Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Meta Ġwanni ra lil dawk tal-“kotra kbira” jagħtu servizz sagru fit-tempju taʼ Jehovah, f’liema parti tat-tempju kienu qegħdin jagħmlu dan?—Apokalissi 7:9-15.
Huwa raġunevoli li ngħidu li l-kotra kbira tqim lil Jehovah f’waħda mill-btieħi tat-tempju spiritwali kbir tiegħu hawn fuq l-art, speċifikament fil-bitħa li taqbel mal-bitħa taʼ barra tat-tempju taʼ Salamun.
Qabel kien intqal li l-kotra kbira qiegħda f’ekwivalenza spiritwali, jew antitip, tal-Bitħa tal-Ġentili li kienet teżisti fi żmien Ġesù. Madankollu, iktar riċerka wriet minn taʼ l-inqas ħames raġunijiet għala dan mhux hekk. L-ewwel, mhux il-fatturi kollha tat-tempju t’Erodi għandhom antitip fit-tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah. Per eżempju, fit-tempju t’Erodi kien hemm il-Bitħa tan-Nisa u l-Bitħa taʼ Iżrael. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa setgħu jidħlu fil-Bitħa tan-Nisa, filwaqt li fil-Bitħa taʼ Iżrael setgħu jidħlu biss l-irġiel. Fil-btieħi tat-tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah hawn fuq l-art, l-irġiel u n-nisa m’humiex separati fil-qima tagħhom. (Galatin 3:28, 29) Għalhekk, m’hemmx ekwivalenza għall-Bitħa tan-Nisa u l-Bitħa taʼ Iżrael fit-tempju spiritwali.
It-tieni, ma kien hemm l-ebda Bitħa tal-Ġentili fil-pjanti tal-bini tat-tempju taʼ Salamun mogħtijin minn Alla u lanqas fil-viżjoni tat-tempju li kellu Eżekjel; lanqas ma kien hemm waħda fit-tempju li reġaʼ nbena minn Żerubbabel. Għalhekk, m’hemmx raġuni biex nikkonkludu li l-Bitħa tal-Ġentili għandha xi rwol fl-arranġament għall-qima fit-tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah, speċjalment meta nikkunsidraw il-punt li jmiss.
It-tielet, il-Bitħa tal-Ġentili nbniet mis-Sultan Erodi minn Edom biex jigglorifika lilu nnifsu u biex jaqlaʼ l-favur taʼ Ruma. Erodi beda jirrestawra t-tempju taʼ Żerubbabel fis-sena 18 jew 17 Q.E.K. The Anchor Bible Dictionary jispjega: “Il-gosti klassiċi tal-poter imperjali lejn il-Punent [Ruma] . . . kienu jitolbu tempju akbar minn dawk taʼ bliet komparabbli oħrajn tal-Lvant.” Madankollu, il-qisien tat-tempju kienu diġà stabbiliti. Id-dizzjunarju jispjega: “Waqt li t-Tempju ried ikollu l-istess qisien bħal dawk taʼ qablu [taʼ Salamun u taʼ Żerubbabel], il-Muntanja tat-Tempju ma kinitx ristretta fid-daqs potenzjali tagħha.” Għalhekk, Erodi kabbar it-tempju billi żied dik li llum il-ġurnata tissejjaħ il-Bitħa tal-Ġentili. Għalfejn bini bi storja bħal din għandu jkollu antitip fl-arranġament tat-tempju spiritwali taʼ Jehovah?
Ir-rabaʼ, kważi kulħadd—l-għomja, iz-zopop, u l-Ġentili mhux ċirkonċiżi—setaʼ jidħol fil-Bitħa tal-Ġentili. (Mattew 21:14, 15) Veru, il-bitħa kellha skop għal ħafna Ġentili mhux ċirkonċiżi li xtaqu jagħmlu xi offerti lil Alla. U kien hemmhekk li Ġesù kien ikellem lill-folol u darbtejn keċċa lis-sarrafa tal-flus u lill-bejjiegħa, billi qalilhom li kienu ddiżonoraw id-dar taʼ Missieru. (Mattew 21:12, 13; Ġwann 2:14-16) Xorta waħda, The Jewish Encyclopedia tgħid: “Din il-bitħa taʼ barra, biex ngħidu hekk, ma kinitx parti mit-Tempju. L-art tagħha ma kinitx qaddisa, u kulħadd setaʼ jidħol fiha.”
Il-ħames, il-kelma Griega (hi·e·ron’) tradotta “tempju” li hi użata bħala referenza għall-Bitħa tal-Ġentili “tirreferi għall-bini kollu, iktar milli speċifikament għall-bini tat-Tempju nnifsu,” jgħid A Handbook on the Gospel of Matthew, minn Barclay M. Newman u Philip C. Stine. B’kuntrast, il-kelma Griega (na·os’) tradotta “tempju” fil-viżjoni li kellu Ġwanni dwar il-kotra kbira hija iktar speċifika. Meta tintuża f’konnessjoni mat-tempju taʼ Ġerusalemm, din kważi dejjem tirreferi għall-Qaddis tal-Qaddisin jew għat-tempju nnifsu. Xi drabi tiġi tradotta wkoll “santwarju.”—Mattew 27:5, 51; Luqa 1:9, 21.
Membri tal-kotra kbira jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju li Ġesù offra bħala fidwa. Huma nodfa spiritwalment, billi “l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf.” Għalhekk, huma dikjarati twajbin bil-prospett li jsiru ħbieb t’Alla u li jibqgħu ħajjin fit-tribulazzjoni l-kbira. (Ġakbu 2:23, 25) F’ħafna modi, huma bħall-proseliti f’Iżrael li qagħdu għall-patt tal-Liġi u taw qima flimkien maʼ l-Iżraelin.
Bla dubju, dawk il-proseliti ma kinux jaqdu fil-bitħa taʼ ġewwa, fejn il-qassisin kienu jwettqu dmirijiethom. U l-membri tal-kotra kbira m’humiex qegħdin fil-bitħa taʼ ġewwa tat-tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah, il-bitħa li tirrappreżenta l-kundizzjoni taʼ dlik bl-ispirtu tal-membri tas-“saċerdozju qaddis” taʼ Jehovah waqt li dawn għadhom fuq l-art. (1 Pietru 2:5) Imma, bħalma qal wieħed mix-xjuħ li qegħdin fis-sema lil Ġwanni, il-kotra kbira qiegħda sewwasew ġot-tempju, mhux f’xi post barra mit-tempju f’xi tip taʼ Bitħa spiritwali tal-Ġentili. Huma qegħdin fl-istat spiritwali nadif u qaddis iffigurat bil-quddiem mill-bitħa taʼ barra tat-tempju taʼ Salamun. Xi privileġġ hu dan! U kemm jenfasizza l-bżonn li kulħadd iżomm safa spiritwali u morali l-ħin kollu!
[Dijagramma/Stampa f’paġna 31]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
It-Tempju taʼ Salamun
1. Il-Qaddis tal-Qaddisin
2. Il-Bitħa taʼ Ġewwa
3. Il-Bitħa taʼ Barra
4. It-Taraġ li Jagħti għall-Bitħa tat-Tempju