Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Il-wegħdi li jsiru lil Alla dejjem jorbtu?
Skritturalment, wegħda hija impenn solenni li wieħed jagħmel lil Alla, li fiha jiddikjara li hu se jagħmel att, offerta, jidħol għal xi servizz jew irwol, jew iżomm lura minn ċerti affarijiet li fihom infushom ma jmorrux kontra l-liġi. Fil-Bibbja nsibu rakkonti dwar wegħdi li kienu jsiru b’xi kundizzjoni fis-sens li involvew wegħdi solenni li jsir dak li kien mistqarr jekk Alla l-ewwel jagħmel xi ħaġa hu. Per eżempju, Anna, omm il-profeta Samwel, “għamlet wegħda u qalet: ‘Mulej taʼ l-eżerċti, jekk . . . ma twarrabx il-qaddejja tiegħek, u tagħtiha tifel, hija tagħtih lill-Mulej il-jiem kollha taʼ ħajtu, u minn fuq rasu ma jgħaddix il-mus.’” (1 Samwel 1:11) Il-Bibbja tiddeskrivi wkoll il-wegħdi bħala volontarji. Kemm jorbtu l-wegħdi Skritturali?
“Jekk tagħmel xi wegħda ’l Alla,” jgħid is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem, “iddumx ma ttemmha.” Hu jżid: “Dak li twiegħed qis li tagħmlu. Aħjar ma twiegħed xejn milli ma żżommx dak li twiegħed.” (Koħèlet 5:3, 4 [5:4, 5, NW]) Il-Liġi mogħtija lil Iżrael permezz taʼ Mosè tistqarr: “Meta tagħmel wegħda lill-Mulej, Alla tiegħek, tiddawwarx ma troddha; għax il-Mulej, Alla tiegħek, ifittex għaliha, u jkollok ħtija.” (Dewteronomju 23:22 [23:21, NW]) Bla ebda dubju, li tagħmel wegħda lil Alla hija xi ħaġa serja. Għandha ssir b’motiv tajjeb, u min jagħmilha jrid ikun ċert dwar l-abbiltà tiegħu li jwettaq dak li jkun wiegħed. Inkella, aħjar ma jagħmilha xejn. Iżda, ladarba jsiru, il-wegħdi kollha jorbtu?
Xi ngħidu jekk tkun għamilt wegħda li tagħmel xi ħaġa u iktar tard tinduna li dak li tkun se tagħmel m’huwiex fi qbil mar-rieda t’Alla? Nagħmlu mod li tkun wegħda li b’xi mod tkun qed torbot l-immoralità mal-qima vera? (Dewteronomju 23:19 [23:18, NW]) Ovvjament, wegħda bħal din ma tkunx torbot. Iktar minn hekk, skond il-Liġi Mosajka, wegħda magħmula minn mara setgħet tiġi annullata minn missierha jew żewġha.—Numri 30:4-16 (30:3-15, NW).
Ikkunsidra wkoll il-każ taʼ individwu li għamel wegħda lil Alla biex jibqaʼ ġuvni imma issa jsib ruħu f’dilemma. Il-wegħda li għamel poġġietu f’pożizzjoni li fiha jħoss li biex iwettaqha jkun qed ipoġġi lilu nnifsu fil-periklu li jikser il-livelli t’Alla rigward il-moralità. Għandu hu jkompli jistinka biex iwettaq il-wegħda tiegħu? Ma jkunx aħjar għalih li jipproteġi lilu nnifsu mill-immoralità billi jikser il-wegħda li għamel u minflok jafda fil-ħniena t’Alla u jerħi ruħu f’idejh, billi jitolbu jaħfirlu? Hu biss jistaʼ jiddeċiedi x’għandu jagħmel. Ebda bniedem ieħor ma jistaʼ jieħu d-deċiżjoni għalih.
Xi ngħidu jekk xi ħadd jagħmel wegħda li iktar tard jirrealizza li jkun għaġġel naqra biex għamilha? Xorta għandu jwettaq din il-wegħda? Ma kienx faċli għal Ġeftaħ biex iwettaq il-wegħda li kien għamel lil Alla, imma hu wettaqha bil-kuxjenza kollha. (Mħallfin 11:30-40) Meta persuna tonqos li twettaq il-wegħda li tkun għamlet lil Alla dan jistaʼ jwassal biex iġġiegħel lil Alla “jinkorla” u jġib fix-xejn dak li tkun irnexxielha tikseb. (Koħèlet 5:6) Il-fatt li persuna ma tiħux bis-serjetà l-wegħda li tkun għamlet jistaʼ jwassal biex titlef il-favur t’Alla.
Ġesù Kristu qal: “Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’: kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.” (Mattew 5:37, korsiv tagħna.) Kristjan m’għandux ikun konċernat biss dwar li jwettaq il-wegħdi li jkun għamel lil Alla, imma wkoll dwar li jagħti prova li hu taʼ min jafdah fi kliemu kollu—lil Alla u lill-bnedmin. Xi ngħidu jekk isib ruħu f’xi dilemma għax ikun għamel xi ftehim maʼ persuna oħra li fil-bidu kien jidher tajjeb imma wara li qagħad jiflih sew sab li kien il-kontra? Hu m’għandux iqis l-affarijiet qisu xejn m’hu xejn. Imma minħabba li jiddiskuti l-affarijiet bis-sinċerità kollha, l-individwu l-ieħor jistaʼ jiddeċiedi li jeħilsu mill-obbligu tiegħu.—Salm 15:4; Proverbji 6:2, 3.
X’għandu l-iktar jikkonċernana fejn jidħlu lwegħdi u affarijiet oħra? Ejja dejjem infittxu li nżommu relazzjoni tajba m’Alla Jehovah.
[Stampi f’paġna 30 , 31]
Anna ma żammitx lura milli twettaq il-wegħda tagħha
[Stampi f’paġna 31]
Għalkemm kien diffiċli, Ġeftaħ wettaq il-wegħda tiegħu