LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 9/15 pp. 21-25
  • “Tal-Mulej is-Salvazzjoni”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Tal-Mulej is-Salvazzjoni”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “La Tmilx Quddiemhom”
  • X’Inhuma l-​Innijiet Nazzjonali?
  • Irrifjuta bir-​Rispett
  • “Żommu Safja l-​Kuxjenza”
  • “Ħlejju maʼ Kulħadd”
  • It-Tislim lill-Bandiera, il-Votazzjoni, u s-Servizz Ċivili
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Għala b’Rispett Ma Jiħdux Sehem f’Ċerimonji Nazzjonalistiċi?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 9/15 pp. 21-25

“Tal-Mulej is-Salvazzjoni”

META jkun hemm xi kriżi nazzjonali u tensjoni internazzjonali, in-​nies jistennew li l-​gvern tagħhom jagħtihom kenn u sigurtà. Min-​naħa tagħhom, il-​gvernijiet joħolqu programmi disinjati biex jiġbdu l-​appoġġ tal-​popolin. Iktar ma s-​sentiment taʼ patrijottiżmu jiġi inkuraġġit minn dawn il-​programmi, iktar isiru spissi u mimlijin ħeġġa l-​osservanzi taʼ ċerimonji patrijottiċi.

Waqt xi emerġenza nazzjonali, il-​fervur patrijottiku spiss jagħti sens taʼ unità u saħħa lin-​nies u jistaʼ jħeġġiġhom biex ikun hemm spirtu taʼ kooperazzjoni u sens ċiviku bejniethom. Madankollu, “il-​patrijottiżmu huwa imprevedibbli daqs kwalunkwe emozzjoni,” jgħid artiklu f’The New York Times Magazine, għax “ladarba ma jibqax imrażżan, jistaʼ jieħu forom koroh ferm.” Espressjonijiet taʼ patrijottiżmu jistgħu jinbidlu f’azzjonijiet li jnaqqsu l-​libertajiet ċivili u reliġjużi taʼ ċerti ċittadini fil-​pajjiż. B’mod partikulari l-​Kristjani veri jiġu taħt pressjoni biex jikkompromettu t-​twemmin tagħhom. Kif iġibu ruħhom dawn meta d-​dinja taʼ madwarhom tkun maħkuma b’din l-​atmosfera? Liema prinċipji Skritturali jgħinuhom jaġixxu bid-​dehen u jżommu l-​integrità lejn Alla?

“La Tmilx Quddiemhom”

Kultant, tislima lill-​bandiera nazzjonali ssir espressjoni popolari tas-​sentimenti patrijottiċi. Imma l-​bnadar spiss ikollhom rappreżentazzjonijiet t’affarijiet li hemm fis-​smewwiet, bħalma huma l-​kwiekeb, kif ukoll affarijiet fuq l-​art. Alla esprima l-​ħarsa tiegħu lejn li wieħed imil quddiem oġġetti bħal dawn meta kkmanda lin-​nies tiegħu: “La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha taʼ ebda ħaġa li hemm fl-​għoli tas-​sema, jew isfel fl-​art, jew fil-​baħar taħt l-​art. La tmilx quddiemhom: La tadurahomx għaliex jiena hu l-​Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur [“li jesiġi devozzjoni esklużiva,” NW].”—Eżodu 20:​4, 5.

Huwa minnu li jekk wieħed isellem lill-​bandiera li tirrappreżenta lill-​Istat jew jinżel għarkobbtejh quddiemha jkun ifisser li dan ma jkunx qed jagħti devozzjoni esklużiva lil Alla Jehovah? Waqt li kienu fid-​deżert, l-​Iżraelin tal-​qedem fil-​fatt kellhom ‘stendardi,’ jew sinjali, li madwarhom kienu jinġabru d-​diviżjonijiet tagħhom taʼ tliet tribujiet kull waħda. (Numri 2:​1, 2) Meta tikkummenta fuq il-​kliem Ebrajk li jirreferi għal dawn l-​istendardi, is-​Cyclopedia taʼ McClintock u Strong tgħid: “Dan il-​kliem, madankollu, ma jagħtix l-​istess idea li tagħtina l-​kelma ‘stendard,’ jiġifieri bandiera.” Barra minn hekk, l-​istendardi taʼ Iżrael ma kinux jitqiesu li kienu sagri, u lanqas ma kien hemm xi ċerimonja assoċjata maʼ l-​użu tagħhom. Kienu jservu sempliċement bħala sinjali li juru lin-​nies fejn għandhom jinġabru.

Ir-rappreżentazzjonijiet tal-​kerubini fit-​tabernaklu u fit-​tempju taʼ Salamun servew primarjament bħala deskrizzjoni tal-​kerubini li hemm fis-​sema. (Eżodu 25:18; 26:​1, 31, 33; 1 Slaten 6:​23, 28, 29; Lhud 9:​23, 24) Li dawn ir-​rappreżentazzjonijiet artistiċi ma kellhomx jiġu meqjumin huwa evidenti mill-​fatt li n-​nies in ġenerali qatt ma rawhom u li l-​anġli nfushom m’għandhomx jiġu meqjumin.—Kolossin 2:18; Apokalissi 19:10; 22:​8, 9.

Ikkunsidra wkoll il-​figura taʼ serp tal-​bronż li l-​profeta Mosè għamel waqt li l-​Iżraelin kienu fid-​deżert. Din il-​figura, jew xbieha, serviet bħala simbolu u kellha sinifikat profetiku. (Numri 21:​4-9; Ġwann 3:​14, 15) Ma ġietx adurata jew użata għall-​qima. Madankollu, sekli wara żmien Mosè, l-​Iżraelin b’mod mhux xieraq bdew iqimu lil din l-​istess xbieha, u saħansitra ħarqulha l-​inċens. Għalhekk, is-​Sultan Lhudi Ħeżekija ordna li jġibuha frak.—2 Slaten 18:​1-4.

Huma l-​bnadar nazzjonali sempliċement sinjali li jservu lil xi funzjoni utli? X’jissimbolizzaw? “Is-​simbolu ewlieni tal-​fidi u l-​oġġett ċentrali tal-​qima tan-​nazzjonaliżmu huwa l-​bandiera,” stqarr l-​awtur J. Paul Williams. The Encyclopedia Americana tgħid: “Il-​bandiera, bħas-​salib, hija sagra.” Il-​bandiera hija s-​simbolu taʼ l-​Istat. Għalhekk, li wieħed imil quddiemha jew isellmilha huwa ċerimonja reliġjuża li tagħti qima lill-​Istat. Att bħal dan jattribwixxi s-​salvazzjoni lill-​Istat u m’huwiex fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja dwar l-​idolatrija.

L-Iskrittura tgħid b’mod ċar: “Tal-​Mulej is-​salvazzjoni.” (Salm 3:​8, KŻ) Is-​salvazzjoni m’għandhiex tiġi attribwita lil istituzzjonijiet umani jew lis-​simboli tagħhom. L-​appostlu Pawlu wissa lil sħabu l-​Kristjani: “Maħbubin tiegħi, aħarbu l-​idolatrija.” (1 Korintin 10:​14, Saydon) Il-​Kristjani tal-​bidu ma pparteċipawx f’atti taʼ qima lejn l-​Istat. Fil-​ktieb Those About to Die, Daniel P. Mannix josserva: “Il-​Kristjani rrifjutaw li . . . jagħmlu sagrifiċċji lill-​ispirtu li kien iħares lill-​imperatur [Ruman]—bejn wieħed u ieħor ekwivalenti llum għal li wieħed ma jkunx irid isellem lill-​bandiera.” Hekk ukoll jagħmlu l-​Kristjani veri llum. Sabiex lil Jehovah jagħtuh id-​devozzjoni esklużiva, huma ma jsellmu lill-​bandiera taʼ l-​ebda nazzjon. Billi jagħmlu hekk, lil Alla jpoġġuh l-​ewwel waqt li xorta jirrispettaw lill-​gvernijiet u lill-​ħakkiema tagħhom. Tabilħaqq, huma jirrikonoxxu r-​responsabbiltà tagħhom li jkunu sottomessi lejn l-​awtorità governattiva taʼ fuqhom. (Rumani 13:​1-7) Iżda, x’inhi l-​ħarsa Skritturali lejn li wieħed ikanta għanjiet patrijottiċi, bħalma huma l-​innijiet nazzjonali?

X’Inhuma l-​Innijiet Nazzjonali?

“L-​innijiet nazzjonali huma espressjonijiet taʼ sentiment patrijottiku u spiss jinkludu xi talba biex Alla jiggwida u jipproteġi lin-​nies jew lill-​ħakkiema tagħhom,” tgħid The Encyclopedia Americana. Innu nazzjonali huwa, fil-​fatt, poeżija jew talba għan-​nom taʼ xi nazzjon. L-​innu ġeneralment jitlob li n-​nazzjon ikollu riżq materjali u eżistenza twila. Għandhom il-​Kristjani veri jingħaqdu f’sentimenti taʼ talb bħal dawn?

Il-profeta Ġeremija għex qalb nies li kienu jgħidu li jaqdu lil Alla. Madankollu, Jehovah ikkmandah hekk: “Int titlobx għal dan il-​poplu, tgħollix leħnek u titlobx għalihom; tidħolx għalihom quddiemi, għax ma nisimgħekx.” (Ġeremija 7:16; 11:14; 14:11) Ġeremija għala ngħata dan il-​kmand? Għaliex is-​soċjetà tagħhom kienet mimlija serq, qtil, adulterju, ħalf falz, u idolatrija.—Ġeremija 7:9.

Ġesù Kristu ħoloq preċedent meta qal: “Ma nitlobx għad-​dinja, imma għal dawk li inti tajtni.” (Ġwann 17:9) L-​Iskrittura tgħid li “d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin” u qiegħda “tgħaddi.” (1 Ġwann 2:17; 5:19) Allura, kif jistgħu l-​Kristjani veri jkollhom il-​kuxjenza li jitolbu għar-​riżq u għall-​eżistenza twila taʼ sistema bħal din?

M’għandniex xi ngħidu, mhux l-​innijiet nazzjonali kollha jinkludu petizzjonijiet lil Alla. “Is-​sentimenti taʼ l-​innijiet nazzjonali jvarjaw,” tgħid l-​Encyclopædia Britannica, “minn talb għall-​monarka sa referenzi għall-​battalji jew ir-​rivoluzzjonijiet li huma importanti għan-​nazzjon . . . sa espressjonijiet taʼ sentiment patrijottiku.” Imma jistgħu dawk li jfittxu li jogħġbu lil Alla attwalment jifirħu bil-​gwerer u r-​rivoluzzjonijiet taʼ kwalunkwe nazzjon? Dwar l-​aduraturi veri, Isaija bassar: “Huma jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel.” (Isaija 2:4) “Tassew li aħna ngħixu fid-​dinja,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “imma ma nissarawx bl-​armi tad-​dinja; l-​armi tagħna għall-​ġlied m’humiex tad-​dinja.”—2 Korintin 10:​3, 4.

L-innijiet nazzjonali spiss jesprimu sentimenti taʼ kburija jew superjorità nazzjonali. Din il-​ħarsa m’hijiex ibbażata fuq l-​Iskrittura. Fid-​diskors tiegħu fl-​Arjopagu, l-​appostlu Pawlu qal: “[Alla Jehovah] minn bniedem wieħed għamel il-​ġens kollu tal-​bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-​art kollha.” (Atti 17:26) “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd,” qal l-​appostlu Pietru, “imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”—Atti 10:​34, 35.

Minħabba l-​fehma li għandhom dwar il-​Bibbja, ħafna jiddeċiedu personalment li ma jsellmux lill-​bandiera u ma jkantawx għanjiet patrijottiċi. Imma kif se jaġixxu meta jkollhom quddiemhom sitwazzjonijiet li jġibuhom wiċċ imbwiċċ maʼ dawn il-​kwistjonijiet?

Irrifjuta bir-​Rispett

Bi sforz biex isaħħaħ l-​unità taʼ l-​imperu tiegħu, is-​Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja tal-​qedem bena statwa tad-​deheb kbira ħafna fil-​wita taʼ Dura. Hu mbagħad organizza ċerimonja taʼ inawgurazzjoni li għaliha stieden lis-​satrapi, il-​prefetti, il-​gvernaturi, il-​kunsillieri, u uffiċjali għoljin oħrajn tiegħu. Għall-​ħoss tal-​mużika, dawk kollha miġburin kellhom imilu quddiem l-​istatwa u jqimuha. Fost dawk li kellhom ikunu preżenti kien hemm tliet Ebrej żgħażagħ—Sidrak, Mesak, u Għabednegu. Kif urew dawn li ma kinux qed jipparteċipaw f’din iċ-​ċerimonja reliġjuża? Malli bdiet il-​mużika u dawk miġbura nxteħtu fl-​art quddiem l-​istatwa, it-​tliet Ebrej baqgħu bil-​wieqfa.—Danjel 3:​1-12.

Illum, ġeneralment wieħed isellem lill-​bandiera bi driegħu maħruġ dritt ’il quddiem jew b’idu miżmuma maʼ ġbinu jew fuq sidru. Kultant, wieħed jistaʼ joqgħod f’pożizzjoni speċjali. F’xi pajjiżi, it-​tfal taʼ l-​iskola jkunu mistennijin li jinżlu għarkobbtejhom u jbusu l-​bandiera. Billi jibqgħu bil-​wieqfa waqt li oħrajn isellmu lill-​bandiera, il-​Kristjani veri jagħmluha evidenti li huma osservaturi tar-​rispett.

X’jiġri jekk ċerimonja tal-​bandiera ssir b’tali mod li jekk wieħed sempliċement joqgħod bil-​wieqfa jagħti evidenza li qed jipparteċipa? Per eżempju, suppost li fi skola jintgħażel student biex jirrappreżenta lill-​iskola kollha u hu jsellem lill-​bandiera barra ħdejn l-​arblu tal-​bandiera waqt li l-​istudenti l-​oħrajn ikunu mistennijin joqogħdu bil-​wieqfa u dritti fil-​klassi tagħhom. Il-​fatt li toqgħod bil-​wieqfa f’dan il-​każ jissinjifika li qed taqbel maʼ li jkollok l-​istudent fuq barra jaġixxi bħala rappreżentant persunali meta jsellem lill-​bandiera. Toqgħod kif toqgħod bil-​wieqfa jkun jindika li qed tieħu sehem fiċ-​ċerimonja. Jekk dan hu l-​każ, dawk li jixtiequ jkunu biss osservaturi tar-​rispett iridu jibqgħu kwieti bil-​qiegħda. X’jiġri jekk il-​klassi tkun diġà bil-​wieqfa meta tibda din iċ-​ċerimonja? F’dan il-​każ, ma nindikawx li qed nipparteċipaw kieku kellna nibqgħu bil-​wieqfa.

Suppost li wieħed ma jintalabx isellem lill-​bandiera imma sempliċement iżommha f’idu, forsi f’xi parata jew fi klassi jew xi mkien ieħor, u b’hekk l-​oħrajn ikunu jistgħu jsellmulha. Minflok ma ‘jaħrab mill-​idolatrija,’ bħalma hu kmandat fl-​Iskrittura, dan ikun ifisser attwalment li qiegħed fil-​qalba eżatt taċ-​ċerimonja. L-​istess jgħodd jekk wieħed jimmarċja f’parati patrijottiċi. Peress li jekk jagħmlu dan ikun ifisser li qed jappoġġaw lil dak li qed jiġi onorat mill-​parata, il-​Kristjani veri jirrifjutaw li jagħmlu dan, fi qbil mal-​kuxjenza tagħhom.

Meta jindaqqu l-​innijiet nazzjonali, ġeneralment kulma individwu għandu jagħmel biex juri li japprova s-​sentimenti taʼ l-​għanja huwa li jqum bil-​wieqfa. F’każi bħal dawn, il-​Kristjani jibqgħu bil-​qiegħda. Madankollu, jekk ikunu diġà bil-​wieqfa meta jindaqq l-​innu nazzjonali, m’hemmx għalfejn jagħmlu xi ħaġa speċjali billi joqogħdu bil-​qiegħda. M’huwiex bħallikieku kienu għażlu speċifikament li jqumu bil-​wieqfa għall-​innu. Mill-​banda l-​oħra, jekk ikun hemm grupp li jkun mistenni li jqum bil-​wieqfa u jkanta, allura li sempliċement tqum bil-​wieqfa minħabba r-​rispett, imma ma tkantax, ma jkunx ifisser li qed tingħaqad fis-​sentimenti taʼ l-​għanja.

“Żommu Safja l-​Kuxjenza”

Wara li ddeskriva kemm m’humiex effettivi l-​oġġetti taʼ qima magħmulin mill-​bniedem, is-​salmista qal: “Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, u dawk kollha li jittamaw fihom.” (Salm 115:​4-8) Ovvjament, mela, kwalunkwe impjieg li jinvolvi direttament il-​manifatturar t’oġġetti t’adurazzjoni, inkluż il-​bnadar nazzjonali, ma jkunx aċċettabbli għall-​aduraturi taʼ Jehovah. (1 Ġwann 5:21) Jistgħu jqumu wkoll sitwazzjonijiet oħrajn fuq ix-​xogħol, meta l-​Kristjani juru bir-​rispett li huma la jqimu lill-​bandiera u lanqas lil dak li tirrappreżenta imma biss lil Jehovah.

Per eżempju, l-​imgħallem jistaʼ jitlob lil wieħed mill-​impjegati tiegħu biex itellaʼ jew iniżżel il-​bandiera li tkun qed tperper fuq il-​bini. Jekk individwu għandux jagħmel dan jew le jiddependi minn kif hu jħares personalment lejn iċ-​ċirkustanzi. Jekk li ttellaʼ jew tniżżel il-​bandiera jkun parti minn ċerimonja speċjali, bin-​nies bil-​wieqfa u dritti jew qed isellmu lill-​bandiera, allura t-​twettiq taʼ dan l-​att ikun ifisser li qed tieħu sehem fiċ-​ċerimonja.

Mill-banda l-​oħra, jekk ma jkun hemm ebda ċerimonja marbuta mat-​tlugħ jew l-​inżul tal-​bandiera, allura l-​individwu ma jkun qed jagħmel xejn iktar milli jwettaq dmirijiet oħrajn bħal, per eżempju, jipprepara l-​bini għall-​użu, jiftaħ u jsakkar il-​bibien, u jiftaħ u jagħlaq it-​twieqi. F’każi bħal dawn, il-​bandiera tkun biss emblema taʼ l-​Istat, u li jtellagħha jew iniżżilha fost dmirijiet oħrajn taʼ rutina hija deċiżjoni persunali li trid issir fuq il-​bażi taʼ dak li tgħidlu l-​kuxjenza tiegħu mħarrġa mill-​Bibbja. (Galatin 6:5) Individwu jistaʼ jitqanqal mill-​kuxjenza tiegħu biex jitlob lil taʼ fuqu ħalli jqabbad lil impjegat ieħor itellaʼ u jniżżel il-​bandiera. Kristjan ieħor jistaʼ jħoss li l-​kuxjenza tiegħu tippermettilu jieħu ħsieb il-​bandiera dment li ma tkunx involuta xi ċerimonja. Tkun xi tkun id-​deċiżjoni, l-​aduraturi veri għandhom ‘iżommuha safja l-​kuxjenza’ quddiem Alla.—1 Pietru 3:16.

M’hemmx oġġezzjoni Skritturali għal li wieħed jaħdem jew ikun f’bini pubbliku, bħal stazzjonijiet tat-​tifi tan-​nar, uffiċċji muniċipali, u skejjel, fejn tperper il-​bandiera nazzjonali. Il-​bandiera tistaʼ tidher ukoll fuq bolli, pjanċi tal-​liċenzja tal-​karozza, jew affarijiet oħrajn maħruġin mill-​gvern. L-​użu taʼ dawn l-​oġġetti fih innifsu ma jagħmilx lill-​individwi parteċipanti f’atti taʼ devozzjoni. Dak li hu sinifikanti hawnhekk m’huwiex il-​preżenza taʼ xi bandiera jew replika tagħha, imma kif wieħed jaġixxi lejha.

Il-bnadar spiss jintwerew fuq twieqi, bibien, karozzi, deskijiet, jew oġġetti oħrajn. Jistaʼ jinxtara wkoll ilbies li jkollu l-​bandiera bħala disinn dekorattiv stampat fuqu. F’xi pajjiżi, huwa illegali li jintlibsu dawn il-​ħwejjeġ. Anki jekk il-​fatt li jagħmel hekk ma jiksirx il-​liġi, xi jkun jindika dan dwar il-​pożizzjoni taʼ individwu rigward id-​dinja? Dwar is-​segwaċi tiegħu, Ġesù Kristu qal: “Huma m’humiex tad-​dinja bħalma jiena m’iniex tad-​dinja.” (Ġwann 17:16) Ma rridux ninjoraw l-​effett li azzjoni bħal din jistaʼ jkollha fuq ħutna spiritwali. Tistaʼ din l-​azzjoni ddejjaq il-​kuxjenza taʼ xi wħud? Tistaʼ ddgħajjef id-​determinazzjoni tagħhom li jibqgħu sodi fil-​fidi? Pawlu ta parir lill-​Kristjani: ‘Agħrfu agħżlu l-​aħjar, u mbagħad kunu safja u bla ebda ħtija.’—Filippin 1:10.

“Ħlejju maʼ Kulħadd”

Hekk kif il-​kundizzjonijiet tad-​dinja sejrin mill-​ħażin għall-​agħar f’dan iż-​“żmien iebes,” is-​sentimenti taʼ patrijottiżmu x’aktarx li se jintensifikaw. (2 Timotju 3:1) Jalla dawk li jħobbu lil Alla qatt ma jinsew li s-​salvazzjoni tiġi biss minn Jehovah. Hu jixraqlu devozzjoni esklużiva. Meta ntalbu jagħmlu xi ħaġa li ma kinitx fi qbil mar-​rieda taʼ Jehovah, l-​appostli taʼ Ġesù qalu: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.”—Atti 5:29.

“Min hu qaddej tal-​Mulej m’għandux joqgħod jitlewwem,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “imma għandu jkun ħlejju maʼ kulħadd.” (2 Timotju 2:24) B’hekk, il-​Kristjani jistinkaw biex ikunu paċifiċi, rispettabbli, u ħelwin waqt li jistrieħu fuq il-​kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-​Bibbja meta jieħdu deċiżjonijiet persunali rigward tislim lill-​bandiera u l-​kant taʼ xi innu nazzjonali.

[Stampa f’paġna 23]

Billi kienu deċiżi imma rispettabbli, tliet Ebrej għażlu li jogħġbu lil Alla

[Stampa f’paġna 24]

Kristjan kif għandu jaġixxi waqt ċerimonja patrijottika?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja