LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 8/1 pp. 20-22
  • Il-Joga—Eżerċizzju Biss jew Xi Ħaġa Iktar?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Joga—Eżerċizzju Biss jew Xi Ħaġa Iktar?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Isfond tal-​Joga
  • Fejn Tistaʼ Twasslek il-​Joga?
  • M’Hijiex Għażla għall-​Kristjani
  • X’Tiftakar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 8/1 pp. 20-22

Il-​Joga—Eżerċizzju Biss jew Xi Ħaġa Iktar?

IL-​FATT li tkun irqiq u f’saħħtek huwa xi ħaġa li llum dejjem qiegħda fuq imħuħ in-​nies. Dan ġiegħel lil ħafna nies imorru l-​ġinnasju u klabbs tas-​saħħa għall-​għajnuna. Għall-​istess raġuni, eluf taʼ nies fid-​dinja tal-​Punent irrikorrew għall-​arti tal-​Lvant, dik tal-​joga.

Nies li jbatu mill-​istress, mid-​dipressjoni, u mill-​frustrazzjoni wkoll irrikorrew għall-​joga biex isibu faraġ u soluzzjonijiet. Partikolarment mis-​snin sittin tas-​seklu 20 ’l hawn, fis-​snin tal-​hippies u l-​flower children (hippies li huma favur il-​paċi, is-​sbuħija, u l-​imħabba), kien hemm interess fir-​reliġjonijiet tal-​Lvant u l-​prattiċi mistiċi tagħhom li xtered mal-​Punent. Il-​meditazzjoni traxxendentali, li għandha x’taqsam ħafna mal-​joga, saret popolari ħafna permezz taʼ l-​istilel tal-​films u mużiċisti tar-​rock. Meta naraw dan l-​interess li dejjem jiżdied fil-​joga, nistgħu nistaqsu: ‘Hija l-​joga sempliċement eżerċizzju taʼ rutina li jagħti saħħa, figura rqiqa, u xi ftit paċi tal-​moħħ lil min jipprattikaha? Tistaʼ l-​joga tiġi prattikata mingħajr implikazzjonijiet reliġjużi? Hija l-​joga xierqa għall-​Kristjani?’

L-​Isfond tal-​Joga

Il-​kelma oriġinali għal “joga” tistaʼ tfisser li tgħaqqad jew torbot flimkien, jew li tpoġġi taħt madmad, li tliġġem, jew li tikkontrolla. Għal wieħed Ħindu, il-​joga hija teknika jew dixxiplina li twassal għal unjoni maʼ forza jew spirtu sopranaturali. Din ġiet deskritta bħala “l-​irbit tal-​qawwiet kollha tal-​ġisem, tal-​moħħ, u tar-​ruħ m’Alla.”

Kemm tistaʼ tmur lura fiż-​żmien l-​istorja tal-​joga? Figuri taʼ nies bil-​qiegħda f’diversi pożizzjonijiet tal-​joga jidhru fuq siġilli li nstabu fil-​Wied Indu, fejn illum jinsab il-​Pakistan. L-​arkeoloġi jgħidu li ċ-​ċiviltà tal-​Wied Indu kienet taʼ bejn it-​tielet u t-​tieni millennji Q.E.K, żmien li hu qrib ħafna tal-​kultura tal-​Mesopotamja. Oġġetti artistiċi magħmulin bl-​idejn miż-​żewġ ċiviltajiet juru raġel, li jirrappreżenta divinità, bi qrun taʼ l-​annimali maʼ rasu u mdawwar bl-​annimali, li jfakkarna ħafna f’Nimrod, il-​“kaċċatur qalbieni.” (Ġenesi 10:​8, 9) Il-​Ħindu jgħidu li l-​figuri taʼ nies bil-​qiegħda f’pożizzjonijiet tal-​joga huma xbihat taʼ l-​alla Siva, sid l-​annimali u sid il-​joga, li ħafna drabi huwa meqjum permezz tal-​lingam, simbolu falliku. Minħabba f’hekk, il-​ktieb Hindu World jgħid li l-​joga hija “kodiċi taʼ prattiċi axxetiċi, prinċipalment taʼ oriġini miż-​żmien taʼ qabel l-​Arjani, li fihom traċċi taʼ ħafna ideat u osservanzi primittivi.”

Għall-bidu, il-​metodi tal-​joga ġew mgħoddijin minn wieħed għall-​ieħor bil-​kliem. Imbagħad Patañjali, għaref Indjan tal-​joga, niżżilhom bil-​miktub u fid-​dettall bħala l-​Yoga Sutra, li għadu l-​ktieb taʼ istruzzjoni bażika tal-​joga. Skond Patañjali, il-​joga hija “sforz metodiku biex tintlaħaq il-​perfezzjoni, bil-​kontroll taʼ l-​elementi differenti tan-​natura umana, kemm fiżika kif ukoll psikika.” Mill-​bidu tagħha sa llum, il-​joga kienet u għadha parti integrali mir-​reliġjonijiet tal-​Lvant, partikolarment issa fil-​Ħinduiżmu, il-​Ġajniżmu, u l-​Buddiżmu. Xi wħud li jipprattikaw il-​joga jemmnu li din se twassalhom biex jilħqu l-​mokxa, jew il-​ħelsien, billi jingħaqdu maʼ spirtu omnipreżenti.

Għalhekk għal darb’oħra nistaqsu: ‘Tistaʼ l-​joga tiġi prattikata sempliċement bħala eżerċizzju fiżiku biex tiżviluppa ġisem f’saħħtu u moħħ mistrieħ, bla ebda involviment fir-​reliġjon?’ Meta nqisu l-​isfond tagħha, it-​tweġiba bilfors li trid tkun le.

Fejn Tistaʼ Twasslek il-​Joga?

L-​iskop tal-​joga bħala dixxiplina huwa li jwassal lil persuna għall-​esperjenza spiritwali taʼ li tkun “f’madmad” jew f’unjoni maʼ spirtu sovruman. Imma xi spirtu huwa dan?

F’Hindu World, l-​awtur Benjamin Walker jgħid hekk dwar il-​joga: “Setgħet kienet sistema bikrija taʼ ritwaliżmu maġiku, u l-​joga fit-​tifsira tagħha għad għandha sfond taʼ okkult u seħer.” Filosfi tal-​Ħindu jammettu li l-​prattika tal-​joga tistaʼ tagħti qawwiet sopranaturali, għalkemm huma normalment jgħidu li dan m’huwiex l-​għan prinċipali tal-​joga. Per eżempju, dwar xi ħadd li jipprattika l-​joga, fil-​ktieb Indian Philosophy, it-​Tabib S. Radhakrishnan, li qabel kien president taʼ l-​Indja, jgħid li l-​“kontroll tal-​ġisem permezz taʼ pożizzjonijiet partikulari jirriżulta f’indifferenza għal estremitajiet taʼ sħana u kesħa. . . . Wieħed li jipprattika l-​joga jistaʼ jara u jismaʼ mill-​bogħod . . . It-​trasmissjoni tal-​ħsieb minn individwu għal ieħor mingħajr l-​intervent tal-​funzjonijiet normali tal-​komunikazzjoni tistaʼ tkun possibbli wkoll. . . . Wieħed jistaʼ wkoll jagħmel lilu nnifsu inviżibbli.”

L-immaġni taʼ xi ħadd li jipprattika l-​joga rieqed fuq sodda taʼ l-​imsiemer jew miexi fuq ġamar jaħraq għal xi wħud tistaʼ tidher li hi daħqa u għal oħrajn xi ċajta. Imma dawn huma affarijiet li jiġru spiss fl-​Indja, bħalma hija l-​prattika li xi ħadd joqgħod bil-​wieqfa fuq sieq waħda waqt li jħares direttament lejn ix-​xemx għal sigħat sħaħ u l-​kontroll tan-​nifs li jippermetti li persuna tindifen ġor-​ramel għal perijodi twal taʼ ħin. F’Ġunju taʼ l-​1995, The Times of India rrapportat li karozza taʼ 750 kilogramm tħalliet tgħaddi minn fuq tifla taʼ tliet snin u nofs, waqt li din kienet f’estasi. Bi stagħġib kbir għall-​tal-folla, meta t-​tifla qamet, ma kien ġralha assolutament xejn. Ir-​rapport żied: “Kien purament bil-​qawwa tal-​joga.”

Bla dubju, l-​ebda bniedem normali ma hu kapaċi jagħmel xi biċċa xogħol minn dawn. Mela għalhekk, Kristjan irid jistaqsi: Dawn il-​bravuri x’jindikaw? Huma dawn ġejjin minn Alla Jehovah, l-​Iktar “Għoli fuq l-​art kollha,” jew ġejjin minn xi sors ieħor? (Salm 83:19 [83:​18, NW]) Il-​Bibbja hija ċara dwar dan il-​punt. Hekk kif l-​Iżraelin kienu se jidħlu fl-​Art Imwiegħda, fejn kien hemm joqogħdu l-​Kangħanin, Jehovah permezz taʼ Mosè qal lil ulied Iżrael: “Titgħallimx timxi fuq id-​drawwiet koroh [“moqżieża,” NW] taʼ dawn il-​ġnus.” X’inhuma dawn id-​‘drawwiet moqżieża’? Mosè wissa kontra “min jeħber, min jitkixxef il-​ġejjieni.” (Dewteronomju 18:​9, 10) Dawn l-​affarijiet huma moqżieża f’għajnejn Alla għax huma għemejjel tax-​xjaten u tal-​ġisem midneb.​—Galatin 5:​19-​21.

M’Hijiex Għażla għall-​Kristjani

Jgħidu x’jgħidu għall-​kuntrarju dawk li jgħallmu dwar is-​saħħa, il-​joga m’hijiex biss eżerċizzji fiżiċi. Il-​ktieb Hindu Manners, Customs and Ceremonies jirrakkonta l-​esperjenzi taʼ żewġ novizzi fil-​joga li kienu taħt il-​gwida taʼ guru, mexxej spiritwali Ħindu. Wieħed ġie kwotat li qal: “Jien għamilt sforzi sovrumani biex inżomm in-​nifs kemm jistaʼ jkun possibbli, u kont nieħu n-​nifs biss meta kien ikun se jagħtini ħass ħażin. . . . Ġurnata waħda, eżatt f’nofsinhar, ħsibt li rajt qamar jiddi, li kien qisu qed jiċċaqlaq u jixxengel minn naħa għal oħra. Darb’oħra immaġinajt lili nnifsi mdawwar bi dlam ċappa f’nofsinhar. Id-​direttur tiegħi . . . tgħidx kemm feraħ meta semmejtlu dawn il-​viżjonijiet. . . . Iż-​żmien ma kienx ’il bogħod, beda jiżgurani, meta kelli nesperjenza ħafna iktar riżultati sorprendenti mill-​penitenza tiegħi.” It-​tieni raġel jirrakkonta: “Ġagħalni niċċassa lejn is-​sema kuljum mingħajr ma npetpet għajnejja jew nibdel il-​pożizzjoni tiegħi. . . . Xi drabi kont naħseb li rajt xrar tan-​nar fl-​arja; u drabi oħrajn donni kont qed nara qishom blalen tan-​nar u meteoriti oħrajn. L-​għalliem tiegħi kien kuntent ħafna bis-​suċċess taʼ l-​isforzi tiegħi.”

Milli jidher, il-​mexxejja guru ħassew li dawn id-​dehriet strambi kienu r-​riżultati xierqa u mistennija sakemm jintlaħaq l-​iskop veru taʼ l-​eżerċizzji tal-​joga. Iva, fl-​aħħar mill-​aħħar, l-​iskop aħħari tal-​joga huwa l-​mokxa, li tiġi spjegata bħala l-​unjoni maʼ xi spirtu kbir mingħajr personalità. Hija deskritta bħala “l-​waqfa [intenzjonata] taʼ l-​attività spontanja tal-​moħħ.” Biċ-​ċar dan huwa kuntrarju għall-​iskop li hemm għall-​Kristjani, li jingħataw il-​parir: “Offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-​qima spiritwali tagħkom. Timxux max-​xejra taʼ din id-​dinja, iżda nbidlu skond it-​tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-​rieda taʼ Alla, x’inhu t-​tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.”​—Rumani 12:​1, 2.

L-għażla taʼ liema tip taʼ eżerċizzju fiżiku tipprattika hija waħda persunali. Madankollu, il-​Kristjani ma jħallu xejn​—kemm jekk hu t-​taħriġ tal-​ġisem, l-​ikel, ix-​xorb, l-​ilbies, id-​divertiment, jew affarijiet oħrajn​—iħassar ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla Jehovah. (1 Korintin 10:31) Għal dawk li jagħmlu l-​eżerċizzji sempliċement għas-​saħħa tagħhom, hemm ħafna għażliet oħrajn disponibbli li bihom ma jkunux esposti għall-​perikli taʼ l-​ispiritiżmu u l-​okkult. Billi nżommu ’l bogħod minn prattiċi u twemmin li għandhom l-​għeruq f’reliġjon falza, nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-​barka taʼ sistema ġdida taʼ tjieba li se jġib Alla fejn aħna se nkunu nistgħu ngawdu saħħa perfetta fil-​ġisem u l-​moħħ għall-​eternità.​—2 Pietru 3:​13; Apokalissi 21:​3, 4.

[Stampi f’paġna 22]

Ħafna jgawdu attivitajiet għal saħħa aħjar li bihom ma jkunux esposti għall-​ispiritiżmu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja