Ħarsa mill-Qrib Lejn Xi Ħrejjef dwar il-Mewt
MATUL l-istorja, il-bniedem baqaʼ mħawwad u mbeżżaʼ quddiem il-prospett mudlam tal-mewt. Iktar minn hekk, il-biżaʼ mill-mewt kompla jissaħħaħ b’taħlita taʼ ideat reliġjużi foloz, drawwiet popolari, u twemmin persunali b’għeruq ħoxnin. Il-biżaʼ mill-mewt jistaʼ jipparalizza l-abbiltà taʼ persuna li titgħaxxaq bil-ħajja u tmermer il-fidi qawwija li fil-ħajja hemm skop.
Ir-reliġjonijiet popolari jagħmlu ħafna ħsara f’li jippromwovu numru taʼ ħrejjef komuni dwar il-mewt. Billi neżaminaw xi ftit minn dawn fid-dawl tal-verità tal-Bibbja, ara jekk il-ħarsa persunali tiegħek dwar il-mewt tistax tiġi ċċarata.
Ħrafa Nru. 1: Il-mewt hija t-tmiem naturali tal-ħajja.
“Il-mewt . . . hija parti integrali minn ħajjitna,” jgħid il-ktieb Death—The Final Stage of Growth (Il-Mewt—L-Aħħar Stadju taʼ l-Iżvilupp). Kummenti bħal dan jirriflettu t-twemmin li l-mewt hija normali—it-tmiem naturali taʼ l-organiżmi ħajjin kollha. Minħabba f’hekk, twemmin bħal dan ħoloq f’ħafna nies filosofija nikilistika, li tinkludi ċ-ċaħda taʼ kull twemmin, u mġiba opportunistika.
Imma hija l-mewt verament it-tmiem naturali tal-ħajja? Mhux ir-riċerkaturi kollha jaqblu maʼ dan. Per eżempju, Calvin Harley, bijologu li jistudja x-xjuħija tal-bniedem, f’intervista qal li hu ma jemminx li l-bnedmin “huma programmati biex imutu.” L-immunologu William Clark, studjuż taʼ l-immunità tal-bniedem, osserva li l-mewt m’għandhiex tkun parti mid-definizzjoni tal-ħajja. Ukoll, Seymour Benzer, mill-Istitut tat-Teknoloġija taʼ Kalifornja rrifletta u qal li “x-xjuħija tistaʼ tiġi deskritta l-aħjar mhux bħal arloġġ, imma bħala xenarju, li aħna nisperaw li nistgħu nbiddlu.”
Meta x-xjenzati jistudjaw kif inhu magħmul il-bniedem, jitħawdu. Huma jaraw kemm aħna ġejna mżejnin b’doni taʼ riżorsi u abbiltajiet li huma ħafna iktar milli nistgħu niġu bżonn f’ħajja taʼ 70 jew 80 sena. Per eżempju, ix-xjenzati sabu li moħħ il-bniedem jiflaħ iżomm memorja immensa. Riċerkatur wieħed ikkalkula li moħħna jistaʼ jżomm informazzjoni li “tistaʼ timla xi għoxrin miljun volum, daqskemm ikun hemm fl-akbar libreriji tad-dinja.” Xi newroxjenzati jgħidu li matul ħajja medja, bniedem juża biss 1/100 taʼ wieħed fil-mija (.0001) taʼ l-abbiltà potenzjali taʼ moħħu. Huwa xieraq li nistaqsu, ‘Għalfejn għandna moħħ li jiflaħ daqstant meta aħna nużaw biss frazzjoni ċkejkna minnu matul ħajja medja?’
Ikkunsidra wkoll kemm il-bniedem jirreaġixxi b’mod li xejn m’hu naturali għall-mewt! Għall-maġġuranza, il-mewt tal-mara jew tar-raġel, jew taʼ xi tifel jew tifla tistaʼ tkun l-akbar trawma taʼ ħajjithom. L-emozzjonijiet jibqgħu mdamdma għal żmien twil wara l-mewt taʼ xi ħadd maħbub ħafna. Anki dawk li jgħidu li l-mewt hija naturali għall-bniedem isibuha iebsa biex jaċċettaw l-idea li l-mewt tagħhom stess se tfisser it-tmiem taʼ kollox. Il-British Medical Journal tkellem dwar “[ħsieb] komuni fost l-esperti li kulħadd jixtieq idum jgħix kemm jistaʼ jkun.”
Meta nqisu r-reazzjoni ġenerali tal-bniedem lejn il-mewt, il-potenzjal taʼ l-għaġeb li għandu biex jiftakar u jitgħallem, u x-xewqa ġewwinija tiegħu għall-eternità, m’huwiex ċar li l-bniedem inħoloq biex jgħix? Ċertament, Alla ma ħalaqx lill-bnedmin bil-mewt bħala konsegwenza naturali, imma bil-prospett li jibqgħu jgħixu għal dejjem. Innota x’futur poġġa Alla quddiem l-ewwel żewġ bnedmin: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr taʼ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.” (Ġenesi 1:28) X’futur mill-isbaħ u dejjiemi!
Ħrafa Nru. 2: Alla jieħu n-nies fil-mewt biex ikunu ħdejh.
Mara taʼ 27 sena li kienet se tmut u tħalli warajha tlett itfal qalet hekk lil waħda soru Kattolika: “Tiġix hawn u tgħidli li din hija r-rieda t’Alla għalija. . . . Nobgħod nismaʼ lil xi ħaddieħor jgħidli hekk.” Minkejja dan, ħafna reliġjonijiet hekk jgħallmu dwar il-mewt—li Alla jieħu lin-nies biex ikunu ħdejh.
Huwa l-Ħallieq daqshekk kiefer li bla sentimenti taʼ xejn jaqbad u jġib il-mewt fuqna, meta jaf li dan se jaqsmilna qalbna? Le, mhux Alla tal-Bibbja. Bħal ma jgħid l-1 Ġwann 4:8, “Alla hu mħabba.” Innota li hawn ma jgħidx li Alla għandu l-imħabba jew li Alla jħobb, imma jgħid li Alla hu mħabba. Tant hi intensa, tant hi pura, tant perfetta hija l-imħabba t’Alla, tant hija minsuġa fil-personalità u fl-azzjonijiet tiegħu li bir-raġun kollu jistaʼ jintqal li hu il-personifikazzjoni stess taʼ l-imħabba. Dan m’huwiex Alla li jieħu n-nies fil-mewt biex ikunu ħdejh.
Ir-reliġjon falza ħalliet ħafna nies imħawdin dwar fejn qegħdin il-mejtin u dwar il-kundizzjoni tagħhom. Fost id-destinazzjonijiet li n-nies jemmnu bihom hemm is-sema, l-infern, il-purgatorju, u l-Limbu. Hemm minnhom li ħadd ma jifhem x’inhuma u oħrajn li huma verament tal-waħx. Il-Bibbja, min-naħa l-oħra, turina li l-mejtin m’huma konxji taʼ xejn; huma jinsabu fi stat li jistaʼ jixxebbah l-aħjar maʼ l-irqad. (Koħèlet 9:5, 10; Ġwann 11:11-14) Għalhekk, m’għandniex ninkwetaw fuq x’se jiġrilna wara l-mewt, daqskemm kieku ninkwetaw meta naraw lil xi ħadd rieqed fil-fond. Ġesù tkellem dwar żmien meta “dawk kollha li jkunu fl-oqbra” se “joħorġu” għall-ħajja mill-ġdid f’art magħmula ġenna.—Ġwann 5:28, 29; Luqa 23:43.
Ħrafa Nru. 3: Alla jieħu lit-tfal ċkejknin biex isiru anġli.
Elisabeth Kübler-Ross, li studjat lil individwi morda b’mard terminali semmiet ħsieb komuni ieħor fost nies reliġjużi. Billi rrakkontat ġrajja li seħħet fir-realtà, hi qalet li “m’huwiex għaqli li tgħid lil tifla żgħira li tilfet lil ħuha, li Alla tant iħobb lis-subien ċkejknin li ħa liċ-ċkejken Johnny fis-sema.” Stqarrija bħal din titfaʼ dell ikrah fuq Alla u ma tirriflettix il-personalità u l-imġiba tiegħu. It-Tabiba Kübler-Ross tkompli tgħid: “Meta din it-tifla żgħira kibret u saret mara, hi qatt ma taffiet ir-rabja li kellha għal Alla, li rriżultat f’dipressjoni psikotika meta hi stess tilfet lit-tifel żgħir tagħha tletin sena wara.”
Għalfejn għandu Alla jaħtaf tifel żgħir biex ikollu anġlu ieħor—bħallikieku Alla għandu bżonn lit-tifel iktar milli għandhom bżonnu l-ġenituri? Li kieku kien veru li Alla jieħu t-tfal, ma kinitx din il-ħaġa tagħmlu Ħallieq bla mħabba u egoist? Kuntrarju għal dan il-ħsieb, il-Bibbja tgħid: “L-imħabba ġejja minn Alla.” (1 Ġwann 4:7) Sejjer Alla taʼ mħabba jikkawża telfa li lanqas bnedmin bl-iċken livell taʼ deċenza ma jittolleraw?
Allura għalfejn imutu t-tfal? Parti mit-tweġiba tal-Bibbja hija dokumentata f’Koħèlet 9:11: “F’kollox jidħol iż-żmien u ċ-ċirkustanzi.” Ukoll, Salm 51:7 (51:5, NW) jgħidilna li aħna lkoll nitnisslu imperfetti, jew midinbin, u li dak li jiġri lil kull bniedem issa huwa li fl-aħħar imut minħabba diversi raġunijiet. Xi kultant il-mewt tasal qabel it-twelid, u b’hekk jirriżulta f’li titwieled tarbija mejta. F’każijiet oħra, tfal jiffaċċjaw ċirkustanzi traġiċi jew aċċidenti u jmutu. Alla m’huwiex responsabbli għal affarijiet bħal dawn.
Ħrafa Nru. 4: Xi nies jiġu turmentati wara l-mewt.
Ħafna reliġjonijiet jgħallmu li l-ħżiena se jmorru f’infern tan-nar u jibqgħu jiġu turmentati għal dejjem. Huwa dan it-tagħlim loġiku u Skritturali? Il-ħajja tal-bniedem hija limitata għal 70 jew 80 sena. Anki jekk xi ħadd huwa ħati li tul ħajtu kollha wettaq ħażen mill-agħar, tistaʼ t-tbatija eterna tkun il-kastig xieraq? Le. Tkun xi ħaġa kompletament inġusta li taħqar lil xi ħadd għal dejjem minħabba d-dnubiet li wettaq fiż-żmien qasir taʼ ħajtu.
Alla biss jistaʼ jgħarraf x’jiġri lin-nies wara li jmutu, u hu għamel dan fil-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja. Dan huwa dak li tgħid il-Bibbja: “Bħalma tmut il-bhima jmut ukoll il-bniedem, għax l-istess hu nifs il-ħajja li hemm fihom ilkoll . . . Lejn l-istess post imorru t-tnejn; lkoll mit-trab saru, u lkoll lejn it-trab jerġgħu jmorru.” (Koħèlet 3:19, 20) Hawnhekk m’hawn l-ebda infern tan-nar imsemmi. Il-bnedmin jerġgħu lura fit-trab—ma jibqgħux jeżistu—meta jmutu.
Biex xi ħadd ibati jrid ikun jaf x’inhu jiġri. Jafu l-mejtin x’inhu jiġri? Għal darb’oħra, il-Bibbja tagħtina t-tweġiba: “Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn; lanqas ħlas ma baqaʼ għalihom għax imqar it-tifkira tagħhom intesiet.” (Koħèlet 9:5) La l-mejtin “ma jafu xejn,” huwa impossibbli li jiġu turmentati f’xi post.
Ħrafa Nru. 5: Il-mewt tfisser it-tmiem taʼ l-eżistenza tagħna għal dejjem.
Aħna ma nibqgħux neżistu meta mmutu, imma dan mhux bilfors ifisser li jkun spiċċa kollox. Ir-raġel leali Ġob kien jaf li kien se jmur fil-qabar, Xeol jew Art l-Imwiet, meta jmut. Imma ismaʼ t-talba tiegħu lil Alla: “M’hux li kont taħbini f’Art l-Imwiet fejn nistkenn sa ma tibred il-korla tiegħek u tiffissali żmien li tiftakar fija. Li kien jistaʼ bniedem imut u jerġaʼ għal ħajja . . . Kont tgħajjatli u jiena nwieġbek.”—Ġob 14:13-15.
Ġob kien jemmen li jekk jibqaʼ leali sal-mewt, Alla kien se jiftakru u fiż-żmien xieraq jirxoxtah. Dan kien it-twemmin tal-qaddejja kollha t’Alla fi żmien il-qedem. Ġesù nnifsu kkonferma din it-tama u wera li Alla kien se jużah biex iqajjem lill-mejtin. Il-kliem taʼ Kristu stess jiżgurana: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu [taʼ Ġesù] u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna.”—Ġwann 5:28, 29.
F’qasir żmien ħafna, Alla se jneħħi l-ħażen kollu u jwaqqaf dinja ġdida taħt ħakma mis-sema. (Salm 37:10, 11; Danjel 2:44; Apokalissi 16:14, 16) Ir-riżultat se jkun ġenna taʼ l-art mal-globu kollu, mimlija b’nies li jaqdu ’l Alla. Fil-Bibbja naqraw: “Smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid: ‘Din hi l-għamara taʼ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.’”—Apokalissi 21:3, 4.
Meħlusin mill-Biżaʼ
Għarfien dwar it-tama taʼ l-irxoxt flimkien m’għarfien dwar il-Wieħed li huwa s-sors taʼ dan il-provvediment jistaʼ jfarrġek. Ġesù wiegħed: “Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġwann 8:32) Dan jinkludi li ninħelsu mill-biżaʼ mill-mewt. Jehovah huwa l-uniku wieħed li fil-fatt jistaʼ jibdel il-proċess tax-xjuħija u l-mewt u jagħtina l-ħajja taʼ dejjem. Tistaʼ sserraħ fuqhom il-wegħdi t’Alla? Iva tistaʼ, għaliex il-Kelma t’Alla dejjem isseħħ. (Isaija 55:11) Aħna nħeġġuk titgħallem iktar dwar l-iskopijiet t’Alla għall-umanità. Ix-Xhieda taʼ Jehovah se jkunu ferħanin ħafna li jgħinuk.
[Kumment f’paġna 6]
Il-biżaʼ mill-mewt jistaʼ jipparalizza l-abbiltà taʼ persuna li titgħaxxaq bil-ħajja
[Tabella f’paġna 7]
XI ĦREJJEF MAGĦRUFA DWAR IL-MEWT L-ISKRITTURI XI JGĦIDU?
● Il-mewt hija t-tmiem naturali tal-ħajja Ġenesi 1:28; 2:17; Rumani 5:12
● Alla jieħu n-nies fil-mewt biex ikunu ħdejh Ġob 34:15; Salm 37:11, 29; 115:16
● Alla jieħu lit-tfal ċkejknin biex isiru anġli Salm 51:7 (51:5, NW); 104:1, 4, NW; Lhud 1:7, 14
● Xi nies jiġu turmentati wara l-mewt Salm 146:4; Koħèlet 9:5, 10; Rumani 6:23
● Il-mewt tfisser it-tmiem taʼ l-eżistenza Ġob 14:14, 15; Ġwann 3:16; 17:3; Atti 24:15
tagħna għal dejjem
[Stampa f’paġna 8]
Li nsiru nafu l-verità dwar il-mewt jeħlisna mill-biżaʼ
[Sors tal-Istampa f’paġna 5]
Barrators—Giampolo/The Doré Illustrations For Dante’s Divine Comedy/Dover Publications Inc.