Ħalli l-Prinċipji Divini Jiggwidawlek il-Passi Tiegħek
“Jien [Jehovah] ngħallmek għall-ġid tiegħek.”—ISAIJA 48:17.
1. Il-Ħallieq kif imexxihom lill-bnedmin?
HEKK kif ix-xjenzati jistinkaw biex jiskopru s-sigrieti taʼ l-univers, jibqgħu mistagħġbin bl-ammont tremend taʼ enerġija li hemm ippakkjata fil-kosmos taʼ madwarna. L-enerġija li tipproduċi x-xemx tagħna—kewkba taʼ daqs medju—hija daqs dik taʼ “100 biljun bomba taʼ l-idroġenu li jisplodu kull sekonda.” Il-Ħallieq jistaʼ jikkontrolla u jidderieġi dawn l-oġġetti ċelestjali enormi bil-qawwa bla limitu tiegħu. (Ġob 38:32; Isaija 40:26) Xi ngħidu għalina l-bnedmin, imżejnin bil-libertà taʼ l-għażla, il-kapaċità morali, l-abbiltà li nirraġunaw, u l-abbiltà li nifhmu affarijiet taʼ natura spiritwali? B’liema mod għażel li jmexxina l-Ħallieq tagħna? Hu jiggwidana b’imħabba permezz tal-liġijiet perfetti u l-prinċipji għoljin tiegħu, flimkien mal-kuxjenza mħarrġa tajjeb tagħna.—2 Samwel 22:31; Rumani 2:14, 15.
2, 3. B’liema tip taʼ ubbidjenza jieħu gost Alla?
2 Alla jsib l-għaxqa tiegħu fil-ħlejjaq intelliġenti li jagħżlu li jobduh. (Proverbji 27:11) Minflok ma pprogrammana biex nissottomettu ruħna lejh b’għajnejna magħluqin bħallikieku xi robots bla moħħ, Jehovah żejjinna bil-libertà taʼ l-għażla sabiex inkunu nistgħu niddeċiedu nagħmlu t-tajjeb fuq il-bażi t’għarfien eżatt.—Lhud 5:14.
3 Ġesù, li kien jirrifletti perfettament lil Missieru, qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja.” (Ġwann 15:14, 15) Fl-imgħoddi, l-ilsir ma kien ikollu l-ebda triq oħra għajr dik li jobdi l-ordnijiet taʼ sidu. Min-naħa l-oħra, il-ħbiberija tissawwar meta jintwerew kwalitajiet li jolqtu l-qalb. Aħna nistgħu nsiru ħbieb taʼ Jehovah. (Ġakbu 2:23) Din il-ħbiberija tiġi msaħħa bl-imħabba min-naħa tat-tnejn. Ġesù rabat l-ubbidjenza lejn Alla maʼ l-imħabba, meta qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu.” (Ġwann 14:23) Jehovah jistidinna biex ngħixu skond il-prinċipji tiegħu, għax iħobbna u għax irid jiggwidana biex iħarisna mill-perikli.
Il-Prinċipji Divini
4. Kif tiddeskrivihom il-prinċipji?
4 X’inhuma l-prinċipji? Il-prinċipji jiġu definiti bħala ‘verità ġenerali jew bażika: liġi, duttrina, jew suppożizzjoni kompleta u fundamentali li fuqha jiġu bbażati liġijiet jew duttrini oħra jew inkella li tintuża biex minnha joħorġu oħrajn.’ (Webster’s Third New International Dictionary) Studju bir-reqqa tal-Bibbja jirrivela li Missierna tas-sema jipprovdi direttivi bażiċi li jkopru għadd taʼ sitwazzjonijiet u aspetti fil-ħajja. Hu jagħmel dan bil-ħsieb li aħna nibqgħu nibbenefikaw għall-eternità. Dan hu fi qbil maʼ dak li kiteb is-sultan għaref Salamun: “Ismaʼ ibni, u ilqaʼ kliemi, u joktru s-snin taʼ ħajtek. Jien nurik it-triq taʼ l-għerf, immexxik fil-mogħdija tas-sewwa.” (Proverbji 4:10, 11) Il-prinċipji ewlenin li pprovdielna Jehovah jinfluwenzaw ir-relazzjoni tagħna miegħu u maʼ sħabna l-bnedmin, kif ukoll il-qima tagħna, u l-ħajja tagħna taʼ kuljum. (Salm 1:1) Ejja nikkunsidraw xi wħud minn dawn il-prinċipji bażiċi.
5. Agħti eżempji taʼ xi prinċipji bażiċi.
5 Dwar ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah, Ġesù stqarr: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Iżjed minn hekk, Alla pprovda prinċipji marbutin mal-mod kif inġibu ruħna maʼ bnedmin oħra, bħalma hi r-Regola tad-Deheb: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.” (Mattew 7:12; Galatin 6:10; Titu 3:2) Rigward il-qima, niġu mwissijin: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-laqgħat tagħna flimkien.” (Lhud 10:24, 25) Dwar l-aspetti tal-ħajja tagħna taʼ kuljum, l-appostlu Pawlu jgħid: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja taʼ Alla.” (1 Korintin 10:31) Hemm numru bla għadd taʼ prinċipji oħrajn fil-Kelma t’Alla.
6. X’differenza hemm bejn il-prinċipji u l-liġijiet?
6 Il-prinċipji huma veritajiet ħajjin u essenzjali, u Kristjani għaqlin jitgħallmu jħobbuhom. Jehovah nebbaħ lil Salamun biex jikteb: “Ibni, agħti widen għal kliemi, iftaħ widnejk għal dak li ngħid jien. Tħallihomx iwarrbu minn quddiem għajnejk, żommhom fil-qiegħ taʼ qalbek. Għax huma l-ħajja għal min isibhom, u s-saħħa għal ġismu kollu.” (Proverbji 4:20-22) X’differenza hemm bejn il-prinċipji u l-liġijiet? Il-prinċipji jifformaw il-bażi għal-liġijiet. Il-liġijiet, li għandhom it-tendenza li jkunu speċifiċi, jistgħu japplikaw għal xi żmien jew sitwazzjoni partikulari, imma l-prinċipji japplikaw f’kull żmien. (Salm 119:111) Il-prinċipji divini la jsiru antikwati u lanqas ma jispiċċaw maż-żmien. Il-kliem ispirat tal-profeta Isaija juri biċ-ċar kemm dan huwa minnu: “Il-ħaxix jinxef, u l-ward jidbiel, iżda l-kelma tal-Mulej tibqaʼ għal dejjem.”—Isaija 40:8.
Aħseb u Aġixxi fuq il-Bażi tal-Prinċipji
7. Il-Kelma t’Alla kif tinkuraġġina biex naħsbu u naġixxu fuq il-bażi tal-prinċipji?
7 Għal darba wara l-oħra, “il-kelma tal-Mulej” tinkuraġġina biex naħsbu u naġixxu fuq il-bażi tal-prinċipji. Meta Ġesù ġie mistoqsi biex jiġbor fil-qosor il-Liġi, hu għamel żewġ stqarrijiet qosra imma ċari daqs il-kristall—waħda tenfasizza l-imħabba għal Jehovah, u l-oħra tenfasizza l-imħabba għall-proxxmu. (Mattew 22:37-40) Meta għamel dan, Ġesù kien qed jikkwota minn sommarju qasir tal-prinċipji bażiċi fil-Liġi Mosajka li kien ngħata qabel, kif insibu f’Dewteronomju 6:4, 5: “Ismaʼ, O Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” Milli jidher, Ġesù kellu f’moħħu wkoll id-direttiva t’Alla li nsibuha f’Levitiku 19:18. Fil-konklużjoni ċara u qawwija tal-ktieb taʼ Koħèlet, is-Sultan Salamun jiġbor fil-qasir għadd taʼ liġijiet divini: “Hawn hu l-qofol tad-diskors wara li nstamaʼ kollox: ‘Ħobb lil Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-bniedem kollu.’ Għax Alla jġib għall-ħaqq tiegħu l-għemejjel kollha, sa l-inqas ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina.”—Koħèlet 12:13, 14; Mikea 6:8.
8. Għala hu taʼ protezzjoni li nifhmu bis-sħiħ il-prinċipji bażiċi tal-Bibbja?
8 Jekk nifhmu bis-sħiħ prinċipji bażiċi bħal dawn imbagħad inkunu nistgħu nifhmu u napplikaw direttivi iktar speċifiċi. Barra minn hekk, jekk ma nifhmux sew u ma naċċettawx il-prinċipji bażiċi, għandna mnejn ma nkunux nistgħu nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin u l-fidi tagħna tistaʼ tiddgħajjef faċilment. (Efesin 4:14) Jekk dawn il-prinċipji nżommuhom tajjeb f’moħħna u f’qalbna, se nkunu lesti li nużawhom meta niġu biex nieħdu xi deċiżjoni. Meta nifhmuhom u napplikawhom, dawn se jġibulna suċċess.—Ġożwè 1:8; Proverbji 4:1-9.
9. Għala m’huwiex dejjem faċli li nifhmu u napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja?
9 Li nifhmu u napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja m’huwiex faċli daqskemm huwa li timxi fuq sett taʼ liġijiet. Bħala bnedmin imperfetti għandna mnejn nevitaw li nagħmlu sforz biex nirraġunaw fuq il-bażi tal-prinċipji. Forsi nippreferu li jkollna regola speċifika meta nkunu rridu nieħdu xi deċiżjoni jew meta nkunu bejn ħalltejn. Kultant għandna mnejn infittxu l-għajnuna mingħand xi Kristjan matur—forsi xi anzjan fil-kongregazzjoni—u nistennew li ningħataw xi regola speċifika li tapplika għall-każ tagħna. Madankollu, il-Bibbja jew il-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja jistgħu ma jagħtux regola speċifika, u anki jekk ningħataw waħda, tistaʼ ma tkunx tapplika dejjem jew f’kull sitwazzjoni. Forsi tiftakar meta kien hemm wieħed raġel u staqsa lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” Ġesù ma qabadx u ta xi liġi dwar kif jissolva argument bejn l-aħwa, imma minflok ipprovda prinċipju iktar ġenerali: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba.” B’hekk Ġesù pprovda linja taʼ gwida li għadha siewja llum daqskemm kienet dak iż-żmien.—Luqa 12:13-15.
10. Il-fatt li naġixxu fi qbil mal-prinċipji kif jgħinna naraw x’inhuma l-motivi taʼ qalbna?
10 X’aktarx li taf b’xi nies li għandhom it-tendenza li jobdu l-liġijiet fuq qalbhom, minħabba l-biżaʼ taʼ xi kastig. Ir-rispett għall-prinċipji ma jippermettix attitudni bħal din. Il-prinċipji minnhom infushom iqanqlu lil dawk li japplikawhom biex jaġixxu mill-qalb. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira mill-prinċipji m’għandhomx xi kastig immedjat marbut magħhom għal dawk li ma jgħixux fi qbil magħhom. Dan jagħtina l-opportunità biex naraw għala nobdu lil Jehovah, x’inhu l-motiv taʼ qalbna. Rigward dan għandna l-eżempju taʼ Ġużeppi, meta dan irrifjuta li jċedi għall-istedina immorali tal-mara taʼ Putifar. Għalkemm Jehovah kien għadu ma ta l-ebda liġi bil-miktub dwar l-adulterju u ma kien hemm imniżżla l-ebda sentenza divina għal min ikollu x’jaqsam mal-mara taʼ ħaddieħor, Ġużeppi kien konxju tal-prinċipji stabbiliti minn Alla dwar il-lealtà fiż-żwieġ. (Ġenesi 2:24; 12:18-20) Mit-tweġiba tiegħu nistgħu naraw kemm kien influwenzat minn dawn il-prinċipji: “Kif nistaʼ nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla”?—Ġenesi 39:9.
11. Il-Kristjani f’liema oqsma jridu li jiġu gwidati mill-prinċipji taʼ Jehovah?
11 Illum, il-Kristjani jridu li jiġu gwidati mill-prinċipji taʼ Jehovah fi kwistjonijiet persunali, bħalma huma l-għażla tal-ħbieb, id-divertiment, il-mużika, u l-materjal għall-qari. (1 Korintin 15:33; Filippin 4:8) Hekk kif nikbru fl-għarfien, fil-fehma, u fl-apprezzament lejn Jehovah u l-livelli tiegħu, il-kuxjenza tagħna, jiġifieri s-sens morali tagħna, se tgħinna napplikaw il-prinċipji divini fi kwalunkwe ċirkustanza li nsibu ruħna fiha, anki fi kwistjonijiet privati. Jekk inkunu gwidati mill-prinċipji tal-Bibbja, m’aħniex se noqogħdu nfittxu modi kif naħarbu mil-liġijiet t’Alla. Lanqas m’aħna se nimitaw lil dawk li jipprovaw jiskopru sa fejn jirnexxilhom jaslu mingħajr ma jiksru ċerta liġi. Aħna nirrealizzaw li b’dan il-mod taʼ ħsieb inkunu qed inkissru u nweġġgħu lilna nfusna.—Ġakbu 1:22-25.
12. Liema ħaġa hija essenzjali biex nimxu fi qbil mal-prinċipji divini?
12 Il-Kristjani maturi jagħrfu li xi ħaġa essenzjali biex jimxu fi qbil mal-prinċipji divini hija li jkunu jridu jafu kif Jehovah iħossu dwar il-kwistjoni. “O intom li tħobbu l-Mulej,” ħeġġeġ is-salmista, “obogħdu l-ħażen!” (Salm 97:10, KŻ) Proverbji 6:16-19 isemmi xi wħud mill-affarijiet li huma ħżiena f’għajnejn Alla, u jgħid: “Sitt ħwejjeġ jobgħod il-Mulej, sebgħa huma li ma jaħmilhomx: għajnejn merfugħa, lsien giddieb, idejn li jxerrdu demm bla ħtija, qalb li trawwem ħsibijiet qarrieqa, riġlejn li jiġru ħfief għall-ħażen, fomm li jixhed bil-qerq il-gideb, u bniedem li jaqlaʼ l-ġlied bejn l-aħwa.” Meta nħallu ħajjitna tkun gwidata mix-xewqa li nirriflettu fuq kif jaħsibha Jehovah dwar affarijiet bażiċi bħal dawn, li ngħixu fi qbil mal-prinċipji ssir xi ħaġa taʼ kuljum.—Ġeremija 22:16.
Meħtieġ Motiv Tajjeb
13. Liema mod taʼ ħsieb enfasizza Ġesù fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja?
13 Il-fatt li nkunu nafu u napplikaw il-prinċipji jipproteġina wkoll min-nassa taʼ qima formali u li ma tiswa xejn. Hemm differenza bejn li timxi fuq il-prinċipji u li tobdi r-regoli kelma b’kelma. Ġesù wera dan b’mod ċar fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. (Mattew 5:17-48) Ftakar li s-semmiegħa taʼ Ġesù kienu Lhud, u għalhekk il-kondotta tagħhom suppost li kellha tkun immexxija mil-Liġi Mosajka. Imma fir-realtà huma kellhom ħarsa mgħawġa tal-Liġi. Huma saħqu iktar fuq il-fatt li wieħed għandu jobdi l-Liġi kelma b’kelma iktar milli fuq li jieħu t-tifsira vera tagħha. U huma enfasizzaw it-tradizzjonijiet tagħhom, billi saħansitra ġabuhom qabel it-tagħlim t’Alla. (Mattew 12:9-12; 15:1-9) Minħabba f’hekk, il-biċċa l-kbira tan-nies ma ġewx mgħallmin jaħsbu fuq il-bażi tal-prinċipji.
14. Ġesù kif għen lis-semmiegħa tiegħu biex jaħsbu fuq il-bażi tal-prinċipji?
14 B’kuntrast, fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù inkluda prinċipji f’ħames aspetti tal-moralità: ir-rabja, iż-żwieġ u d-divorzju, il-wegħdi, il-vendetta, u l-imħabba u l-mibegħda. F’kull każ, Ġesù wera l-benefiċċji taʼ li wieħed jimxi mal-prinċipji. B’dan il-mod Ġesù għolla l-livell tal-moralità għas-segwaċi tiegħu. Per eżempju, rigward l-adulterju, hu ta prinċipju li mhux biss iħares l-għemejjel tagħna imma wkoll ħsibijietna u x-xewqat tagħna: “Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mattew 5:28.
15. Kif nistgħu nevitaw kwalunkwe tendenza biex nobdu l-liġi kelma b’kelma?
15 Dan l-eżempju jurina li qatt m’għandna ninsew l-iskop u l-ispirtu tal-prinċipji taʼ Jehovah. Żgur li m’għandniex nipprovaw niksbu l-favur t’Alla billi nippretendu li aħna nies morali. Ġesù wera kemm kienet żbaljata attitudni bħal din billi ġibed l-attenzjoni lejn il-ħniena u l-imħabba t’Alla. (Mattew 12:7; Luqa 6:1-11) Jekk nimxu fi qbil mal-prinċipji Bibliċi, m’aħniex se nipprovaw ngħixu (jew nistennew li oħrajn jgħixu) skond lista estensiva u riġida taʼ regoli li tmur iktar ’il bogħod mit-tagħlim tal-Bibbja. Se nkunu iktar konċernati dwar il-prinċipji taʼ l-imħabba u l-ubbidjenza lejn Alla milli dwar id-dehra taʼ barra tal-qima tagħna.—Luqa 11:42.
Riżultat Hieni
16. Agħti xi eżempji taʼ prinċipji li fuqhom huma bbażati xi liġijiet tal-Bibbja.
16 Hekk kif inħabirku sabiex nobdu lil Jehovah, huwa importanti li nagħrfu li l-liġijiet tiegħu huma bbażati fuq il-prinċipji ewlenin. Per eżempju, il-Kristjani jridu jevitaw l-idolatrija, l-immoralità sesswali, u l-użu ħażin tad-demm. (Atti 15:28, 29) X’inhi l-bażi għall-waqfa tal-Kristjan f’dawn il-kwistjonijiet? Alla jixraqlu devozzjoni esklużiva; aħna rridu nkunu leali lejn is-sieħeb jew sieħba tagħna fiż-żwieġ; u Jehovah hu d-Donatur tal-ħajja. (Ġenesi 2:24; Eżodu 20:5; Salm 36:10 [36:9, NW]) Meta nifhmu dawn il-prinċipji bażiċi se nsibuha eħfef li naċċettaw u nimxu fuq il-liġijiet marbutin magħhom.
17. Liema riżultati tajbin nistgħu ngawdu jekk nifhmu u napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja?
17 Hekk kif nifhmu l-prinċipji bażiċi u napplikawhom, nagħrfu li dawn huma għall-ġid tagħna. Il-barkiet spiritwali li jgawdi l-poplu t’Alla taʼ spiss jimxu id f’id maʼ benefiċċji fiżiċi oħrajn. Per eżempju, dawk li jżommu lura mit-tipjip, dawk li jgħixu ħajja morali, u dawk li jirrispettaw il-qdusija tad-demm jevitaw milli jaqgħu vittmi taʼ ċertu mard. Bl-istess mod, jekk ngħixu fi qbil mal-verità li tgħallimna mill-Bibbja nkunu nistgħu nibbenefikaw f’aspetti ekonomiċi, soċjali, jew domestiċi. Benefiċċji fiżiċi bħal dawn juru biċ-ċar kemm il-livelli taʼ Jehovah huma taʼ valur—kemm huma verament prattiċi. Imma dawn il-vantaġġi prattiċi fihom infushom m’humiex ir-raġuni primarja għala aħna napplikaw il-prinċipji t’Alla. Il-Kristjani veri jobdu lil Jehovah għax iħobbuh, għax jistħoqqlu l-qima tagħhom, u għax hekk hu xieraq li jagħmlu.—Apokalissi 4:11.
18. Jekk irridu nirnexxu bħala Kristjani, x’għandu jiggwidalna ħajjitna?
18 Jekk inħallu l-prinċipji tal-Bibbja jiggwidawlna ħajjitna, il-mod taʼ ħajja tagħna se jkun aħjar, u dan fih innifsu jistaʼ jiġbed lil oħrajn lejn il-mogħdijiet t’Alla. Iktar importanti, il-mod kif ngħixu jonora lil Jehovah. Aħna nagħrfu li Jehovah hu tassew Alla li jħobb u li jrid dak li hu l-aħjar għalina. Meta nagħmlu deċiżjonijiet li jkunu fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja u naraw kif Jehovah iberikna, nibdew inħossuna saħansitra iktar qrib tiegħu. Iva, inkomplu niżviluppaw relazzjoni taʼ mħabba maʼ Missierna tas-sema.
Tiftakar Int?
• X’inhu prinċipju?
• Kif nistgħu nagħrfu prinċipju minn liġi?
• Għala huwa taʼ benefiċċju għalina li naħsbu u naġixxu fuq il-bażi tal-prinċipji?
[Kaxxa f’pagna 20]
Wilson, Kristjan mill-Gana, ġie informat li fi ftit ġranet kien se jitkeċċa mix-xogħol. Fl-aħħar ġurnata ġie mqabbad biex jaħsel il-karozza privata tad-direttur tal-kumpanija. Meta Wilson sab somma flus fil-karozza, dak taʼ fuqu qallu li kien Alla li bagħatlu l-flus talli dak in-nhar kien ngħata s-sensja. Madankollu, Wilson applika l-prinċipju tal-Bibbja dwar l-onestà, u reġaʼ radd il-flus lid-direttur. Mgħaġġeb u impressjonat, id-direttur mhux biss kien pront u offra lil Wilson xogħol permanenti, imma tah ukoll pożizzjoni ogħla fil-kumpanija.—Efesin 4:28.
[Kaxxa f’paġna 21]
Rukia hija mara Albaniża li għandha ’l fuq minn 60 sena. Minħabba nuqqas taʼ qbil fil-familja tagħha, kienet ilha ma tkellem lil ħuha għal iktar minn 17-il sena. Hi bdiet tistudja max-Xhieda taʼ Jehovah u tgħallmet li l-Kristjani veri kellhom jgħixu fil-paċi maʼ ħaddieħor, u ma joqogħdux iżommu f’qalbhom. Wara lejl sħiħ titlob, u b’qalbha tħabbat sitta sitta, irħitilha lejn id-dar taʼ ħuha. In-neputija tagħha fetħet il-bieb. Kollha mistagħġba, din staqsiet lil Rukia: “Min miet? X’ġabek ’l hawn?” Rukia talbet biex tara lil ħuha. Hi spjegat bil-kalma kollha kif dak li tgħallmet dwar il-prinċipji tal-Bibbja u dwar Jehovah kien qanqalha biex tagħmel paċi maʼ ħuha. Wara ħafna biki u tgħanniq, huma ċċelebraw din l-okkażjoni speċjali taʼ li ngħaqdu mill-ġdid!—Rumani 12:17, 18.
[Stampa f’paġna 23]
[Stampa f’paġna 23]
Mattew 5:3, “NW”
[Stampa f’paġna 23]
[Stampa f’paġna 23]
“Kif ra l-folol, Ġesù talaʼ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom.”