tessalonikin 2:​13; Apokalissi 14:1.

20. X’jistaʼ jgħin lil xi wħud li għadhom ma tgħammdux?

20 B’mod partikulari minn nofs is-​snin tletin tas-​seklu l-​ieħor, kotriet kbar li jittamaw li jibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni l-​kbira u li jgħixu fuq l-​art għal dejjem ngħaqdu man-​“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù. (Apokalissi 7:​9, 14; Ġwann 10:16) Huma jikkwalifikaw għall-​magħmudija għaliex ġabu ħajjithom fi qbil mal-​Kelma t’Alla u jħobbuh ‘b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, b’saħħithom kollha, u b’moħħhom kollu.’ (Luqa 10:25-28) Għalkemm xi nies jirrealizzaw li x-​Xhieda taʼ Jehovah ‘jaduraw lil Alla fl-​ispirtu u l-​verità,’ dawn għadhom ma segwewx l-​eżempju taʼ Ġesù u taw evidenza fil-​pubbliku taʼ mħabba ġenwina u devozzjoni esklużiva lejn Jehovah billi tgħammdu. (Ġwann 4:​23, 24; Dewteronomju 4:​24; Mark 1:​9-​11) Talb ħerqan u speċifiku rigward dan il-​pass vitali jistaʼ jipprovdilhom l-​inċentiv u l-​kuraġġ meħtieġ biex iġibu ħajjithom fi qbil sħiħ mal-​Kelma t’Alla, jiddedikaw ruħhom bla riżerva lil Alla Jehovah, u jitgħammdu.

21, 22. Xi wħud għal liema raġunijiet iżommu lura mid-​dedikazzjoni u l-​magħmudija?

21 Xi wħud iżommu lura mid-​dedikazzjoni u l-​magħmudija għaliex tant ikunu involuti fl-​attivitajiet tad-​dinja jew fil-​ġiri wara l-​għana li ftit li xejn ikollhom ħin għal affarijiet spiritwali. (Mattew 13:22; 1 Ġwann 2:​15-​17) Kemm ikunu henjin li kieku jbiddlu l-​ħarsa u l-​mira tagħhom! Jekk jersqu eqreb lejn Jehovah se jistagħnew spiritwalment, se jiġu megħjunin biex jittaffewlhom l-​ansjetajiet, u se jkollhom is-​sliem u s-​sodisfazzjon li jiġu meta wieħed jagħmel ir-​rieda t’Alla.​—Salm 16:11; 40:9 (40:​8, NW); Proverbji 10:22; Filippin 4:​6, 7.

22 Oħrajn jgħidu li jħobbuh lil Jehovah imma ma jiddedikawx ruħhom u jitgħammdu għax jaħsbu li b’hekk ma jkollhomx responsabbiltà quddiem Alla. Iżda kull wieħed minna jrid jagħti kont lil Alla. Ir-​responsabbiltà waqgħet fuqna meta smajna l-​kelma taʼ Jehovah. (Eżekjel 33:​7-9; Rumani 14:12) Bħala ‘poplu magħżul,’ l-​Iżraelin tal-​qedem twieldu f’ġens dedikat lil Jehovah, u għalhekk kellhom l-​obbligu li jaqduh fedelment fi qbil mal-​kmandamenti tiegħu. (Dewteronomju 7:​6, 11) Illum ħadd ma jitwieled bħala qaddej dedikat t’Alla, imma jekk irċivejna tagħrif eżatt mill-​Iskrittura, b’fidi għandna naġixxu fi qbil miegħu.

23, 24. Liema affarijiet m’għandhomx ibeżżgħu lil individwu u jżommuh lura milli jitgħammed?

23 Il-​biżaʼ li m’għandhomx għarfien biżżejjed jistaʼ jżomm lura lil xi wħud mill-​magħmudija. Madankollu, ilkoll kemm aħna għandna ħafna x’nitgħallmu għaliex ‘il-​bnedmin qatt ma se jirnexxilhom jikxfu x’għamel Alla mill-​bidu sat-​tmiem.’ (Koħèlet 3:11) Ikkunsidra l-​ewnuku Etjopjan. Bħala proselit, hu kellu xi għarfien taʼ l-​Iskrittura, imma ma setax iwieġeb kull mistoqsija dwar l-​iskopijiet t’Alla. Madankollu, wara li tgħallem dwar il-​provvediment taʼ Jehovah għas-​salvazzjoni permezz tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù, l-​ewnuku mill-​ewwel tgħammed fl-​ilma.​—Atti 8:​26-​38.

24 Xi wħud joqogħdu jaħsbuha biex jiddedikaw ruħhom lil Alla għaliex jibżgħu li ma jirnexxilhomx jibqgħu sodi. Monique, li għandha 17-il sena, tgħid: “Jien ilni naħsibha biex nitgħammed għax nibżaʼ li ma jirnexxilix nibqaʼ miexja fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħi.” Madankollu, jekk nafdaw f’Jehovah b’qalbna kollha, ‘hu jwittilna triqatna.’ Hu se jgħinna biex nibqgħu “mexjin fil-​verità” bħala qaddejja dedikati u leali tiegħu.​—Proverbji 3:​5, 6; 3 Ġwann 4.

25. Liema mistoqsija issa xieraq li nikkunsidraw?

25 Minħabba fiduċja assoluta f’Jehovah u mħabba mill-​qalb għalih, kull sena eluf iħossuhom imqanqlin biex jiddedikaw ruħhom u jitgħammdu. U ċertament li l-​qaddejja dedikati kollha t’Alla jixtiequ jkunu leali lejh. Madankollu, aħna qed ngħixu fi żminijiet kritiċi, u qed niffaċċjaw diversi provi tal-​fidi. (2 Timotju 3:​1-5) X’nistgħu nagħmlu biex ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna lil Jehovah? Dan se nikkunsidrawh fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Fil-Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija, in-​nota taʼ taħt għal Rumani 6:3 tgħid: “Fi żmien l-​Appostlu [Pawlu] min jitgħammed kien jogħdos bħallikieku ndifen fl-​ilma.”

b Peress li Ġesù kien bla dnub, hu ma tgħammidx b’simbolu taʼ l-​indiema. Il-​magħmudija tiegħu kienet simbolu tal-​preżentazzjoni tiegħu nnifsu lil Alla biex jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru.—Lhud 7:26; 10:​5-10.

Tiftakar Int?

• Kif issir il-​magħmudija Kristjana?

• Liema għarfien hu meħtieġ biex wieħed jitgħammed?

• Liema passi jwasslu għall-​magħmudija tal-​Kristjani veri?

• Xi wħud għala jżommu lura mill-​magħmudija, imma dawn kif jistgħu jiġu megħjunin?

[Stampi f’paġna 14]

Taf xi jfisser li titgħammed ‘fl-​isem tal-​Missier, taʼ l-​Iben, u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu’?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja