Mal-Mejda tal-Kaptan
WIEĦED jitgħaxxaq jiekol mal-mejda tal-kaptan fuq vapur meta jkun hemm nies interessanti, ikel tajjeb, u konversazzjoni pjaċevoli. Imma diskussjoni mal-mejda tal-Kaptan Robert G. Smith, tal-White Star Line, tefgħet id-dawl fuq mejda taʼ ikel spiritwali.—Isaija 25:6.
Fl-1894, fl-età taʼ 24 sena, Robert sar kaptan tal-bastiment bil-qlugħ Kinclune of Dundee biex jagħmel l-ewwel vjaġġ tiegħu madwar id-dinja. Iktar tard, sar il-kaptan tal-vapuri tal-White Star, bħas-Cedric, is-Cevic, u r-Runic.a Waqt li kien qed jaqsam l-Atlantiku minn New York sa Liverpool, l-Ingilterra, fuq wieħed minn dawn il-vapuri, Robert stieden lil Charles Taze Russell biex imur jiekol mal-mejda tal-kaptan. Il-konversazzjoni maʼ Russell qanqlet l-interess taʼ Robert fil-messaġġ tal-Bibbja, u sabiex jitgħallem iktar aċċetta li jikseb kopji taʼ Studies in the Scriptures mingħand Russell.
Russell żamm kuntatt miegħu bl-ittri, u bħala riżultat, l-interess taʼ Robert fil-messaġġ tal-Bibbja żdied. Robert qasam l-għarfien li kien għadu kif tgħallem mal-mara tiegħu. It-tnejn li huma ma damux wisq ma saru attivi bħala Studenti tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah. Iktar tard, Robert kellu l-privileġġ li jagħti taħditiet mill-Bibbja. Per eżempju, fi Brisbane, l-Awstralja, hu tkellem dwar “Il-Balzmu taʼ Gilgħad” u wera kif il-Kelma t’Alla fiha messaġġ li huwa “rimedju għall-gwajijiet kollha taʼ l-art.” Lura fl-Ingilterra, martu u wliedu ż-żgħar għenuh biex jippreżenta l-“Photo-Drama of Creation,” billi kienu jsemmgħu l-kummentarji taʼ Russell fuq fonografu waqt li kienu jintwerew is-slajds.
Robert għadda lil uliedu l-wirt tal-verità tas-Saltna li kien irċieva. Illum, ħames ġenerazzjonijiet wara, 18-il membru tal-familja jinsabu beżlin jaqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn, u huma grati għal dak li ġie servut mal-mejda tal-kaptan.
Permezz tal-pubblikazzjonijiet tagħhom u x-xogħol edukattiv tagħhom mill-Bibbja, ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jgħinu lin-nies madwar id-dinja biex jitgħallmu l-messaġġ tal-Bibbja li qanqal l-interess tal-Kaptan Smith. Int ukoll tistaʼ ssir taf x’kien hemm daqshekk interessanti mal-mejda tal-kaptan.
[Nota taʼ taħt]
a Vapur simili, it-Titanic, kien diriġut mill-Kaptan E. J. Smith (ma jiġix minnu) fl-ewwel vjaġġ tiegħu li rriżulta f’diżastru.
[Stampa f’paġna 8]
Robert G. Smith
[Stampa f’paġna 8]
Charles T. Russell