LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 4/15 pp. 13-18
  • Il-Liġijiet Divini Huma għall-Benefiċċju Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Liġijiet Divini Huma għall-Benefiċċju Tagħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah​—Il-​Leġislatur bi Dritt
  • Il-​Liġi taʼ Jehovah Hija Vasta
  • Raġunijiet Għala Għandna Ngħożżu l-​Liġi taʼ Jehovah
  • Barkiet għal Dawk li Jobdu l-​Liġijiet t’Alla
  • “Il-Liġi tal-Mulej perfetta”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Qegħdin Aħna Taħt L-Għaxar Kmandamenti?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Il-Liġi Qabel Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Liġi taʼ Mħabba f’Qalbna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 4/15 pp. 13-18

Il-​Liġijiet Divini Huma għall-​Benefiċċju Tagħna

“Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek!”—SALM 119:97.

1. X’attitudni komuni teżisti rigward l-​ubbidjenza lejn il-​liġijiet divini?

L-​UBBIDJENZA lejn il-​liġijiet divini xejn m’hi popolari llum. Għal ħafna, ma jagħmilx sens li joqogħdu għal xi awtorità ogħla inviżibbli. Aħna qegħdin ngħixu f’perijodu fejn ħafna għandhom l-​idea li l-​valuri morali jistgħu jinbidlu, fejn il-​limiti li jiddistingwu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin huma mċajprin, u fejn il-​kundizzjonijiet u s-​sitwazzjonijiet mhux la kemm jiġu timbrati tajbin jew ħżiena. (Proverbji 17:15; Isaija 5:​20) Stħarriġ li sar dan l-​aħħar irrifletta mod taʼ ħsieb li huwa komuni f’ħafna soċjetajiet sekularizzati. Dan wera li “l-​biċċa l-​kbira mill-​Amerikani jridu jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu ġust, tajjeb u taʼ skop.” Huma jippreferu tip taʼ Alla li m’huwiex aħrax, jagħżlu li ma jkollhom l-​ebda regoli stretti, u ma jridux li fuqhom ikollhom lil xi ħadd superjuri li jkollu konvinzjonijiet morali jew konvinzjonijiet oħra. Ċertu analista soċjali osserva li llum “l-​individwi huma mistennijin li jiddeterminaw għalihom infushom xi jfisser li tgħix ħajja tajba u morali.” Hu kompla: “Kwalunkwe tip t’awtorità ogħla trid taddatta l-​kmandamenti tagħha għall-​bżonnijiet tan-​nies reali.”

2. Ir-​rakkont fejn il-​liġi tissemma għall-​ewwel darba fil-​Bibbja, kif inhu marbut mill-​qrib mal-​barka u l-​approvazzjoni t’Alla?

2 Ladarba tant nies qed jiddubitaw mill-​valur tal-​liġijiet taʼ Jehovah, għandna bżonn insaħħu l-​konvinzjoni tagħna li l-​livelli divini huma għall-​benefiċċju tagħna. Ir-​rakkont fejn il-​liġi tissemma għall-​ewwel darba fil-​Bibbja huwa interessanti u taʼ min jikkunsidrah. F’Ġenesi 26:​5, naqraw il-​kliem t’Alla: “Abraham samaʼ minn kliemi u l-​ordnijiet, it-​twissijiet, il-​kmandamenti u l-​liġijiet tiegħi.” Dan il-​kliem intqal sekli qabel ma Jehovah ta lid-​dixxendenti t’Abraham kodiċi tal-​liġi dettaljata. Alla kif ippremja l-​ubbidjenza t’Abraham, inkluż l-​ubbidjenza lejn il-​liġijiet Tiegħu? Alla Jehovah wiegħdu: “Jitbierku b’nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art talli smajt minn kelmti.” (Ġenesi 22:18) Għaldaqstant, l-​ubbidjenza għal-​liġijiet t’Alla hija marbuta mill-​qrib mal-​barka u l-​approvazzjoni t’Alla.

3. (a) Liema sentiment esprima wieħed mis-​salmisti rigward il-​liġi taʼ Jehovah? (b) Liema mistoqsijiet jixraq li nikkunsidraw?

3 Wieħed mis-​salmisti—x’aktarx prinċep taʼ Ġuda li wara sar sultan—esprima sentiment li ġeneralment ma jiġix assoċjat mal-​liġi. Hu esklama lil Alla: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek!” (Salm 119:​97, korsiv tagħna.) Din ma kinitx xi espressjoni mqanqla mill-​emozzjoni tal-​mument. Kienet espressjoni taʼ mħabba għar-​rieda t’Alla kif spjegata fil-​liġi tiegħu. Ġesù Kristu, l-​Iben perfett t’Alla, kellu l-​istess sentimenti. Ġesù ġie deskritt b’mod profetiku bħala li qed jgħid: ‘Li nagħmel ir-​rieda tiegħek, Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-​liġi tiegħek ġewwa qalbi.’ (Salm 40:9 [40:​8, NW]; Lhud 10:9) Xi ngħidu għalina? Hija l-​għaxqa tagħna li nagħmlu r-​rieda t’Alla? Konvinti aħna li l-​liġijiet taʼ Jehovah huma siewja u taʼ benefiċċju? X’post għandha l-​ubbidjenza għal-​liġijiet t’Alla fil-​qima tagħna, fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum, meta niġu biex nieħdu xi deċiżjoni, u fir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn? Sabiex inħobbu l-​liġi divina, ikun tajjeb li nifhmu għala Alla għandu d-​dritt li jagħmel il-​liġijiet u jara li jiġu obduti.

Jehovah​—Il-​Leġislatur bi Dritt

4. Jehovah għala huwa bi dritt l-​aqwa Leġislatur?

4 Bħala l-​Ħallieq, Jehovah huwa bi dritt l-​aqwa Leġislatur fl-​univers. (Apokalissi 4:11) Il-​profeta Isaija stqarr: “Il-​Mulej [hu] il-​leġislatur tagħna.” (Isaija 33:22) Hu stabbilixxa l-​liġijiet fiżiċi li jikkontrollaw kemm il-​ħlejjaq ħajjin kif ukoll dawk bla ħajja. (Ġob 38:​4-​38; 39:​1-​12; Salm 104:​5-​19) Bħala ħolqien t’Alla, il-​bniedem huwa suġġett għal-​liġijiet fiżiċi taʼ Jehovah. U għalkemm il-​bniedem għandu l-​libertà li jagħżel bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, u kapaċi jirraġuna, huwa jkun ferħan biss meta jissottometti ruħu għal-​liġijiet morali u spiritwali t’Alla.—Rumani 12:​1, NW; 1 Korintin 2:​14-16.

5. Kemm huwa minnu l-​prinċipju f’Galatin 6:7 rigward il-​liġijiet divini?

5 Bħalma nafu, ħadd ma jistaʼ jmur kontra l-​liġijiet fiżiċi taʼ Jehovah. (Ġeremija 33:​20, 21) Jekk xi ħadd imur kontra xi liġi fiżika, bħal-​liġi tal-​gravità, ikollu jġarrab il-​konsegwenzi. B’mod simili, il-​liġijiet morali t’Alla ma jinbidlux, u ħadd ma jistaʼ jaħrab minnhom jew jiksirhom u jgħaddiha lixxa. Sewwa sew bħalma l-​liġijiet tan-​natura ma jistgħux jinkisru daqstant ieħor ma jistgħux jinkisru l-​liġijiet morali, għalkemm ir-​riżultat jistaʼ ma jkunx daqshekk immedjat. “Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.”—Galatin 6:7; 1 Timotju 5:24.

Il-​Liġi taʼ Jehovah Hija Vasta

6. Kemm hija vasta l-​liġi divina?

6 Il-​Liġi taʼ Mosè kienet mod li jispikka taʼ kif il-​liġi divina setgħet tiġi komunikata lin-​nies. (Rumani 7:12) Maż-​żmien, Alla Jehovah biddel il-​Liġi Mosajka ‘mal-​liġi taʼ Kristu.’a (Galatin 6:2; 1 Korintin 9:​21) Bħala Kristjani taħt “il-​liġi perfetta tal-​ħelsien,” nifhmu li Alla ma jillimitax id-​direttivi tiegħu għal ċerti aspetti tal-​ħajja tagħna, bħalma hu t-​twemmin duttrinali jew ir-​riti ċerimonjali. Il-​livelli tiegħu jkopru kull aspett taʼ ħajjitna, inkluż kwistjonijiet tal-​familja u tan-​negozju, l-​imġiba maʼ dawk tas-​sess oppost, l-​attitudni lejn sħabna l-​Kristjani, u l-​parteċipazzjoni fil-​qima vera.—Ġakbu 1:​25, 27.

7. Agħti eżempji taʼ liġijiet divini importanti.

7 Per eżempju, il-​Bibbja tgħid: “La żienja, la idolatri, la adulteri, la effemminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-​nies, la ħattafa, ma jirtu s-​saltna taʼ Alla!” (1 Korintin 6:​9, 10) Iva, l-​adulterju u ż-​żína m’humiex sempliċement “relazzjonijiet taʼ mħabba.” L-​atti omosesswali m’humiex sempliċement “stil taʼ ħajja differenti.” Dawn imorru kontra l-​liġi taʼ Jehovah. U l-​istess jagħmlu s-​serq, il-​gideb, u l-​malafama. (Salm 101:5; Kolossin 3:9; 1 Pietru 4:​15) Ġakbu kkundanna l-​ftaħir, filwaqt li Pawlu wissiena biex nevitaw kliem baxx u ġesti vulgari. (Efesin 5:4; Ġakbu 4:​16) Għall-​Kristjani, dawn ir-​regoli taʼ kondotta huma kollha parti mil-​liġi perfetta t’Alla.—Salm 19:8 (19:​7, NW).

8. (a) X’inhi n-​natura tal-​liġi taʼ Jehovah? (b) X’inhi t-​tifsira bażika tal-​kelma Ebrajka għal “liġi”?

8 Regoli bażiċi bħal dawn fil-​Kelma taʼ Jehovah juru li l-​liġi tiegħu hija bil-​wisq iktar minn sempliċi lista taʼ statuti riġidi u neqsin mis-​sensittività. Tifforma l-​bażi għal ħajja bilanċjata u produttiva, u teffettwa kull aspett tal-​kondotta għall-​aħjar. Il-​liġi divina hija ġusta, istruttiva, u tibni. (Salm 119:72) Il-​kelma “liġi” bħalma jużaha s-​salmista hija tradotta mill-​kelma Ebrajka toh·rahʹ. Ċertu studjuż tal-​Bibbja jgħid: “Din il-​kelma ġejja minn verb li jfisser tidderieġi, tiggwida, timmira, tispara ’l quddiem. . . . Allura, it-​tifsira tagħha trid tkun regola taʼ kondotta.” Għas-​salmista, il-​liġi kienet rigal mingħand Alla. M’għandniex aħna nistmawha bl-​istess mod u nħalluha tinfluwenzalna ħajjitna?

9, 10. (a) Għala għandna bżonn direzzjoni taʼ min joqgħod fuqha? (b) Liema huwa l-​uniku mod kif jistaʼ jkollna ħajja ferħana u taʼ suċċess?

9 Il-​ħlejjaq kollha jeħtieġu direzzjoni taʼ min joqgħod fuqha u gwida li tistaʼ tafdaha. Dan japplika għal Ġesù u anġli oħra, li huma superjuri għall-​bnedmin. (Salm 8:6 [8:​5, NW]; Ġwann 5:30; 6:38; Lhud 2:​7; Apokalissi 22:​8, 9) Jekk saħansitra dawn il-​ħlejjaq perfetti jistgħu jibbenefikaw mill-​gwida divina, mela kemm iktar jistgħu jibbenefikaw bnedmin imperfetti! L-​istorja tal-​bniedem u l-​esperjenza persunali tagħna wrew biċ-​ċar kemm hija minnha l-​osservazzjoni tal-​profeta Ġeremija: “Jien naf, Mulej, triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.

10 Jekk nixtiequ li jkollna ħajja ferħana u taʼ suċċess, irridu nduru lejn Alla għall-​gwida. Is-​Sultan Salamun għaraf kemm huwa perikoluż li nagħmlu livell persunali fuqiex nimxu sabiex ngħixu ħajja indipendenti mill-​gwida divina: “Xi ħadd jistaʼ jaħseb li triqtu dritta, iżda mbagħad tmiemha jwassal għall-​mewt.”—Proverbji 14:12.

Raġunijiet Għala Għandna Ngħożżu l-​Liġi taʼ Jehovah

11. Għala għandna nixtiequ li nifhmu l-​liġi t’Alla?

11 Nagħmlu tajjeb jekk niżviluppaw xewqa kbira biex nifhmu l-​liġi taʼ Jehovah. Is-​salmista esprima xenqa bħal din meta qal: “Iftaħli għajnejja, biex nara l-​għeġubijiet tal-​liġi tiegħek.” (Salm 119:18) Iktar ma nsiru nafu lil Alla u l-​mogħdijiet tiegħu, iktar se napprezzaw kemm huwa minnu l-​kliem taʼ Isaija: “Jien il-​Mulej, Alla tiegħek, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek, u li jmexxik fit-​triq li għandek timxi. O li kieku [tismaʼ] mill-​kmandamenti tiegħi!” (Isaija 48:​17, 18, Karm Żammit) Jehovah jixtieq sinċerament li n-​nies tiegħu jevitaw l-​inkwiet u jgawdu l-​ħajja billi jisimgħu mill-​kmandamenti tiegħu. Ejja nikkunsidraw ftit mir-​raġunijiet ewlenin għala għandna ngħożżu l-​liġi t’Alla.

12. L-​għarfien li Jehovah għandu dwarna kif jagħmlu l-​aqwa Leġislatur?

12 Il-​liġi divina ġejja mill-​Wieħed li jafna l-​iktar. Ladarba Jehovah hu l-​Ħallieq tagħna, huwa loġiku li hu jaf il-​bnedmin sew. (Salm 139:​1, 2; Atti 17:​24-​28) La l-​ħbieb tal-​qalb, la l-​qraba, u saħansitra lanqas il-​ġenituri tagħna ma jafuna daqskemm jafna Jehovah. Mhux hekk biss, imma Alla jafna saħansitra iktar minn kemm aħna nafu lilna nfusna! Ħadd ma jifhem il-​bżonnijiet spiritwali, emozzjonali, mentali, u fiżiċi tagħna daqs il-​Ħallieq. Hekk kif jitfaʼ l-​attenzjoni tiegħu fuqna, hu juri li jifhem sa l-​iċken dettall kif aħna magħmulin, kif ukoll ix-​xewqat u l-​ambizzjonijiet tagħna. Jehovah jifhem il-​limitazzjonijiet tagħna, imma jaf ukoll x’possibbiltajiet għandna biex nagħmlu t-​tajjeb. Jgħid is-​salmista: “Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Għalhekk, jistaʼ jkollna sens taʼ sigurtà spiritwali hekk kif inħabirku biex nimxu fi qbil mal-​liġi tiegħu u nissottomettu ruħna minn jeddna għall-​gwida divina.—Proverbji 3:​19-26.

13. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah irid dak li hu l-​aħjar għalina?

13 Il-​liġi divina ġejja mill-​Wieħed li jħobbna. Alla huwa interessat profondament fil-​ġid dejjiemi tagħna. Ma kienx sagrifiċċju kbir għalih li jagħtina lil Ibnu “b’fidwa għall-​kotra”? (Mattew 20:28) Ma wegħedniex Jehovah li ‘mhux se jħallina niġġarrbu iktar milli nifilħu’? (1 Korintin 10:13) Ma taċċertaniex il-​Bibbja li ‘hu jaħseb fina’? (1 Pietru 5:7) Ħadd iktar minn Jehovah ma wera daqshekk interess ġenwin f’li jagħti lill-​bnedmin linji taʼ gwida għall-​benefiċċju tagħhom. Hu jaf x’inhu tajjeb għalina u x’jagħmilna ferħanin jew imnikktin. Avolja imperfetti u niżbaljaw, jekk inkomplu nfittxu t-​tjieba hu jurina mħabbtu b’modi li jagħtuna l-​ħajja u jġibulna l-​barkiet.—Eżekjel 33:11.

14. Il-​Liġi t’Alla b’liema mod importanti hija differenti mill-​ideat tal-​bniedem?

14 Il-​liġi t’Alla hija rassiguranti għax ma tinbidilx. F’dawn iż-​żminijiet imqallbin li qed ngħixu fihom, Jehovah hu bħal blata stabbli li ma titħarrikx, u ilu jeżisti minn dejjem taʼ dejjem u se jibqaʼ għall-​eternità. (Salm 90:2) Hu qal dwaru nnifsu: “Jien, il-​Mulej, ma tbiddiltx.” (Malakija 3:6) Il-​livelli t’Alla, bħalma huma mniżżlin fil-​Bibbja, huma taʼ min jorbot fuqhom kompletament—mhux bħall-​ideat tal-​bniedem li jinbidlu l-​ħin kollu. (Ġakbu 1:17) Per eżempju, il-​psikoloġi kienu ilhom snin isostnu li t-​tfal għandhom jitrabbew b’mod permissiv. Iżda żmien wara xi wħud bidlu fehmithom u ammettew li l-​parir tagħhom kien żbaljat. Il-​livelli u l-​linji taʼ gwida li toffri d-​dinja fuq dan is-​suġġett huma bħal qasba tixxejjer mar-​riħ. Madankollu, il-​Kelma taʼ Jehovah ma tinbidilx. Għal sekli sħaħ, il-​Bibbja tat pariri fuq kif trabbi t-​tfal bl-​imħabba. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.” (Efesin 6:4) Kemm iqawwilna qalbna l-​fatt li nkunu nafu li nistgħu noqogħdu fuq il-​livelli taʼ Jehovah; dawn qatt m’huma se jinbidlu!

Barkiet għal Dawk li Jobdu l-​Liġijiet t’Alla

15, 16. (a) X’se jkun ir-​riżultat jekk napplikaw il-​livelli taʼ Jehovah? (b) Il-​liġijiet t’Alla kif jistgħu juru li huma gwida taʼ min jorbot fuqha fiż-​żwieġ?

15 Permezz tal-​profeta tiegħu Isaija, Alla qal: “Kelmti li toħroġ minn fommi . . . jkollha r-​riżq.” (Isaija 55:​11, KŻ) Bl-​istess mod nistgħu nkunu ċerti li jekk nagħmlu l-​almu kollu tagħna biex nimxu fi qbil mal-​livelli li nsibu fil-​Kelma tiegħu, se jkollna suċċess, se nwettqu affarijiet tajbin, u se nsibu l-​ferħ.

16 Ikkunsidra kif il-​liġi t’Alla hija gwida taʼ min jorbot fuqha għal żwieġ li jirnexxi. “Ħalli jkun iż-​żwieġ tagħkom miżmum fil-​ġieħ minn kulħadd,” kiteb Pawlu, “u s-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-​żienja u mill-​adulteri.” (Lhud 13:4) L-​imseħbin fiż-​żwieġ iridu jirrispettaw u jħobbu lil xulxin: “Kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-​mara għandha ġġib rispett lil żewġha.” (Efesin 5:33) It-​tip taʼ mħabba li hi meħtieġa hija deskritta fl-​1 Korintin 13:​4-8: “L-​imħabba taf tistabar u tħenn; l-​imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-​oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-​deni, ma tifraħx bl-​inġustizzja, imma tifraħ bil-​verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-​imħabba ma tintemm qatt.” Żwieġ fejn tintwera mħabba bħal din m’hu se jfalli qatt.

17. Liema benefiċċji ngawdu jekk napplikaw il-​livelli taʼ Jehovah rigward l-​alkoħol?

17 Evidenza oħra li l-​livelli taʼ Jehovah huma taʼ benefiċċju hija l-​fatt li hu jikkundanna s-​sokor. Jehovah hu kontra wkoll taʼ li wieħed ‘ikun mogħti żżejjed għall-​inbid.’ (1 Timotju 3:​3, 8; Rumani 13:13) Ħafna li jinjoraw il-​livelli t’Alla f’din il-​kwistjoni jispiċċaw biex jimirdu kaġun tax-​xorb żejjed jew inkella jekk ikollhom xi marda, din tmur iktar għall-​agħar. Xi wħud injoraw il-​parir tal-​Bibbja dwar il-​moderazzjoni u qabdu l-​vizzju tax-​xorb biex “jgħinhom jirrilassaw.” Il-​problemi li jinħolqu minħabba s-​sokor huma ħafna, fosthom hemm it-​telf tar-​rispett, it-​tensjoni bejn il-​membri tal-​familja jew it-​tkissir taʼ familji, il-​ħela taʼ flus, u t-​telf taʼ l-​impjieg. (Proverbji 23:​19-​21, 29-​35) M’humiex tassew taʼ protezzjoni il-​livelli taʼ Jehovah rigward l-​alkoħol?

18. Huma l-​liġijiet t’Alla prattiċi fi kwistjonijiet finanzjarji? Spjega.

18 Il-​livelli t’Alla wrew li huma prattiċi wkoll fi kwistjonijiet finanzjarji. Il-​Bibbja tħeġġeġ lill-​Kristjani biex ikunu onesti u biżlin. (Luqa 16:10; Efesin 4:​28; Kolossin 3:​23) Minħabba li mxew fuq dan il-​parir, ħafna Kristjani ngħataw pożizzjoni aħjar, inkella żammew l-​impjieg tagħhom waqt li oħrajn ġew imkeċċijin. Wieħed jibbenefika wkoll finanzjarjament meta jevita drawwiet u vizzji li m’humiex skritturali bħal-​logħob taʼ l-​ażżard, it-​tipjip, u l-​abbuż tad-​drogi. Bla dubju tistaʼ taħseb f’ħafna eżempji oħrajn li juru kemm huma prattiċi l-​livelli t’Alla f’dik li hi ekonomija.

19, 20. Għala huwa għaqli li naċċettaw u nżommu mal-​liġijiet divini?

19 Huwa faċli għall-​bnedmin imperfetti li jitbiegħdu mil-​liġijiet u l-​livelli t’Alla. Aħseb ftit dwar l-​Iżraelin biswit il-​Muntanja Sinaj. Alla qalilhom: “Jekk tisimgħu leħni u żżommu l-​patt tiegħi, intom tkunu l-​wirt tiegħi minn fost il-​popli kollha.” Huma wieġbu: “Kull ma qal il-​Mulej aħna nagħmluh.” Madankollu, għamlu eżattament l-​oppost! (Eżodu 19:​5, 8; Salm 106:​12-43) Ejja ma nagħmlux bħalhom u naċċettaw il-​livelli t’Alla u nżommu magħhom.

20 Li nżommu mill-​qrib mal-​liġijiet uniċi li Jehovah ipprovdielna biex iservu bħala gwida f’ħajjitna mhux biss huwa għaqli imma se jagħmilna wkoll ferħanin. (Salm 19:​8-12 [19:​7-11, NW]) Sabiex nagħmlu dan b’suċċess, irridu wkoll nifhmu u ngħożżu l-​valur tal-​prinċipji divini. Dan hu s-​suġġett taʼ l-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dettaljata dwar ‘il-​liġi taʼ Kristu,’ ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1996, paġni 22-32.

Tiftakar Int?

• Għala jistaʼ jkollna fiduċja li l-​liġijiet t’Alla huma għall-​benefiċċju tagħna?

• Għal liema raġunijiet għandna ngħożżu l-​liġi taʼ Jehovah?

• Il-liġijiet t’Alla b’liema modi huma taʼ benefiċċju?

[Stampa f’paġna 13]

Abraham ġie mbierek bil-​kbir talli obda l-​liġi taʼ Jehovah

[Stampi f’paġna 15]

Ħafna jwarrbu l-​liġi divina minħabba l-​ansjetajiet tal-​ħajja mgħaġġla taʼ llum

[Stampa f’paġna 17]

Bħal fanal tal-​port fuq il-​blat, il-​liġi divina hija stabbli u ma tinbidel qatt

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja