Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Meta jkun xieraq li mara Kristjana tgħatti rasha għal raġunijiet spiritwali?
“Kull mara li titlob jew tipprofetizza b’rasha mikxufa tagħmel għajb lil rasha,” kiteb l-appostlu Pawlu. Għala? Minħabba l-prinċipju divin rigward l-istat taʼ kap: “Ras il-mara huwa r-raġel.” Fil-kongregazzjoni Kristjana, normalment ir-responsabbiltà tat-talb u l-ippridkar tkun f’idejn l-irġiel. Għalhekk, meta mara Kristjana tieħu ħsieb attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-qima u li s-soltu jsiru mir-raġel tagħha jew minn xi raġel mgħammed, hi għandha tgħatti rasha.—1 Korintin 11:3-10.
Fil-ħajja miżżewġa, mara Kristjana tistaʼ ssib ruħha f’sitwazzjonijiet li fihom ikun xieraq li tgħatti rasha. Per eżempju, meta l-familja kollha tinġabar għal studju tal-Bibbja jew għal xi ikla, ikun ir-raġel li normalment imexxi l-istudju u jitlob lil Alla għan-nom tagħhom. Madankollu, jekk hu ma jħaddanx l-istess twemmin, din ir-responsabbiltà għandha mnejn taqaʼ fuq martu. Għalhekk, meta oħt Kristjana titlob b’leħen għoli għan-nom tagħha u t’oħrajn, jew meta tmexxi studju tal-Bibbja maʼ wliedha u żewġha jkun preżenti, ikun xieraq li tgħatti rasha. Jekk żewġha ma jkunx preżenti, hi ma jkollhiex għalfejn tgħatti rasha, għaliex l-omm għandha l-awtorità mingħand Alla biex tgħallem lil uliedha.—Proverbji 1:8; 6:20.
Iżda, xi ngħidu jekk wieħed mit-tfal subien fil-familja jkun qaddej dedikat u mgħammed t’Alla Jehovah? Ladarba dan l-iben hu membru tal-kongregazzjoni Kristjana, it-tagħlim għandu jieħdu mingħand l-aħwa rġiel tal-kongregazzjoni. (1 Timotju 2:12) Jekk il-missier iħaddan l-istess twemmin, huwa fi dmir li jgħallem lil ibnu. Madankollu, jekk il-missier ma jkunx hemm, imbagħad l-omm għandha tgħatti rasha jekk tkun se tistudja l-Bibbja maʼ binha li jkun mgħammed u mat-tfal l-oħra. Hi għandha d-dritt tiddeċiedi jekk ikunx għaqli li tħalli lil binha jgħid it-talba waqt l-istudju jew waqt l-ikel. Għandha mnejn tħoss li għadu m’huwiex kapaċi biżżejjed u tagħżel li tgħid it-talba hi. Jekk tiddeċiedi li tgħidha hi, għandha tgħatti rasha.
Jistaʼ jkun li biex jieħdu sehem f’ċerti attivitajiet tal-kongregazzjoni, ikun hemm bżonn li n-nisa Kristjani jgħattu rashom. Per eżempju, f’xi laqgħa għas-servizz taʼ l-għalqa matul il-ġimgħa jistaʼ jkun hemm preżenti biss aħwa nisa Kristjani, u l-ebda ħu mgħammed. Jistaʼ jkun hemm okkażjonijiet oħra fejn f’xi laqgħa tal-kongregazzjoni ma jkunx hemm aħwa rġiel mgħammdin preżenti. Jekk oħt ikollha tieħu ħsieb dmirijiet li s-soltu jitwettqu minn ħu f’xi laqgħa tal-kongregazzjoni jew fil-laqgħa għas-servizz taʼ l-għalqa, hi għandha tgħatti rasha.
Għandhom in-nisa Kristjani jgħattu rashom meta jkunu qed jagħmlu traduzzjoni bil-kliem jew bis-sinjali taʼ xi taħdita jew meta jaqraw il-paragrafi minn xi ktieb taʼ studju tal-Bibbja li jkun qed jintuża f’waħda mil-laqgħat tal-kongregazzjoni? Le. L-aħwa nisa li jkunu qed jagħmlu dan ma jkunux qed imexxu jew jgħallmu. Bl-istess mod, l-aħwa nisa m’għandhomx għalfejn jgħattu rashom meta jieħdu sehem f’turijiet, jirrakkontaw xi esperjenzi, jew jieħdu sehem fit-taħditiet bħala parti mill-Iskola tal-Ministeru Teokratiku.
Filwaqt li t-tagħlim fil-kongregazzjoni għandu jkun f’idejn irġiel mgħammdin, kemm l-irġiel u kemm in-nisa għandhom ir-responsabbiltà li jxandru u jgħallmu n-nies taʼ barra l-kongregazzjoni. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Għalhekk, meta mara Kristjana tkun qed tkellem lin-nies, li m’humiex parti mill-kongregazzjoni, dwar il-Kelma t’Alla fil-preżenza taʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, ma jkollhiex għalfejn tgħatti rasha.
Iżda, is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ fejn qed isir studju tal-Bibbja regulari u pjanat minn qabel għand xi ħadd u jkun hemm preżenti ħu li huwa dedikat u mgħammed. Din hija sessjoni taʼ tagħlim pjanata minn qabel li fiha dak li qed jikkonduċi l-istudju jkun fil-fatt qed imexxi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istudju jsir parti mit-tagħlim li jsir fil-kongregazzjoni. Jekk oħt mgħammda tkun qed tikkonduċi studju tal-Bibbja bħal dan u magħha jkun hemm ħu mgħammed, ikun xieraq li tgħatti rasha. Però, huwa l-ħu dedikat li għandu jgħid it-talba. Oħt m’għandha qatt tgħid it-talba meta jkun hemm ħu dedikat preżenti ħlief f’każ li jkun hemm xi raġuni eċċezzjonali, bħal per eżempju jekk il-ħu ma jkunx jistaʼ jitkellem.
Oħt Kristjana tistaʼ kultant tieħu magħha pubblikatur tas-Saltna li ma jkunx mgħammed biex tikkonduċi studju tal-Bibbja. Jekk tixtieq, hi tistaʼ tħallih jikkonduċi l-istudju. Imma ladarba hu m’huwiex kwalifikat biex jitlob lil Jehovah għan-nom taʼ l-oħt li hija mgħammda, ikun xieraq li t-talba taʼ waqt l-istudju tgħidha hi. Jekk l-oħt tikkonduċi l-istudju u tgħid it-talba, hi jkollha bżonn tgħatti rasha. Avolja l-pubblikatur għadu ma tgħammidx, in-nies li m’humiex parti mill-kongregazzjoni jassoċjawh mal-kongregazzjoni peress li hu jieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar.
“Il-mara għandha tinsatar biex turi li hemm is-setgħa taʼ żewġha fuqha minħabba l-anġli,” kiteb l-appostlu Pawlu. Iva, l-aħwa nisa Kristjani għandhom il-privileġġ li jkunu taʼ eżempju tajjeb għall-miljuni taʼ anġli li jkomplu jissottomettu ruħhom bil-lealtà kollha lejn Jehovah. Kemm hu xieraq li nisa devoti jagħtu kas li jgħattu rashom f’kull okkażjoni li titlob dan minnhom!
[Stampi f’paġna 26]
Meta mara tgħatti rasha tkun qed turi rispett lejn l-istat taʼ kap