Min Se Jibqaʼ Ħaj fil-Jum taʼ Jehovah?
“Jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn.”—MALAKIJA 3:19 (4:1, NW).
1. Malakija kif jiddeskrivi t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar?
IL-PROFETA Malakija kien imnebbaħ minn Jehovah biex iniżżel bil-miktub profeziji taʼ ġrajjiet taʼ l-għaġeb li se jseħħu fil-futur qarib. Dawn il-ġrajjiet se jeffettwaw lil kull bniedem fuq l-art. Malakija 3:19 (4:1, NW) ibassar: “‘Ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom,’ jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti, ‘hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa.’” Kemm se tkun kompluta l-qerda taʼ din is-sistema mill-agħar? Se tkun bħal siġra li l-għeruq tagħha nqerdu għalkollox, u b’hekk qatt ma tistaʼ terġaʼ tikber.
2. Ċerti skritturi kif jiddeskrivu jum Jehovah?
2 Forsi int tistaqsi, ‘Liema “jum” qed ibassar dwaru l-profeta Malakija?’ Huwa l-istess jum li jitkellem dwaru Isaija 13:9, li jiddikjara: “Araw, Jum il-Mulej għad jasal, kiefer, mgħaddab, ħuġġieġa nar bil-korla, biex jagħmel mill-art ħerba, u jeqred minnha l-midinbin.” Sofonija 1:15 jipprovdi din id-deskrizzjoni: “Hu jum taʼ korla dak il-Jum, jum taʼ dwejjaq u niket, jum taʼ qerda u diqa, jum taʼ dlam u swied, jum imsaħħab u taʼ ċpar magħqud.”
It-Tribulazzjoni l-Kbira
3. X’inhu l-jum taʼ Jehovah?
3 Fit-twettiq il-kbir tal-profezija taʼ Malakija, “Jum il-Mulej” huwa dak il-perijodu taʼ żmien li fih ikun hemm “diqa kbira,” jew tribulazzjoni kbira. Ġesù bassar: “Imbagħad ikun hawn diqa kbira li mill-bidu tad-dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.” (Mattew 24:21) Aħseb daqsxejn kemm niket diġà rat id-dinja, speċjalment mill-1914 ’l hawn. (Mattew 24:7-12) Biss biss it-Tieni Gwerra Dinjija swiet il-ħajja taʼ iktar minn 50 miljun ruħ! Madankollu, it-tribulazzjoni l-kbira se tara diżastri li ħdejhom dak l-inkwiet kollu se jkun qisu m’hu xejn. Din il-ġrajja, l-istess bħall-jum taʼ Jehovah, tintemm f’Armageddon, billi ġġib fi tmiemhom l-aħħar jiem taʼ din is-sistema mill-agħar.—2 Timotju 3:1-5, 13; Apokalissi 7:14; 16:14, 16.
4. Meta l-jum taʼ Jehovah jintemm, x’se jkun seħħ?
4 Sa tmiem dak il-jum taʼ Jehovah, id-dinja taʼ Satana u dawk li jappoġġawha se jkunu spiċċaw għalkollox. L-ewwel li se tinqered tkun ir-reliġjon falza kollha. Imbagħad il-ġudizzju taʼ Jehovah jitwettaq fuq is-sistemi politiċi u kummerċjali taʼ Satana. (Apokalissi 17:12-14; 19:17, 18) Eżekjel ibassar: “Il-fidda jarmuha fit-toroq, u dehebhom isir bħaż-żibel. Il-fidda u d-deheb tagħhom ma jeħilsuhomx f’Jum il-korla tal-Mulej.” (Eżekjel 7:19) Rigward dak il-jum, Sofonija 1:14 jgħid: “Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!” Meta nqisu x’tgħid il-Bibbja dwar il-jum taʼ Jehovah, għandna nkunu determinati li naġixxu fi qbil mal-ħtiġijiet taʼ tjieba t’Alla.
5. Liema esperjenza jgawdu dawk li jibżgħu minn isem Jehovah?
5 Wara li jbassar x’se jagħmel il-jum taʼ Jehovah lid-dinja taʼ Satana, Malakija 3:20 (4:2, NW) isemmi x’qal Jehovah: “Għalikom li tibżgħu minn Ismi titlaʼ x-xemx tal-ġustizzja, bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha; u intom toħorġu taqbżu qiskom għoġiela tal-mandra.” Ġesù Kristu hu x-“xemx tal-ġustizzja.” Hu “d-dawl [spiritwali] tad-dinja.” (Ġwann 8:12) Ġesù jiddi bil-fejqan li jagħti—l-ewwelnett il-fejqan spiritwali, li nesperjenzawh illum, u mbagħad fejqan fiżiku komplut fid-dinja l-ġdida. Bħalma jgħid Jehovah, l-imfejqin se ‘joħorġu jaqbżu qishom għoġiela tal-mandra’ eċċitati u ferħanin li qed jinħelsu mill-irbit.
6. Liema ċelebrazzjoni tar-rebħa se jgawdu l-qaddejja taʼ Jehovah?
6 Xi ngħidu għal dawk li jinjoraw il-ħtiġijiet taʼ Jehovah? Malakija 3:21 (4:3, NW) jgħid: “‘[Intom il-qaddejja t’Alla] tisħqu l-ħżiena, għax huma jkunu qishom irmied taħt qigħan riġlejkom fil-jum imħejji minni,’ jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti.” Il-bnedmin li jqimu lil Alla mhux se jieħdu sehem meta tinqered id-dinja taʼ Satana. Minflok, se ‘jisħqu l-ħżiena’ b’mod figurattiv billi jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tar-rebħa li se ssir wara l-jum taʼ Jehovah. Kien hemm ċelebrazzjoni kbira wara l-qerda taʼ l-eżerċti taʼ Fargħun fil-Baħar l-Aħmar. (Eżodu 15:1-21) It-tneħħija taʼ Satana u d-dinja tiegħu fit-tribulazzjoni l-kbira bl-istess mod se tiġi segwita minn ċelebrazzjoni tar-rebħa. In-nies leali li jibqgħu ħajjin wara l-jum taʼ Jehovah se jgħajtu bil-ferħ u jgħidu: “Nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.” (Isaija 25:9) Kemm se jkun hemm għajat taʼ ferħ meta s-sovranità taʼ Jehovah tiġi vindikata u l-art titnaddaf biex in-nies jgħixu fuqha fil-paċi!
Il-Kristjaneżmu Jimita lil Iżrael
7, 8. Iddeskrivi l-kundizzjoni spiritwali taʼ Iżrael fi żmien Malakija.
7 Dawk li jsibu ruħhom f’pożizzjoni taʼ favur maʼ Jehovah huma dawk li jaqduh, b’kuntrast maʼ dawk li ma jaqduhx. L-istess ġara meta Malakija kiteb il-ktieb tiegħu. Fis-sena 537 Q.E.K., fdal mill-ġens taʼ Iżrael irritorna lura f’artu wara 70 sena fil-jasar f’Babilonja. Madankollu, matul il-mitt sena taʼ wara, il-ġens beda miexi bil-mod il-mod lejn l-apostasija u l-ħażen. Il-biċċa l-kbira min-nies kienu qed jiddiżonoraw l-isem taʼ Jehovah; jinjoraw il-liġijiet taʼ tjieba tiegħu; iniġġsu t-tempju tiegħu billi joffru bħala sagrifiċċji annimali li kienu għomja, zopop, u morda; u jiddivorzjaw lin-nisa li żżewġu f’żgħożithom.
8 B’hekk, Jehovah qalilhom: “Nersaq lejkom biex nagħmel il-ġustizzja, u nkun xhud ħafif kontra s-saħħara, u kontra ż-żienja, u kontra min jaħlef bil-qerq, u kontra min jaħqar il-ħaddiem fi ħlasu u l-armla u l-iltim, u kontra min iwarrab il-barrani u ma jibżax minni . . . Għax jien, il-Mulej, ma tbiddiltx.” (Malakija 3:5, 6) Madankollu, Jehovah għamel stedina lil kulmin ried idur lura mit-triq ħażina tiegħu: “Erġgħu lura lejja, u jien nerġaʼ lura lejkom.”—Malakija 3:7.
9. Il-profeziji taʼ Malakija kif kellhom twettiq tal-bidu?
9 Dan il-kliem kellu twettiq ukoll fl-ewwel seklu E.K. Fdal minn fost il-Lhud qeda lil Jehovah u sar parti minn “ġens” ġdid taʼ Kristjani midlukin bl-ispirtu, li maż-żmien sar jinkludi wkoll lill-Ġentili. Imma fil-maġġuranza kbira tagħhom l-Iżraelin naturali ċaħduh lil Ġesù. Għalhekk, Ġesù qal lill-ġens taʼ Iżrael: “Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba!” (Mattew 23:38; 1 Korintin 16:22) Fis-sena 70 E.K., bħalma kien imbassar f’Malakija 3:19 (4:1, NW), ġie “Jum, jaqbad qisu forn” fuq Iżrael naturali. Ġerusalemm u t-tempju tagħha ġew meqrudin, u kien rapportat li iktar minn miljun ruħ mietu minħabba l-ġuħ, il-ġlied għall-poter, u l-attakki mill-armati Rumani. Madankollu, dawk li qdew lil Jehovah ħelsu minn dik it-tribulazzjoni.—Mark 13:14-20.
10. In-nies in ġenerali u l-membri tal-kleru b’liema mod jimitaw lil Iżrael taʼ l-ewwel seklu?
10 Il-bnedmin, u b’mod partikulari l-Kristjaneżmu, qegħdin jimitaw lill-ġens taʼ Iżrael fl-ewwel seklu. Il-mexxejja u n-nies in ġenerali fil-Kristjaneżmu jippreferu t-twemmin reliġjuż tagħhom milli l-veritajiet t’Alla li għallem Ġesù. It-tort hu speċjalment tal-membri tal-kleru. Dawn jirrifjutaw li jużaw l-isem taʼ Jehovah, u saħansitra neħħewh mill-verżjonijiet tagħhom tal-Bibbja. Lil Jehovah jiddiżonorawh b’tagħlim li ma jinstabx fl-Iskrittura, bħad-duttrini pagani tat-turment etern fin-nar taʼ l-infern, it-Trinità, l-immortalità tar-ruħ, u l-evoluzzjoni. B’hekk, lil Jehovah jisirqulu t-tifħir li tant jixraqlu, bħalma għamlu l-qassisin fi żmien Malakija.
11. Ir-reliġjonijiet tad-dinja kif juru lil min qed jaqdu tassew?
11 Fl-1914, meta bdew l-aħħar jiem, ir-reliġjonijiet taʼ din id-dinja, immexxijin minn dawk li jsostnu li huma Kristjani, urew lil min tassew kienu qed jaqdu. Matul iż-żewġ gwerer dinjin, inkuraġġew lill-membri tagħhom biex imorru għall-gwerra minħabba differenzi nazzjonali, anki jekk dan kien ifisser li joqtlu nies taʼ l-istess reliġjon tagħhom. Il-Kelma t’Alla tidentifika b’mod ċar lil dawk li jobdu lil Jehovah u lil dawk li ma jobduhx: “B’dan jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-Xitan; għax min ma jagħmilx il-ġustizzja m’huwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh. Għax l-aħbar li smajtu sa mill-bidu hija din: li nħobbu lil xulxin. Mhux bħal Kajjin, li kien mill-Ħażin u qatel lil ħuh.”—1 Ġwann 3:10-12.
Titwettaq il-Profezija
12, 13. Il-qaddejja t’Alla liema profeziji wettqu fi żmienna?
12 Sa meta ntemmet l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1918, il-qaddejja taʼ Jehovah setgħu jaraw li Alla kien ikkundanna lill-Kristjaneżmu u l-kumplament tar-reliġjon falza kollha. Minn dakinhar ’il quddiem ħarġet is-sejħa għal dawk li huma taʼ qalbhom twajba: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha, u biex mill-kastigi tagħha ma tiħdux sehem. Għax dnubietha saru ħemel għoli sas-sema, u Alla ftakar fl-għemejjel ħżiena tagħha.” (Apokalissi 18:4, 5) Dawk li xtaqu jaqdu lil Jehovah bdew jitnaddfu minn kull ħjiel taʼ reliġjon falza u bdew jippridkaw mad-dinja kollha l-aħbar tajba tas-Saltna stabbilita, xogħol li jrid ikun komplut qabel jiġi t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar.—Mattew 24:14.
13 Dan seħħ biex titwettaq il-profezija taʼ Malakija 3:23 (4:5, NW), fejn Jehovah qal: “Ara, jiena nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej u Jum il-biżaʼ.” Din il-profezija kellha l-ewwel twettiq fix-xogħol taʼ Ġwanni l-Għammied, li kien iffigurat bil-quddiem minn Elija. Ġwanni għamel xogħol bħal dak taʼ Elija meta għammed lil-Lhud li kienu nidmu minn dnubiethom kontra l-patt tal-Liġi. Iktar importanti minn hekk, Ġwanni kien dak li witta t-triq għall-Messija. Madankollu, ix-xogħol taʼ Ġwanni kien biss twettiq inizjali tal-profezija taʼ Malakija. Waqt li identifika lil Ġwanni bħala Elija ieħor, Ġesù wera li kien għad hemm xogħol bħal taʼ “Elija” xi jsir fil-futur.—Mattew 17:11, 12.
14. Liema xogħol vitali jrid isir qabel tintemm din is-sistema?
14 Il-profezija taʼ Malakija wriet li dan ix-xogħol kbir bħal taʼ Elija kellu jsir “qabel ma jasal Jum il-Mulej u Jum il-biżaʼ.” Dan il-jum se jintemm bil-gwerra, li riesqa bil-ħeffa, tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox, f’Armageddon. Dan ifisser li, qabel jiġi t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar u jibda r-Renju t’Elf Sena tas-Saltna t’Alla mis-sema f’idejn Ġesù Kristu fuq it-tron, kellu jsir xogħol li jaqbel maʼ dak li kien għamel Elija. U sewwa sew kif tgħid dik il-profezija, qabel Jehovah jeqred din is-sistema mill-agħar, il-membri tal-klassi taʼ Elija fi żmienna, bl-appoġġ taʼ miljuni taʼ Kristjani sħabhom li għandhom it-tama taʼ ħajja fuq l-art, qegħdin iwettqu b’entużjażmu kbir ix-xogħol li jistabbilixxu mill-ġdid il-qima pura, jigglorifikaw l-isem taʼ Jehovah, u jgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja lil dawk li huma bħal nagħaġ.
Jehovah Ibierek lill-Qaddejja Tiegħu
15. Jehovah kif jiftakarhom lill-qaddejja tiegħu?
15 Jehovah ibierek lil dawk li jaqduh. Malakija 3:16 jgħid: “Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-Mulej; u l-Mulej ta widen u samaʼ; u nkiteb quddiemu ktieb it-tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f’Ismu.” Minn żmien Abel ’il quddiem, Alla beda bħallikieku jikteb fi ktieb l-ismijiet taʼ dawk li kien se jiftakarhom biex jagħtihom il-ħajja taʼ dejjem. Lil dawn Jehovah jgħidilhom: “Ġibuhom sħaħ id-dieċmi u l-offerti fit-teżor, ħa jkun hemm l-ikel f’dari. U b’hekk ejjew ġarrbuni . . . [u] taraw jekk niftaħx għalikom it-twieqi tas-sema, u jekk insawwabx fuqkom barka bl-abbundanza.”—Malakija 3:10.
16, 17. Jehovah kif bierek lin-nies tiegħu u x-xogħol li jagħmlu?
16 Jehovah tabilħaqq bierek lil dawk li jaqduh. Kif? Mod wieħed huwa billi għenhom jifhmu iżjed ċar l-iskopijiet tiegħu. (Proverbji 4:18; Danjel 12:10) Mod ieħor huwa billi tahom frott li ma bħalu fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Għadd kbir taʼ nies taʼ qalb onesta ngħaqdu magħhom fil-qima vera, u dawn kollha jifformaw “kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, . . . u għollew leħenhom u bdew jgħidu: ‘Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf.’” (Apokalissi 7:9, 10) Din il-kotra kbira bdiet tidher b’mod meraviljuż, u dawk li qed jaqdu lil Jehovah b’mod attiv issa jgħoddu ’l fuq minn sitt miljuni f’iktar minn 93,000 kongregazzjoni mad-dinja kollha!
17 Il-barka taʼ Jehovah tidher ukoll mill-fatt li l-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, ibbażati fuq il-Bibbja, huma l-iktar li kienu u għadhom jitqassmu fl-istorja kollha tad-dinja. Fil-preżent, kull xahar jiġu stampati mad-90 miljun kopja tar-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!; It-Torri taʼ l-Għassa b’144 lingwa u Stenbaħ! b’87 lingwa. Il-ktieb taʼ studju tal-Bibbja Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna, pubblikat fl-1968, laħaq ċirkulazzjoni taʼ iktar minn 107 miljun kopja b’117-il lingwa. Il-ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem fil-Ġenna Fuq l-Art, li ħareġ fl-1982, laħaq iktar minn 81 miljun kopja b’131 lingwa. Il-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, li ħareġ fl-1995, s’issa ġie stampat f’iktar minn 85 miljun kopja b’154 lingwa. Il-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?, pubblikat fl-1996, diġà laħaq madwar il-150 miljun kopja b’244 lingwa s’issa.
18. Għala ngawdu riżq spiritwali minkejja l-oppożizzjoni?
18 Dan ir-riżq spiritwali ġie gawdut minkejja l-iktar oppożizzjoni ħarxa u fit-tul mid-dinja taʼ Satana. Dan juri kemm hu minnu l-kliem li nsibu f’Isaija 54:17: “‘Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati. [“Dan hu l-wirt,” Saydon] tal-qaddejja tal-Mulej; mingħandi jieħdu r-raġun,’ oraklu tal-Mulej.” Kemm hu taʼ faraġ għall-qaddejja taʼ Jehovah li jkunu jafu li Malakija 3:17 qed ikollu t-twettiq ewlieni tiegħu fuqhom: “‘Fil-jum imħejji minni,’ jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti, ‘huma jkunu għalija teżor li ma bħalu.’”
Naqdu lil Jehovah bil-Ferħ
19. Dawk li jaqdu lil Jehovah kif inhuma differenti minn dawk li ma jaqduhx?
19 Il-kuntrast bejn il-qaddejja leali taʼ Jehovah u dawk li jinsabu fid-dinja taʼ Satana qed isir dejjem iktar u iktar ċar iżjed ma jgħaddi ż-żmien. Malakija 3:18 bassar: “Mbagħad mill-ġdid tagħrfu tagħżlu bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.” Waħda mill-ħafna differenzi li jeżistu hija li min jaqdi lil Jehovah jagħmel dan b’ferħ kbir. Fost ir-raġunijiet għal dan hemm it-tama meraviljuża li għandhom. Huma fiduċjużi għall-aħħar f’Jehovah meta jgħid: “Arani, se noħloq smewwiet ġodda u art ġdida. Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi. Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad noħloq jien.”—Isaija 65:17, 18; Salm 37:10, 11, 29; Apokalissi 21:4, 5.
20. Għala aħna poplu ferrieħi?
20 Aħna nemmnu fil-wegħda taʼ Jehovah li n-nies leali tiegħu se jibqgħu ħajjin wara l-jum il-kbir tiegħu u jsiru parti mid-dinja l-ġdida. (Sofonija 2:3; Apokalissi 7:13, 14) U għalkemm xi wħud forsi jmutu qabel dak iż-żmien minħabba x-xjuħija, il-mard, jew xi diżgrazzja, Jehovah jagħti kelmtu li se jirxoxtahom bl-għan li jagħtihom il-ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 5:28, 29; Titu 1:2) Mela, għalkemm ilkoll għandna l-problemi u l-isfidi tagħna, hekk kif navviċinaw dan il-jum taʼ Jehovah, għandna kull raġun għalxiex inkunu l-iktar poplu ferħan fuq wiċċ l-art.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhu l-jum taʼ Jehovah?
• Ir-reliġjonijiet tad-dinja kif jimitaw lil Iżrael tal-qedem?
• Liema profeziji jwettqu l-qaddejja taʼ Jehovah?
• Jehovah kif bierek lill-poplu tiegħu?
[Stampa f’paġna 21]
Ġerusalemm taʼ l-ewwel seklu ‘qabdet qisha forn’
[Stampi f’paġna 23]
Jehovah jipprovdi għal dawk li jaqduh
[Stampi f’paġna 24]
Minħabba t-tama meraviljuża li għandhom, il-qaddejja taʼ Jehovah huma verament henjin