LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 6/1 pp. 9-12
  • Min Jaħti Int jew il-Ġeni Tiegħek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Jaħti Int jew il-Ġeni Tiegħek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Inbeda Kollox
  • L-​Evidenza Kontra l-​Bijoloġija
  • L-​Għerq taʼ l-​Inkwiet tal-​Bniedem
  • Esperjenza Inkuraġġanti
  • Aħna Responsabbli
  • Meta d-Dnub Jintemm
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Kif il-Mewt taʼ Ġesù Tistaʼ Ssalvak
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Ġesù Jsalvana—Kif?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Għala Nixjieħu u Mmutu?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 6/1 pp. 9-12

Min Jaħti Int jew il-​Ġeni Tiegħek?

IX-​XJENZATI huma bieżla fuq xogħolhom biex isibu raġunijiet ġenetiċi għall-​alkoħoliżmu, l-​omosesswalità, it-​taħlit sesswali, il-​vjolenza, imġiba oħra mhux normali, u anki għall-​mewt infisha. Ma jkunx taʼ serħan li nsiru nafu li aħna m’aħniex responsabbli għall-​azzjonijiet tagħna imma li m’aħna xejn ħlief vittmi taʼ kif aħna magħmula ġenetikament? Hija fin-​natura tagħna l-​bnedmin li nipprovaw inwaħħlu f’xi ħadd jew f’xi ħaġa għall-​iżbalji li nagħmlu.

Jekk il-​ħtija hi tal-​ġeni, ix-​xjenzati joffru l-​possibbiltà li jbiddluhom, billi jeliminaw karatteristiċi li ma rridux permezz taʼ l-​inġinerija ġenetika. Is-​suċċess reċenti f’li jiġi stabbilit fejn qiegħed il-​materjal ġenetiku kollu fil-​bniedem qanqal mill-​ġdid dawn it-​tamiet.

Però, dan kollu jistaʼ jkun possibbli dejjem jekk nissopponu li l-​wirt ġenetiku tagħna huwa l-​ħati responsabbli għad-​dnubiet u l-​iżbalji kollha tagħna. Irnexxielhom dawn id-​ditektivs tax-​xjenza jsibu biżżejjed evidenza biex jiftħu kawża kontra l-​ġeni tagħna? Żgur li t-​tweġiba se teffettwa bil-​kbir il-​mod kif inħarsu lejna nfusna u lejn il-​futur tagħna. Però, ħarsa lejn l-​oriġini tal-​bniedem, qabel ma neżaminaw l-​evidenza, se tgħinna naraw l-​affarijiet iktar ċari.

Kif Inbeda Kollox

Ħafna nies huma familjari, jew għallinqas semgħu bir-​rakkont tal-​waqgħa taʼ l-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, fil-​ġnien taʼ l-​Għeden. Kienu huma minnhom infushom magħmulin b’xi imperfezzjoni fil-​ġeni mill-​bidunett, xi difett fid-​disinn li għamilhom suġġetti għad-​dnub u d-​diżubbidjenza?

Il-Ħallieq tagħhom, Alla Jehovah, li xogħlijietu huma kollha perfetti, iddikjara r-​riżultat finali tal-​ħolqien taʼ l-​art bħala “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31; Dewteronomju 32:4) Biex ikompli juri kemm kien sodisfatt b’xogħlu, hu ta l-​barka tiegħu lill-​ewwel koppja u kkmandahom biex inisslu u joktru, jimlew l-​art bi ħlejjaq umani, u biex jieħdu ħsieb il-​ħolqien taʼ l-​art​—żgur m’hijiex xi ħaġa li se jagħmel xi ħadd li hu inċert minn xogħol idejh.​—Ġenesi 1:​28.

Dwar il-​ħolqien taʼ l-​ewwel koppja umana, il-​Bibbja tgħidilna: “Alla ħalaq il-​bniedem fuq xbihietu fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom.” (Ġenesi 1:27) Dan ma jfissirx li l-​bnedmin kienu magħmulin biex jixbhu lil Alla fiżikament, għax “Alla huwa spirtu.” (Ġwann 4:24) Pjuttost, dan ifisser li l-​bnedmin ġew imżejnin bi kwalitajiet bħal t’Alla, kif ukoll b’sens taʼ moralità, jiġifieri l-​kuxjenza. (Rumani 2:​14, 15) Huma kienu ħielsa li jagħżlu jekk jagħmlux it-​tajjeb jew il-​ħażin—kapaċi jiżnu l-​kwistjonijiet u jiddeċiedu x’inhu l-​aħjar li jagħmlu.

Madankollu, l-​ewwel ġenituri tagħna ma tħallewx mingħajr gwida. Anzi, huma ġew imwissijin bil-​konsegwenzi taʼ mġiba ħażina. (Ġenesi 2:17) Għalhekk, l-​evidenza turi li meta Adam ġie ffaċċjat b’deċiżjoni morali, hu għażel li jagħmel dak li deherlu li kien jaqbillu jew li kien taʼ vantaġġ għal dak il-​ħin. Hu segwa lil martu fil-​ħażen tagħha bla ma qagħad iqis ir-​relazzjoni li kellu mal-​Ħallieq tiegħu jew l-​effetti taʼ l-​azzjoni tiegħu li tant kienu se jdumu. Ukoll, iktar tard hu pprova jitfaʼ l-​ħtija tiegħu fuq Jehovah, billi qal li l-​mara li kien ipprovdielu Hu kienet żvijatu.​—Ġenesi 3:​6, 12; 1 Timotju 2:​14.

Il-mod kif Jehovah irreaġixxa għad-​dnub taʼ Adam u Eva jgħinna nifhmu iktar ċar. Hu ma pprovax jirranġa xi ‘difett fid-​disinn’ fil-​ġeni tagħhom. Għall-​kuntrarju, hu ġab fuqhom il-​konsegwenzi mbassrin għal għemilhom, li eventwalment wassluhom għal mewthom. (Ġenesi 3:​17-​19) Din il-​ġrajja tal-​bidu tgħinna nifhmu ħafna aħjar in-​natura taʼ l-​imġiba tal-​bniedem.a

L-​Evidenza Kontra l-​Bijoloġija

Ix-​xjenzati ilhom għal żmien twil jitħabtu maʼ biċċa xogħol enormi, dik li jsibu raġunijiet u kuri ġenetiċi għall-​mard kif ukoll għall-​imġiba tal-​bniedem. Wara għaxar snin taʼ xogħol minn sitt gruppi taʼ riċerkaturi, il-​ġene li għandu x’jaqsam mal-​marda taʼ Huntington ġie identifikat, għalkemm ir-​riċerkaturi m’għandhomx idea kif dan il-​ġene jikkawża l-​marda. Madankollu, meta rrapporta dwar din ir-​riċerka, is-​Scientific American ikkwota lil Evan Balaban, bijologu taʼ Harvard, li qal li x’aktarx se jkun estremament iktar diffiċli biex jiġu skoperti l-​ġeni għall-​problemi fl-​imġiba.

Fil-​fatt, riċerka li saret bl-​iskop li jinstab kif ċerti ġeni jikkorrispondu maʼ l-​imġiba tal-​bniedem, falliet. Per eżempju, f’Psychology Today, rapport fuq l-​isforzi biex jinstabu raġunijiet ġenetiċi għad-​dipressjoni jgħid: “Tagħrif epidemjoloġiku dwar mard mentali serju jagħmilha ċara li dan ma jistax ikollu raġunijiet ġenetiċi biss.” Ir-​rapport jagħti eżempju: “L-​Amerikani li twieldu qabel l-​1905 kellhom rata taʼ wieħed fil-​mija ċans għal dipressjoni sa meta jkollhom 75 sena. Fost l-​Amerikani li twieldu nofs seklu wara, sitta fil-​mija jkunu dipressi taʼ 24 sena!” B’hekk, minn dan nikkonkludu li fatturi esterni jew soċjali biss jistgħu jikkawżaw bidliet drammatiċi bħal dawn fi żmien daqshekk qasir.

Dawn u diversi studji oħra x’juruna? Filwaqt li l-​ġeni jistgħu jkollhom sehem biex jifformaw il-​personalitajiet tagħna, huwa ċar li hemm ukoll influwenzi oħrajn. Fattur ewlieni huwa l-​ambjent tagħna, li għadda minn tibdil kbir ħafna dan l-​aħħar. Rigward dak kollu li ż-​żgħażagħ taʼ llum qegħdin jiffaċċjaw f’divertiment popolari, il-​ktieb Boys Will Be Boys josserva li ma tantx hemm ċans li t-​tfal jiżviluppaw prinċipji morali f’lokhom. Dan jiġri minħabba li t-​tfal “jikbru jaraw għaxriet t’eluf taʼ sigħat taʼ programmi televiżivi u films fejn lin-​nies jattakkawhom, jisparawlhom, ifajrulhom daqqiet taʼ stalletti, joħorġulhom l-​intern, iqattgħuhom biċċiet, iqaxxruhom, jew jaqlgħulhom partijiet minn ġisimhom, u meta t-​tfal jikbru jisimgħu mużika li tigglorifika l-​istupru, is-​suwiċidju, id-​drogi, l-​alkoħol, u l-​bigottiżmu.”

Bla dubju, Satana, “il-​Prinċep taʼ din id-​dinja,” ifforma ambjent li jpaxxi x-​xewqat l-​iktar baxxi tal-​bniedem. U min jistaʼ jiċħad l-​influwenza qawwija li ambjent bħal dan għandu fuqna lkoll?​—Ġwann 12:31; Efesin 6:​12; Apokalissi 12:​9, 12.

L-​Għerq taʼ l-​Inkwiet tal-​Bniedem

Bħalma diġà rajna, il-​problemi taʼ l-​umanità bdew meta l-​ewwel koppja umana dinbet. X’kien ir-​riżultat? Waqt li l-​ġenerazzjonijiet li ġew minn Adam m’humiex responsabbli għad-​dnub taʼ Adam, xorta waħda kollha jitwieldu bid-​dnub, l-​imperfezzjoni, u l-​mewt bħala l-​wirt tagħhom fil-​ħajja. Il-​Bibbja tispjega: “Għalhekk, bħalma kien permezz taʼ bniedem wieħed li fid-​dinja daħal id-​dnub, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u hekk il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha, għax kollha dinbu.”​—Rumani 5:​12.

L-imperfezzjoni tal-​bniedem bla dubju tpoġġih fi żvantaġġ kbir. Imma dan ma jeħilsux mir-​responsabbiltà morali kollha li għandu. Il-​Bibbja turi li dawk li jpoġġu fidi fil-​provvediment taʼ Jehovah għall-​ħajja u jġibu ħajjithom fi qbil mal-​livelli t’Alla se jkollhom l-​approvazzjoni tiegħu. Sforz il-​qalb tajba bl-​imħabba li għandu, Jehovah għamel provvediment kollu ħniena biex jifdi lill-​umanità, bħallikieku biex jixtri lura, dak li tilef Adam. Dan il-​provvediment huwa s-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ l-​Iben perfett tiegħu, Ġesù Kristu, li qal: “Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”​—Ġwann 3:16; 1 Korintin 15:​21, 22.

L-appostlu Pawlu esprima l-​apprezzament kbir li kellu għal dan il-​provvediment. Hu qal: “Msejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-​ġisem tal-​mewt? Niżżi ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu Sidna!” (Rumani 7:​24, 25) Pawlu kien jaf li jekk jaqaʼ għad-​dnub minħabba d-​dgħjufija, hu setaʼ jitlob ’l Alla għall-​maħfra fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù Kristu.b

Bħalma ġara fl-​ewwel seklu, illum ħafna minn dawk li qabel kienu jgħixu ħajja immorali jew li s-​sitwazzjoni tagħhom kienet tidher bla tama ħadu għarfien eżatt dwar il-​verità tal-​Bibbja, għamlu l-​bidliet li kien hemm bżonn, u għalhekk jistgħu jkollhom il-​favur taʼ Alla. Il-​bidliet li riedu jagħmlu ma kinux faċli, u ħafna xorta għadhom jissieltu maʼ tendenzi taʼ ħsara. Imma bl-​għajnuna t’Alla, huma kapaċi jżommu l-​integrità u jkunu ferħanin billi jaqduh. (Filippin 4:13) Ikkunsidra eżempju wieħed biss taʼ xi ħadd li għamel bidliet drastiċi biex b’hekk ikun jistaʼ jogħġob lil Alla.

Esperjenza Inkuraġġanti

“Meta kont daqsxejn taʼ tfajjel u kont ngħix f’kulleġġ, involvejt ruħi fi prattiċi omosesswali, għalkemm qatt ma qist ruħi bħala omosesswali. Il-​ġenituri tiegħi kienu divorzjati, u jien vera xtaqt li jkolli l-​affezzjoni tal-​ġenituri li qatt ma ngħatajt. Wara li spiċċajt l-​iskola, dħalt fis-​servizz militari obbligatorju. Kien hemm grupp t’omosesswali fil-​kwartieri taʼ ħdejja. Bdejt ngħir għall-​mod taʼ kif kienu jgħixu, u għalhekk bdejt nassoċja magħhom. Wara li għamiltha magħhom għal sena, bdejt inqis lili nnifsi bħala omosesswali. ‘Hekk magħmul,’ irraġunajt, ‘u ma nistaʼ nagħmel xejn dwar dan.’

“Bdejt nitgħallem nitkellem bil-​lingwaġġ tagħhom u mmur fi klabbs taʼ l-​omosesswali, fejn id-​drogi u l-​alkoħol ma kienx diffiċli biex takkwistahom. Minkejja li minn barra kollox kien jidher eċċitanti u sabiħ, fil-​fatt dan kien verament diżgustanti. F’qalbi kont inħoss li din ix-​xorta taʼ relazzjoni ma kinitx naturali u ma kellhiex futur.

“Ġo belt żgħira, rajt Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Dak il-​ħin kienet għaddejja l-​laqgħa. Jien dħalt ġewwa u qgħadt nismaʼ t-​taħdita li kienet dwar kundizzjonijiet futuri f’Ġenna taʼ l-​art. Wara l-​laqgħa, iltqajt maʼ xi wħud mix-​Xhieda u ġejt mistieden għal assemblea. Jien mort, u dik kienet xi ħaġa taʼ l-​għaġeb għalija​—li nara familji ferħanin jagħtu qima lkoll flimkien. Bdejt nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda.

“Għalkemm għalija kienet ġlieda, bdejt napplika dak li kont qed nitgħallem mill-​Bibbja. Kont kapaċi ninħeles mill-​prattiċi mhux nodfa kollha li kelli. Wara li kont ilni nistudja għal sena u xahrejn, iddedikajt ħajti lil Jehovah u tgħammidt. Għall-​ewwel darba f’ħajti, kelli ħbieb veri. Stajt ngħin lill-​oħrajn jitgħallmu l-​verità mill-​Bibbja, u issa naqdi bħala qaddej ministerjali fil-​kongregazzjoni Kristjana. Jehovah tassew berikni.”

Aħna Responsabbli

Li nipprovaw nitfgħu l-​ħtija kollha fuq il-​ġeni tagħna għall-​imġiba ħażina tagħna m’hijiex soluzzjoni. Minflok ma ningħataw l-​għajnuna biex insolvu jew negħlbu l-​problemi tagħna, jgħid Psychology Today, li nagħmlu hekk jistaʼ jkun qed jgħallimna nħossuna li ma nistgħu nagħmlu xejn u dan is-​sentiment jinsab fl-​għerq taʼ ħafna mill-​problemi tagħna. Qal ukoll li flok ma naqqas dawn il-​problemi, donnu li iktar ġagħalhom jiżdiedu.

Huwa veru li aħna rridu nissieltu kontra forzi b’saħħithom ferm, bħalma huma t-​tendenzi midinba tagħna stess u l-​isforzi taʼ Satana biex ifixkilna milli nobdu ’l Alla. (1 Pietru 5:8) Huwa veru wkoll li l-​ġeni tagħna jistgħu jinfluwenzawna b’xi mod jew ieħor. Imma aħna żgur li m’aħniex mingħajr għajnuna. Il-​veri Kristjani għandhom alleati qawwijin​—Jehovah, Ġesù Kristu, l-​ispirtu qaddis t’Alla, il-​Kelma tiegħu l-​Bibbja, u l-​kongregazzjoni Kristjana.​—1 Timotju 6:​11, 12; 1 Ġwann 2:1.

Qabel ma l-​ġens taʼ Iżrael daħal fl-​Art Imwiegħda, Mosè fakkar lill-​poplu dwar ir-​responsabbiltà tiegħu quddiem Alla, billi qal: “Il-​ħajja u l-​mewt, . . . jien illum qegħedt quddiemek, il-​barka u s-​saħta. Agħżel il-​ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, u tismaʼ l-​kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu.” (Dewteronomju 30:​19, 20, korsiv tagħna.) L-​istess illum, kull individwu responsabbli huwa obbligat li jagħmel deċiżjoni persunali dwar li jaqdi ’l Alla u li jilħaq il-​ħtiġijiet tiegħu. L-​għażla hija f’idejk.​—Galatin 6:​7, 8.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Settembru, 1996, paġni 3-8.

b Ara l-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem paġni 62-9, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampi f’paġna 9]

Kienu Adam u Eva suġġetti għad-​dnub minħabba xi difett fil-​ġeni tagħhom?

[Stampi f’paġna 10]

Għandu kull individwu jaċċetta r-​responsabbiltà għad-​deċiżjonijiet tiegħu?

[Sors]

Drogata: Godo-Foto

[Stampa f’paġna 11]

Sforzi biex jinstab kif ċerti ġeni jikkorrispondu maʼ l-​imġiba tal-​bniedem fallew

[Stampa f’paġna 12]

Applikar taʼ dak li tgħid il-​Bibbja jistaʼ jgħin lil uħud sinċieri biex jinbidlu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja