LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 11/15 pp. 9-14
  • Il-Kristjani Għandhom Bżonn Xulxin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kristjani Għandhom Bżonn Xulxin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Huma Taw l-​Għajnuna Meħtieġa
  • Jipprovdu Għajnuna Materjali
  • Kienu “Għajnuna li Ssaħħaħ”
  • Nisa li Kien Jimpurtahom minn Oħrajn
  • Tfal, Għandna Bżonnkom Ukoll
  • Meta Jqumu d-​Diffikultajiet
  • Ippriedka biex Tagħmel Dixxipli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ibqaʼ Ibni lill-Kongregazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Komplu “Ibnu lil Xulxin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Pawlu Jorganizza Ġabra taʼ Flus Bħala Għajnuna għall-Qaddisin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 11/15 pp. 9-14

Il-​Kristjani Għandhom Bżonn Xulxin

“Aħna membri taʼ xulxin.”—Efesin 4:25.

1. X’tgħid ċerta enċiklopedija dwar il-​ġisem uman?

IL-​ĠISEM uman huwa wieħed mill-​meravilji tal-​ħolqien! The World Book Encyclopedia tgħid: “Kultant in-​nies isejħu lill-​ġisem uman magna—l-​iktar magna taʼ l-​għaġeb li qatt inbniet. M’għandniex xi ngħidu, il-​ġisem uman m’huwiex magna. Imma jistaʼ jitqabbel magħha b’ħafna modi. Bħal magna, il-​ġisem hu magħmul minn ħafna partijiet. Kull parti tal-​ġisem, bħal kull parti tal-​magna, għandha xogħol speċjali x’tagħmel. Imma l-​partijiet kollha jaħdmu flimkien, u b’hekk il-​ġisem jew il-​magna tkun tistaʼ taħdem tajjeb.”

2. Il-​ġisem uman u l-​kongregazzjoni Kristjana b’liema mod huma simili?

2 Iva, il-​ġisem uman għandu ħafna partijiet, jew membri, u kull parti tikkontribwixxi xi ħaġa bżonnjuża. M’hemm l-​ebda vina, muskolu, jew membru ieħor tal-​ġisem li m’għandux skop. Bl-​istess mod, kull membru tal-​kongregazzjoni Kristjana jistaʼ jikkontribwixxi xi ħaġa biex isaħħaħha u jsebbaħha spiritwalment. (1 Korintin 12:​14-​26) Għalkemm l-​ebda membru fil-​kongregazzjoni m’għandu qatt iħossu aħjar minn ħaddieħor, lanqas m’għandu jħossu li m’huwiex importanti.​—Rumani 12:3.

3. Efesin 4:25 kif juri li l-​Kristjani għandhom bżonn xulxin?

3 Bħall-​membri tal-​ġisem uman li jiddependu minn xulxin, il-​Kristjani għandhom bżonn xulxin. L-​appostlu Pawlu qal lil sħabu fit-​twemmin li kienu midlukin bl-​ispirtu: “Warrbu minnkom il-​gideb u għidu l-​verità wieħed lill-​ieħor, għax aħna membri taʼ xulxin.” (Efesin 4:25) Ladarba huma “membri taʼ xulxin,” hemm komunikazzjoni sinċiera u kooperazzjoni sħiħa fost il-​membri taʼ Iżrael spiritwali—il-​“Ġisem taʼ Kristu.” Iva, kull wieħed minnhom jappartjeni lill-​oħrajn kollha. (Efesin 4:​11-13) Magħqudin flimkien magħhom hemm Kristjani sinċieri li jikkooperaw u li t-​tama tagħhom hi li jgħixu fuq l-​art.

4. B’liema modi jistgħu jiġu megħjunin uħud ġodda?

4 Kull sena jitgħammdu eluf taʼ nies li għandhom it-​tama li jgħixu f’ġenna taʼ l-​art. Membri oħrajn tal-​kongregazzjoni bil-​ferħ jgħinuhom jistinkaw biex isiru maturi. (Lhud 6:​1-3) Din l-​għajnuna tistaʼ tinkludi li jwieġbu mistoqsijiet Skritturali jew jipprovdu għajnuna prattika fil-​ministeru. Aħna nistgħu ngħinu lil uħud ġodda billi nagħtuhom eżempju mill-​aħjar permezz tal-​parteċipazzjoni regulari tagħna fil-​laqgħat Kristjani. Fi żmien taʼ inkwiet, nistgħu wkoll noffru inkuraġġiment jew forsi faraġ. (1 Tessalonikin 5:​14, 15) Għandna nfittxu modi kif ngħinu lil oħrajn biex jibqgħu “mexjin fil-​verità.” (3 Ġwann 4) Sew jekk aħna żgħar inkella kbar fl-​età, sew jekk għadna kemm sibna l-​verità u sew jekk ilna s-​snin fil-​verità, nistgħu ngħinu lil sħabna fit-​twemmin jimxu ’l quddiem spiritwalment—u huma tassew għandhom bżonna.

Huma Taw l-​Għajnuna Meħtieġa

5. Akwila u Prixxilla kif urew li kienu t’għajnuna għal Pawlu?

5 Fost l-​uħud li jsibu sodisfazzjon meta jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin hemm koppji Kristjani miżżewġin. Per eżempju, Akwila u martu, Prixxilla (Priska) għenu lil Pawlu. Huma laqgħuh f’darhom, kienu jaħdmu t-​tined miegħu, u għenuh jistabbilixxi l-​kongregazzjoni ġdida taʼ Korintu. (Atti 18:​1-4) B’xi mod mhux magħruf, huma saħansitra ssograw ħajjithom għalih. Huma kienu qed joqogħdu Ruma meta Pawlu qal lill-​Kristjani t’hemmhekk: “Selluli għal Priska u Akwila, li ħadmu miegħi fi Kristu Ġesù, għax huma wkoll issugraw ħajjithom għalija biex isalvawni; u mhux jien biss għandi għax nirringrazzjahom iżda wkoll il-​[kongregazzjonijiet] kollha tal-​Ġentili.” (Rumani 16:​3, 4) Bħal Akwila u Prixxilla, xi Kristjani llum isaħħu l-​kongregazzjonijiet u jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin b’diversi modi. Kultant, huma saħansitra jissograw ħajjithom biex ma jħallux lil qaddejja oħrajn t’Alla jinħaqru jew jinqatlu mill-​persekuturi.

6. Liema għajnuna ngħata Apollo?

6 Akwila u Prixxilla għenu wkoll lil Apollo, Kristjan u kelliem tajjeb, li kien qed jgħallem lir-​residenti t’Efesu dwar Ġesù Kristu. Sa dak iż-​żmien, Apollo kien jaf biss bil-​magħmudija li kien jagħmel Ġwanni b’simbolu taʼ ndiema għad-​dnubiet kontra l-​patt tal-​Liġi. Peress li Akwila u Prixxilla fehmu li Apollo kellu bżonn l-​għajnuna, huma “fissrulu t-​Triq taʼ Alla iktar bir-​reqqa.” Wisq probabbli huma spjegawlu li l-​magħmudija Kristjana kienet tinkludi t-​tgħaddis fl-​ilma u t-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu qaddis. Apollo applika dak li tgħallem. Iktar tard, f’Akaja, hu “kien taʼ għajnuna kbira għal dawk li kienu emmnu. U bil-​qawwa kollha kien jagħlaq ħalq il-​Lhud quddiem kulħadd billi jurihom mill-​Iskrittura li Ġesù hu l-​Messija.” (Atti 18:​24-28) Il-​kummenti li jagħmlu sħabna fit-​twemmin taʼ spiss jgħinuna nifhmu aħjar il-​Kelma t’Alla. Anki f’dan l-​aspett għandna bżonn xulxin.

Jipprovdu Għajnuna Materjali

7. Il-​Filippin kif irreaġixxew meta sħabhom il-​Kristjani kellhom bżonn għajnuna materjali?

7 Il-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana taʼ Filippi kienu jħobbuh ferm lil Pawlu u, waqt li kien f’Tessalonika, bagħtulu xi għajnuna materjali. (Filippin 4:​15, 16) Meta l-​aħwa f’Ġerusalemm kellhom bżonn għajnuna materjali, il-​Filippin urew li kienu lesti jagħtu saħansitra iktar milli kienu jifilħu. Pawlu tant apprezza dan l-​ispirtu mill-​aħjar taʼ ħutu fil-​belt taʼ Filippi li hu rrefera għalihom bħala eżempju għal kredenti oħrajn.—2 Korintin 8:​1-6.

8. Liema attitudni wera Epafroditu?

8 Meta Pawlu kien arrestat, il-​Filippin mhux biss bagħtulu għotjiet materjali imma wkoll bagħtulu r-​rappreżentant persunali tagħhom Epafroditu. “[Epafroditu] ittarraf sal-​mewt u kien għoddu miet biex jaħdem għal Kristu,” qal Pawlu, “u tarraf ħajtu biex jagħmel tajjeb hu fejn naqset l-​għajnuna tagħkom għalija.” (Filippin 2:​25-30; 4:18) Ma jintqalilniex jekk Epafroditu kienx anzjan jew qaddej ministerjali. Minkejja dan, hu kien Kristjan li jissagrifika lilu nnifsu u t’għajnuna kbira, u Pawlu tassew kellu bżonnu. Hemm xi ħadd bħal Epafroditu fil-​kongregazzjoni tiegħek?

Kienu “Għajnuna li Ssaħħaħ”

9. X’eżempju jagħtina Aristarku?

9 Aħwa li tant jafu jħobbu bħal Akwila, Prixxilla, u Epafroditu, huma apprezzati ħafna fi kwalunkwe kongregazzjoni. Xi wħud minn sħabna fit-​twemmin jistgħu jixbhu ħafna lil Aristarku, Kristjan li kien jgħix fl-​ewwel seklu. Hu u oħrajn kienu “taʼ faraġ kbir [jew, “għajnuna li ssaħħaħ,” NW],” forsi billi kienu sors taʼ faraġ jew t’għajnuna fi kwistjonijiet prattiċi u bażiċi. (Kolossin 4:​10, 11) Billi għen lil Pawlu, Aristarku wera li kien ħabib veru meta kien hemm il-​bżonn. Hu kien it-​tip taʼ persuna li jsemmi Proverbji 17:17: “Il-​ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-​hemm.” M’għandniex ilkoll kemm aħna nħabirku biex inkunu “għajnuna li ssaħħaħ” għall-​Kristjani sħabna? B’mod speċjali, għandna nagħtu daqqa t’id lil dawk li jkunu qed jiffaċċjaw xi diffikultajiet.

10. Liema eżempju pprovda Pietru għall-​anzjani Kristjani?

10 L-​anzjani Kristjani b’mod partikulari jridu jkunu għajnuna li ssaħħaħ għal ħuthom spiritwali. Kristu qal lill-​appostlu Pietru: “Saħħaħ lil ħutek.” (Luqa 22:​32, Karm Żammit) Pietru setaʼ jagħmel dan għaliex hu kellu kwalitajiet b’saħħithom daqs il-​blat, speċjalment wara l-​irxoxt taʼ Ġesù. Anzjani, agħmlu l-​almu tagħkom kollu biex tagħmlu l-​istess ħaġa mill-​qalb u b’tenerezza għax sħabkom fit-​twemmin għandhom bżonnkom.—Atti 20:​28-​30; 1 Pietru 5:​2, 3, KŻ.

11. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​attitudni taʼ Timotju?

11 Timotju, sieħeb Pawlu fil-​vjaġġi tiegħu, kien anzjan li kien jimpurtah ferm minn Kristjani oħrajn. Għalkemm kellu ċerti problemi taʼ saħħa, Timotju wera fidi soda u ‘ħadem maʼ Pawlu għat-​tixrid taʼ l-​Evanġelju.’ Għalhekk, l-​appostlu setaʼ jgħid lill-​Filippin: “’Il ħadd ma għandi bħalu li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa.” (Filippin 2:​20, 22; 1 Timotju 5:23; 2 Timotju 1:5) Aħna nistgħu nkunu barka għal sħabna l-​aduraturi taʼ Jehovah billi nuru attitudni bħal dik taʼ Timotju. Huwa minnu li rridu nħabbtu wiċċna mad-​dgħjufijiet umani tagħna stess u diversi provi, imma aħna wkoll nistgħu u għandna nuru fidi soda u interess bi mħabba f’ħutna spiritwali. Irridu dejjem inżommu f’moħħna li huma għandhom bżonna.

Nisa li Kien Jimpurtahom minn Oħrajn

12. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Tabita?

12 Fost in-​nisa li kellhom il-​biżaʼ t’Alla u li kien jimpurtahom minn oħrajn kien hemm Tabita. Meta mietet, id-​dixxipli sejħu lil Pietru u ħaduh fil-​kamra taʼ fuq. Hemmhekk, “ir-​romol kollha daru miegħu, jibku u juruh l-​ilbiesi u l-​imnatar li kienet għamlitilhom Tabita meta kienet għadha magħhom.” Tabita reġgħet ngħatat il-​ħajja u mingħajr ebda dubju hi kompliet “tagħmel ħafna opri taʼ karità u għemejjel tajba.” Fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ żmienna hemm nisa bħal Tabita li bi mħabba jagħmlu lbiesi jew affarijiet oħra għal dawk fil-​bżonn. M’għandniex xi ngħidu, l-​opri tajba tagħhom primarjament jinvolvu li jġibu ’l quddiem l-​interessi tas-​Saltna u li jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli.—Atti 9:​36-42; Mattew 6:33; 28:​19, 20.

13. Lidja kif uriet li kien jimpurtaha minn sħabha l-​Kristjani?

13 Lidja kienet mara li kellha l-​biżaʼ t’Alla u li kien jimpurtaha minn oħrajn. Għalkemm kienet minn Tjatira, hi kienet toqgħod fil-​belt taʼ Filippi meta Pawlu kien qed jippriedka hemmhekk madwar is-​sena 50 E.K. X’aktarx li Lidja kienet proselita Lhudija, imma l-​Lhud fil-​belt taʼ Filippi setgħu kienu ftit fin-​numru u ma kellhom l-​ebda sinagoga. Hi u xi nisa devoti oħrajn kienu nġabru ħdejn xmara biex jagħtu qima meta l-​appostlu xandrilhom l-​aħbar tajba. Ir-​rakkont jgħid: “Il-​Mulej fetħilha qalbha [lil Lidja] biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu. Wara li tgħammdet, hi u l-​familja tagħha, talbitna u qaltilna: ‘Jekk jidhrilkom li jiena nemmen fil-​Mulej, ejjew oqogħdu d-​dar tiegħi.’ U ġagħlitna noqogħdu għandha.” (Atti 16:​12-15) Peress li Lidja riedet tagħmel opri tajbin maʼ oħrajn, hi rnexxielha tipperswadi lil Pawlu u lil sħabu biex joqogħdu għandha. Kemm napprezzaw il-​fatt li l-​Kristjani llum juru ospitalità bħal din b’qalb tajba u bi mħabba!​—Rumani 12:13; 1 Pietru 4:9.

Tfal, Għandna Bżonnkom Ukoll

14. Ġesù Kristu kif ittrattahom lit-​tfal?

14 Il-​kongregazzjoni Kristjana nbdiet minn Ġesù Kristu, l-​Iben t’Alla li tant kien dħuli u qalbu tajba. In-​nies kienu jħossuhom komdi miegħu għaliex hu kien jaf jagħder u jħobb. Meta darba minnhom xi wħud bdew jieħdu lit-​tfal tagħhom għand Ġesù, id-​dixxipli tiegħu pprovaw ikeċċuhom. Imma Ġesù qal: “Ħalluhom it-​tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax taʼ min hu bħalhom hija s-​Saltna taʼ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-​Saltna taʼ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.” (Mark 10:​13-15) Sabiex nirċievu l-​barkiet tas-​Saltna, irridu nkunu umli u lesti li nitgħallmu daqs it-​tfal. Ġesù wera l-​imħabba tiegħu għaċ-​ċkejknin billi ħaddanhom miegħu u berikhom. (Mark 10:16) Xi ngħidu għalikom it-​tfal illum? Ibqgħu ċerti li intom maħbubin u bżonnjużi fil-​kongregazzjoni.

15. Liema fatti dwar il-​ħajja taʼ Ġesù huma mniżżlin f’Luqa 2:​40-52, u liema eżempju ħallielhom lit-​tfal?

15 Meta kien għadu tifel, Ġesù wera mħabba lejn Alla u l-​Iskrittura. Meta kellu 12-il sena, hu u l-​ġenituri tiegħu, Ġużeppi u Marija, telqu mill-​belt taʼ Nazaret fejn kienu joqogħdu u marru Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-​Qbiż. Fil-​vjaġġ lura, il-​ġenituri taʼ Ġesù indunaw li hu ma kienx qed jivvjaġġa mal-​grupp tagħhom. Iktar tard huma sabuh bil-​qiegħda f’waħda mis-​swali tat-​tempju, jismaʼ l-​għalliema Lhud u jagħmlilhom xi mistoqsijiet. Skantat li Ġużeppi u Marija ma kinux jafu fejn setgħu jsibuh, Ġesù staqsa: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu taʼ Missieri?” Ġesù mar lura d-​dar mal-​ġenituri tiegħu, baqaʼ jobdihom, u kompla jikber fl-​għerf kif ukoll fiżikament. (Luqa 2:​40-52) X’eżempju mill-​aħjar ħallielhom liż-​żgħar tagħna Ġesù! Żgur li huma għandhom jobdu lill-​ġenituri tagħhom u jkunu interessati li jitgħallmu dwar affarijiet spiritwali.​—Dewteronomju 5:​16; Efesin 6:​1-3.

16. (a) Xi bdew jgħajtu t-​tfal meta Ġesù kien qiegħed jippriedka fit-​tempju? (b) Liema privileġġ għandhom il-​Kristjani żgħar illum?

16 Bħala żagħżugħ, int forsi qed tippriedka dwar Jehovah fl-​iskola u minn dar għal dar mal-​ġenituri tiegħek. (Isaija 43:​10-​12; Atti 20:​20, 21) Ftit żmien qabel ma miet, Ġesù kien qed jippriedka u jfejjaq lin-​nies fit-​tempju, u xi subien bdew jgħajtu: “Hosanna lil Bin David!” Irrabjati minħabba f’dan, il-​qassisin ewlenin u l-​iskribi pprotestaw: “Qiegħed tismaʼ x’inhuma jgħidu dawn?” “Iva,” qalilhom Ġesù. “Qatt ma qrajtu li minn fomm it-​tfal u t-​trabi tal-​ħalib int ħejjejt tifħir għalik?” (Mattew 21:​15-17) Bħal dawk it-​tfal, intom iż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni għandkom il-​privileġġ grandjuż li tfaħħru lil Alla u lil Ibnu. Aħna rridukom u għandna bżonnkom taħdmu magħna bħala xandara tas-​Saltna.

Meta Jqumu d-​Diffikultajiet

17, 18. (a) Pawlu għala organizza ġabra għall-​Kristjani fil-​Lhudija? (b) L-​għotjiet volontarji għall-​aħwa fil-​Lhudija liema effett ħallew fuq il-​Kristjani Lhud u Ġentili?

17 Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna, l-​imħabba tqanqalna biex ngħinu lil sħabna l-​Kristjani li jkunu fil-​bżonn. (Ġwann 13:​34, 35; Ġakbu 2:​14-​17) Kienet l-​imħabba għal ħutu fil-​Lhudija li qanqlet lil Pawlu biex jorganizzalhom ġabra fil-​kongregazzjonijiet taʼ l-​Akaja, il-​Galazja, il-​Maċedonja, u d-​distrett taʼ l-​Asja. Il-​persekuzzjoni, it-​taqlib ċivili, u l-​ġuħ li ġarrbu d-​dixxipli f’Ġerusalemm setgħu ġabu s-​sofferenzi, ‘it-​taħbit,’ u ‘s-​serq taʼ ġidhom’ li semma Pawlu. (Lhud 10:​32-​34; Atti 11:27–​12:1) Għalhekk, hu ħa ħsieb jiġbor għall-​Kristjani fqar fil-​Lhudija.​—1 Korintin 16:​1-3; 2 Korintin 8:​1-4, 13-​15; 9:​1, 2, 7.

18 L-​għotjiet volontarji għall-​qaddisin fil-​Lhudija wrew li kienet teżisti rabta taʼ fratellanza bejn l-​aduraturi taʼ Jehovah Lhud u Ġentili. Permezz tal-​kontribuzzjonijiet tagħhom, il-​Kristjani Ġentili setgħu wkoll juru lill-​aduraturi sħabhom Lhud il-​gratitudni tagħhom għall-​għana spiritwali li rċivew mingħandhom. Għaldaqstant, huma qasmu bejniethom affarijiet kemm materjali kif ukoll spiritwali. (Rumani 15:​26, 27) Illum, il-​kontribuzzjonijiet għal sħabna fit-​twemmin li huma fil-​bżonn ukoll isiru volontarjament u huma mqanqlin mill-​imħabba. (Mark 12:​28-​31) Aħna għandna bżonn xulxin f’dan ir-​rigward ukoll sabiex b’hekk ikun hemm tqassim indaqs u min ikollu ftit ma jibqax bin-​nieqes.—2 Korintin 8:15.

19, 20. Agħti eżempju biex turi kif in-​nies taʼ Jehovah jipprovdu l-​għajnuna meta jkun hemm xi diżastru.

19 Ladarba nafu li l-​Kristjani għandhom bżonn xulxin, aħna nkunu pronti biex nagħtu l-​għajnuna tagħna lil ħutna fil-​fidi. Per eżempju, ikkunsidra dak li ġara f’El Salvador fil-​bidu tas-​sena 2001, meta l-​pajjiż ġie milqut minn terremoti u valangi taʼ ġebel li ħallew ħerba sħiħa. Rapport wieħed qal: “L-​aħwa minn kull parti taʼ El Salvador bdew il-​ħidma tagħhom biex jagħtu l-​għajnuna. Gruppi t’aħwa mill-​Gwatemala, l-​Istati Uniti, u l-​Kanada ġew biex jagħtuna daqqa t’id. . . . F’qasir żmien inbnew iktar minn 500 mitt dar u 3 Swali tas-​Saltna sbieħ. Dawn l-​aħwa li ssagrifikaw lilhom infushom taw xiehda kbira permezz tal-​kooperazzjoni u x-​xogħol iebes tagħhom.”

20 Rapport mill-​Afrika t’Isfel qal: “L-​għargħar tal-​biżaʼ li ħakem partijiet kbar mill-​Możambik effettwa wkoll lil ħafna minn ħutna l-​Kristjani. Il-​fergħa fil-​Możambik għamlet arranġamenti biex tieħu ħsieb ħafna mill-​bżonnijiet tagħhom. Madankollu huma talbuna nibagħtu xi ħwejjeġ użati imma li jkunu għadhom tajbin lill-​aħwa fil-​bżonn. Ġbarna ħwejjeġ biżżejjed biex nimlew kontejner taʼ 12-il metru għall-​aħwa fil-​Możambik.” Iva, anki b’dan il-​mod, aħna għandna bżonn xulxin.

21. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

21 Bħalma rajna qabel, il-​partijiet tal-​ġisem uman kollha huma importanti. L-​istess ħaġa ċertament tgħodd għall-​kongregazzjoni Kristjana. Il-​membri tagħha kollha għandhom bżonn xulxin. Huma wkoll għandhom bżonn ikomplu jaqdu flimkien magħqudin. L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra xi fatturi li jagħmlu dan possibbli.

Int Kif Twieġeb?

• Liema xebh hemm bejn il-​ġisem uman u l-​kongregazzjoni Kristjana?

• Il-Kristjani tal-​bidu kif irreaġixxew meta sħabhom fit-​twemmin kellhom bżonn l-​għajnuna?

• Liema huma xi eżempji Skritturali li juru li l-​Kristjani għandhom bżonn xulxin u li huma jgħinu lil xulxin?

[Stampa f’paġna 10]

Akwila u Prixxilla kien jimpurtahom minn oħrajn

[Stampi f’paġna 12]

In-​nies taʼ Jehovah jgħinu lil xulxin u lil oħrajn meta jqumu d-​diffikultajiet

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja