Tħallix Qalb Uliedek bla Ebda Gwida!
F’IDEJN fuħħari tas-sengħa, ċappa tafal bla valur tistaʼ tiġi trasformata f’kontenitur sabiħ. Ftit mill-artiġjani jirnexxilhom jagħmlu kwantitajiet kbar t’affarijiet utli minn xi ħaġa daqshekk sempliċi. Is-soċjetà ilha tiddependi għal eluf taʼ snin mill-fuħħari għal kikkri, platti, borom, vażetti, u vażuni dekorattivi.
Il-ġenituri wkoll jagħtu kontribut imprezzabbli lis-soċjetà billi jifformaw il-karattru u l-personalità taʼ wliedhom. Il-Bibbja tqabbel lil kull wieħed u waħda minna mat-tafal, u Alla ta biċċa xogħol vitali lill-ġenituri biex dawn jifformaw it-tafal jew “tajn” taʼ wliedhom. (Ġob 33:6; Ġenesi 18:19) Bħalma m’huwiex faċli li toħloq biċċa xogħol sabiħa tal-fuħħar, hekk ukoll m’huwiex faċli li tittrasforma lil uliedek f’adulti responsabbli u bilanċjati. Trasformazzjoni bħal din ma tiġix b’kumbinazzjoni.
Hawn ħafna influwenzi qawwijin li qed jaħdmu biex isawru qalb uliedna. Sfortunatament, xi wħud minn dawn l-influwenzi huma distruttivi. Għalhekk, minflok ma jħalli qalb uliedu tiżviluppa bla ebda gwida taʼ xejn, ġenitur għaqli jħarreġ lil uliedu biex ‘jimxu fit-triq it-tajba,’ fiduċjuż li ‘ma joħorġux minnha lanqas meta jixjieħu.’—Proverbji 22:6.
Matul il-proċess twil u eċċitanti tat-trobbija tat-tfal, ġenituri Kristjani għaqlin se jkollhom jiddedikaw ħin biex jiskansawhom minn influwenzi negattivi li jheddu qalb uliedhom. L-imħabba tagħhom se tiġi testjata mhux ħażin hekk kif bil-paċenzja jagħtu lil uliedhom “it-tagħlim, u l-korrezzjoni, li huma parti mit-trobbija Kristjana.” (Efesin 6:4, The New English Bible) M’għandniex xi ngħidu, il-biċċa xogħol li għandhom il-ġenituri se tkun ħafna iktar faċli jekk jibdew iħarrġu lil uliedhom minn kmieni.
Bidu minn Kmieni
Il-fuħħari jħobb jaħdem b’tafal li jkun artab biżżejjed biex jinħadem malajr, iżda fl-istess ħin ikun daqstant sod biex iżomm il-forma li jingħata. Wara li t-tafal jiġi rfinut, il-fuħħari jippreferi jużah fi żmien sitt xhur. Bl-istess mod, l-aħjar żmien biex il-ġenituri jibdew jifformaw qalb uliedhom hu meta l-qalb tkun iktar f’qagħda li l-iktar lesta li tismaʼ u tiġi fformata faċilment.
L-ispeċjalisti tat-tfal jgħidu li sakemm it-trabi jkollhom tmien xhur, dawn ikunu diġà tgħallmu jagħrfu l-ħsejjes tal-lingwa tal-post, ifformaw rabta soda mal-ġenituri, żviluppaw l-abbiltà li jużaw is-sensi biex jitgħallmu, u bdew jesploraw id-dinja taʼ madwarhom. L-aħjar żmien biex wieħed jibda jsawrilhom qalbhom hu meta jkunu għadhom żgħar. X’vantaġġ ikun għal uliedek jekk bħal Timotju, ‘sa minn żgħorithom isiru midħla tal-Kotba Mqaddsa’!—2 Timotju 3:15.a
Hija ħaġa naturali li t-trabi jimitaw lill-ġenituri. Minbarra li jimitaw il-ħsejjes, l-espressjonijiet, u l-ġesti, huma jitgħallmu dwar l-imħabba, il-qalb tajba, u l-mogħdrija meta jaraw lill-ġenituri tagħhom juru dawn il-kwalitajiet. Jekk irridu nħarrġu lil uliedna skond il-liġijiet taʼ Jehovah, il-kmandamenti t’Alla jridu l-ewwel u qabel kollox ikunu fi qlubna stess. Apprezzament mill-qalb bħal dan se jqanqal lill-ġenituri jkellmu lil uliedhom regolarment dwar Jehovah u dwar il-Kelma tiegħu. “Tkellem fuqhom,” tagħtina parir il-Bibbja, “meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:6, 7) Francisco u Rosa jispjegaw kif jagħmlu dan maż-żewġt itfal żgħar tagħhom.b
“Minbarra l-konversazzjonijiet normali taʼ kuljum, nipprovaw inkellmu lil uliedna individwalment minn taʼ l-inqas 15-il minuta kuljum. Meta naraw li hemm xi problema, inqattgħu ftit iktar ħin—u problemi fil-fatt dejjem ikun hemm. Per eżempju, it-tifel tagħna li għandu ħames snin dan l-aħħar ġie mill-iskola u qalilna li ma kienx jemmen b’Jehovah. Milli jidher, xi ħadd minn sħabu tal-klassi kien waqqgħu għaċ-ċajt u qallu li m’hemmx Alla.”
Dawn il-ġenituri rrealizzaw li t-tfal jeħtieġ li jiżviluppaw fidi fil-Ħallieq tagħhom. Fidi bħal din tistaʼ tinbena fuq il-mod naturali kif it-tfal huma affaxxinati mill-ħolqien t’Alla. Kemm jieħdu gost it-tfal imissu xi annimal, jaqtgħu xi fjuri salvaġġi, jew jilagħbu fuq ir-ramel ħdejn il-baħar! Il-ġenituri jistgħu jgħinuhom jassoċjaw il-ħolqien mal-Ħallieq. (Salm 100:3; 104:24, 25) Ir-riverenza profonda u r-rispett li huma jiżviluppaw għall-ħolqien taʼ Jehovah jistgħu jibqgħu magħhom tul ħajjithom kollha. (Salm 111:2, 10) Flimkien m’apprezzament bħal dan, it-tfal jistgħu jiżviluppaw xewqa li jogħġbu lil Alla u biżaʼ li ma jogħġbuhx. Dan se jqanqalhom biex ‘jaħarbu l-ħażen.’—Proverbji 16:6.
Għalkemm il-biċċa l-kbira mit-tfal huma kurjużi u jitgħallmu malajr, l-ubbidjenza tistaʼ ma tkunx daqshekk faċli. (Salm 51:7 [51:5, NW]) Kultant jistgħu jinsistu li tgħaddi tagħhom jew li tagħtihom kulma jridu. Il-ġenituri jeħtieġ li jkunu sodi, paċenzjużi, u juru d-dixxiplina biex ma jħallux dawn l-attitudnijiet irabbu l-għeruq f’uliedhom. (Efesin 6:4) Hekk għamlu Phyllis u Paul, li rnexxielhom irabbu sew lill-ħamest itfal tagħhom.
Phyllis tiftakar: “Għalkemm kull wieħed minn uliedna kellu personalità differenti, ilkoll kemm huma riedu li tgħaddi tagħhom. Kienet biċċa xogħol iebsa, imma maż-żmien tgħallmu xi tfisser il-kelma ‘le.’” Ir-raġel tagħha, Paul, qal: “Spiss, meta kienu jkunu taʼ età li jifhmu, konna ngħidulhom ir-raġuni għala nkunu ħadna dik id-deċiżjoni partikulari. Għalkemm dejjem ipprovajna nkunu qalbna tajba, għallimniehom jirrispettaw l-awtorità tagħna mogħtija minn Alla.”
Filwaqt li jistaʼ jkun hemm problemi matul it-tfulija, ħafna ġenituri jsibu li l-akbar sfida tiġi fis-snin taʼ l-adolexxenza, meta l-qalb immatura tiffaċċja ħafna provi ġodda.
Kif Tilħaq Qalb l-Adolexxent
Il-fuħħari jrid jilħaq jagħmel xogħlu qabel jinxiflu t-tafal. Biex jirbaħ il-ħin, forsi jżid xi ftit ilma ħalli t-tafal jibqagħlu niedi u artab. Bl-istess mod, il-ġenituri jridu jaħdmu iebes biex ma jħallux qalb l-adolexxent issir iebsa. M’għandniex xi ngħidu, l-għodda prinċipali tagħhom hija l-Bibbja. Permezz tagħha huma jistgħu ‘jċanfru, iwiddbu, u jħejju lil uliedhom għal kull ħidma tajba.’—2 Timotju 3:15-17.
Madankollu, adolexxent forsi ma jiħux gost jaċċetta l-parir tal-ġenituri bħalma kien jaċċettah meta kien iżgħar. L-adolexxenti jistgħu jibdew jagħtu iktar kas taʼ dak li jgħidulhom sħabhom, u għalhekk il-komunikazzjoni bil-miftuħ u spontanja mal-ġenituri tagħhom forsi tistaʼ tibda tonqos. F’dan iż-żmien il-ġenituri jeħtieġ li jkunu iktar paċenzjużi u tas-sengħa għaliex issa l-irwol tagħhom u taʼ wliedhom ikun differenti minn qabel. L-adolexxenti jkollhom jaddattaw ruħhom għall-bidliet fiżiċi u emozzjonali tagħhom. Iridu jibdew jagħmlu deċiżjonijiet u miri li jistgħu jeffettwaw il-bqija taʼ ħajjithom. (2 Timotju 2:22) Matul dan il-perijodu diffiċli, huma jridu jħabbtu wiċċhom maʼ forza li jistaʼ jkollha effett diżastruż fuq qalbhom—il-pressjoni minn dawk taʼ mparhom.
Din il-pressjoni rari tiġi f’darba u b’mod li l-adolexxenti jkunu jistgħu jindunaw biha. Pjuttost, ġeneralment din tkun permezz taʼ serje taʼ kummenti jew sitwazzjonijiet li jħallu effett ħażin fuqhom. Dawn jattakkaw id-dgħjufija li jbatu minnha l-biċċa l-kbira miż-żgħażagħ—il-biżaʼ ġewwieni li jiġu mwarrbin minn żgħażagħ oħra. Peress li jkunu qed jiġġieldu mal-mistħija u mal-fatt li jixtiequ jiġu aċċettati mill-oħrajn, xi żgħażagħ jistgħu jibdew japprovaw ‘dak li hemm fid-dinja’ kif jagħmlu ż-żgħażagħ l-oħra.—1 Ġwann 2:15-17; Rumani 12:2.
Biex is-sitwazzjoni tkompli titgħarraq, ix-xewqat naturali tal-qalb imperfetta għandhom mnejn jaqblu maʼ dak li jkunu qed jgħidulhom dawk taʼ mparhom. Pariri bħal “Gawdi” u “Agħmel dak li jogħġbok” forsi jinstemgħu sbieħ għal widnejhom. María tiftakar fl-esperjenza tagħha: “Kont nismaʼ mill-adolexxenti sħabi li kienu jemmnu li ż-żgħażagħ għandhom id-dritt igawdu kemm jifilħu, u ma joqogħdux iqisu l-konsegwenzi. Peress li ridt nagħmel bħalma kienu jagħmlu sħabi taʼ l-iskola, għal naqra ma dħaltx f’inkwiet serju.” Bħala ġenitur, trid tgħin lill-adolexxent tiegħek biex jirbaħ pressjoni bħal din, imma dan kif tistaʼ tagħmlu?
Bi kliemek u bl-azzjonijiet tiegħek, assigurah kemm-il darba li int jimpurtak minnu. Agħmel ħiltek biex tiskopri kif iħossu dwar ċerti affarijiet, u ipprova ifhem il-problemi tiegħu, li jistgħu jkunu ferm iktar diffiċli minn dawk li ffaċċjajt int meta kont l-iskola. F’dan iż-żmien partikulari, l-adolexxent jeħtieġ li jqisek bħala xi ħadd li jistaʼ jiftaħ qalbu miegħu. (Proverbji 20:5) Mill-mod kif iġib ruħu u mill-burdati tiegħu tistaʼ tinduna bin-niket jew il-konfużjoni li jkun għaddej minnha. Wieġeb għall-karba tiegħu għall-għajnuna, u ‘farraġlu qalbu.’—Kolossin 2:2, Saydon.
M’għandniex xi ngħidu, huwa importanti li tibqaʼ sod għal dak li hu tajjeb. Ħafna ġenituri sabu li kultant żmien jiffaċċjaw battalja maʼ wliedhom, imma ma jistgħux iċedu meta d-deċiżjoni tagħhom tkun ibbażata fuq is-sod. Mill-banda l-oħra, qis li tifhem is-sitwazzjoni sew qabel tiddeċiedi li tuża d-dixxiplina bl-imħabba u kif se tagħmel dan meta jkun hemm bżonnha.—Proverbji 18:13.
Saħansitra minn ġol-Kongregazzjoni
Reċipjent tal-fuħħar jistaʼ jidher li jkun lest, imma jekk ma jkunx inħema ġol-forn, jistaʼ jsir difettuż bl-istess likwidi li jitpoġġew fih. Il-Bibbja tqabbel il-provi u d-diffikultajiet maʼ dan il-proċess bin-nar, peress li dawn juru liema xorta taʼ nies aħna tassew. M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja qed titkellem partikolarment dwar provi tal-fidi tagħna, imma b’mod ġenerali, dan jgħodd ukoll għal provi oħrajn. (Ġakbu 1:2-4) Ħaġa taʼ l-iskantament, xi ftit mill-provi diffiċli li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ għandhom mnejn jiġu minn ġol-kongregazzjoni.
Għalkemm l-adolexxent tiegħek ikun jidher b’saħħtu spiritwalment, minn ġewwa forsi jkun qed jissielet maʼ qalb maqsuma bejn żewġ affarijiet. (1 Slaten 18:21) Per eżempju, Megan kellha tħabbat wiċċha maʼ ideat dinjin li nibtu fost żgħażagħ oħra li kienu jiġu s-Sala tas-Saltna.
“Ġejt influwenzata minn grupp taʼ żgħażagħ li ħassew li l-Kristjanità kienet monotona u li kienet qed iżżommhom lura milli jieħdu pjaċir. Kienu jgħidu affarijiet bħal: ‘Kif nagħlaq it-18-il sena, nitlaq mill-verità,’ jew ‘Għandi sebaʼ mitt sena sakemm nitlaq.’ Ma kinux jieħdu gost jagħmluha maʼ żgħażagħ li kienu jaħsbuha mod ieħor, u kienu jgħajruhom qaddisin.”
Biżżejjed ikun hemm wieħed jew tnejn li jkollhom attitudni ħażina biex iġennu lill-bqija jagħmlu bħalhom. Individwi fi grupp ġeneralment jagħmlu dak li tagħmel il-maġġuranza. Il-bluha u l-fanfarunati jistgħu jieħdu post l-għerf u d-deċenza. X’ħasra hi li f’ħafna pajjiżi kien hemm każi taʼ żgħażagħ Kristjani li ġew fl-inkwiet għax għamlu bħal dawk taʼ madwarhom.
M’għandniex xi ngħidu, l-adolexxenti għandhom bżonn ċertu ammont taʼ sħubija pjaċevoli. Kif tistaʼ int bħala ġenitur tipprovdilhom din is-sħubija? Aħseb bis-serjetà dwar id-divertiment li jogħġobhom, u ippjana attivitajiet interessanti mal-familja jew maʼ xi grupp taʼ żgħażagħ u kbar flimkien. Sir af il-ħbieb taʼ wliedek. Stidinhom għal xi ikla, jew qattaʼ xi serata magħhom. (Rumani 12:13) Inkuraġġixxi lil uliedek biex isegwu xi attività li tkun taʼ ġid għalihom, bħal ngħidu aħna li jitgħallmu jdoqqu xi strument jew jitgħallmu xi lingwa oħra jew xi sengħa. Fil-biċċa l-kbira mill-każi, dawn ikunu jistgħu jagħmluhom fl-ambjent protett tad-dar.
L-Edukazzjoni Tistaʼ Tkun taʼ Protezzjoni
L-edukazzjoni taʼ adolexxent tistaʼ wkoll tgħinu jżomm id-divertiment f’postu. Loli, li ilha 20 sena taħdem bħala amministratriċi fi skola kbira, tgħid: “Rajt ħafna Xhieda żgħażagħ fl-iskola. Ħafna minnhom kienu taʼ min ifaħħarhom minħabba l-kondotta tagħhom, imma oħrajn lanqas biss kienu jintgħarfu mill-istudenti l-oħra. Dawk li kienu t’eżempju tajjeb kienu bla dubju dawk li ħadu interess fl-istudji tagħhom. B’qalbi kollha nagħti parir lill-ġenituri biex jieħdu interess attiv fil-progress akkademiku taʼ wliedhom, isiru jafu lill-għalliema tagħhom, u jikkonvinċu lil uliedhom li hu importanti ħafna li jkollhom reputazzjoni tajba. Ikun hemm xi wħud li jibbrillaw, imma lkoll kemm huma jistgħu jaslu biex ikollhom livelli sodisfaċenti u jiksbu r-rispett taʼ l-għalliema tagħhom.”
Edukazzjoni bħal din tistaʼ tgħin ukoll lill-adolexxenti jimxu ’l quddiem spiritwalment. Tistaʼ tgħallimhom drawwiet tajbin taʼ studju, dixxiplina mentali, u sens taʼ responsabbiltà. L-abbiltà li jaqraw tajjeb u jifhmu sew l-ideat bla dubju se tinkuraġġihom ikunu studenti u għalliema aħjar tal-Kelma t’Alla. (Neħemija 8:8) Ix-xogħol taʼ l-iskola u l-istudji spiritwali jirrikjedu ħafna ħin, u dan jgħinhom biex iżommu r-rikreazzjoni fil-post xieraq tagħha.
Sors taʼ Unur Għalikom u għal Jehovah
Fil-Greċja tal-qedem ħafna mill-vażuni kellhom żewġ firem, waħda tal-fuħħari li għamilhom u l-oħra tal-pittur li pinġa fuqhom. Bl-istess mod, fil-familja ġeneralment ikun hemm tnejn li jieħdu sehem fil-formazzjoni tat-tfal. Kemm il-missier u kemm l-omm jieħdu sehem f’li jsawru qalb uliedhom, u b’mod figurattiv l-ulied ikollhom żewġ “firem” fuqhom. Bħal fuħħari u/jew pittur taʼ suċċess, int tistaʼ tħossok kburi bix-xogħol li tkun għamilt biex issawwar żagħżugħ li jkun prezzjuż u sabiħ.—Proverbji 23:24, 25.
Is-suċċess taʼ din il-biċċa xogħol grandjuża jiddependi fil-biċċa l-kbira minn kemm int tkun sawwart il-qalb taʼ wliedek. Nittamaw li tkun tistaʼ tgħid: “Il-liġi taʼ Alla tiegħu għal qalbu, ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.” (Salm 37:31) Il-kundizzjoni taʼ qalb it-tfal hija importanti wisq biex inħalluha tiżviluppa bla ebda gwida taʼ xejn.
[Noti taʼ taħt]
a Xi ġenituri jaqraw il-Bibbja lit-trabi tat-twelid. Il-vuċi kalma flimkien maʼ din l-esperjenza pjaċevoli jistgħu jġagħlu lit-tfal ikollhom apprezzament għall-qari għall-bqija t’għomorhom.
b Xi ismijiet ġew mibdulin.