Persekuzzjoni Reliġjuża—Għala?
TAĦSEB int li n-nies għandhom jiġu persegwitati minħabba r-reliġjon tagħhom? X’aktarx li le—għallinqas mhux sakemm ma jindaħlux fid-drittijiet taʼ l-oħrajn. Madankollu, il-persekuzzjoni reliġjuża ilha teżisti għal ħafna snin u għadha teżisti. Per eżempju, ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Ewropa u f’partijiet oħra tad-dinja spiss ġew imċaħħdin mid-drittijiet tagħhom u trattati ħażin b’kefrija matul is-seklu għoxrin.
Matul dak iż-żmien, ix-Xhieda taʼ Jehovah sofrew minn persekuzzjoni kiefra, organizzata, u għal perijodu twil taħt iż-żewġ reġimi totalitarji fl-Ewropa. X’nitgħallmu mill-esperjenza tagħhom dwar il-persekuzzjoni reliġjuża? U x’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif huma rreaġixxew għas-sofferenzi?
“M’Humiex tad-Dinja”
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu ħilithom kollha biex jobdu l-liġi, iżommu l-paċi, u jkunu nodfa moralment. Ma jopponux lill-gvernijiet u ma jisfidawhomx, u lanqas ma jqanqlu l-persekuzzjoni għaliex iridu jkunu martri. Dawn il-Kristjani jżommu n-newtralità fil-politika. Dan hu fi qbil mal-kliem taʼ Ġesù: “[Is-segwaċi tiegħi] m’humiex tad-dinja bħalma jiena m’iniex tad-dinja.” (Ġwann 17:16) Ħafna mill-gvernijiet jirrikonoxxu l-waqfa newtrali tax-Xhieda. Imma l-ħakkiema totalitarji ftit li xejn għandhom rispett għall-ħtieġa Biblika li l-Kristjani m’għandhom ikunu l-ebda parti mid-dinja.
Ir-raġuni għal dan ġiet spjegata waqt konferenza li saret fl-Università taʼ Heidelberg, fil-Ġermanja, f’Novembru tas-sena 2000. Il-konferenza kellha t-tema “Repressjoni u Rikonoxximent tad-Drittijiet: Ix-Xhieda taʼ Jehovah taħt id-Dittatorjat Soċjalista Nazzjonali u Dak Komunist.” It-tabib Clemens Vollnhals taʼ l-Istitut Hannah-Arendt għar-Riċerka dwar it-Totalitarjaniżmu għamel din l-osservazzjoni: “Ir-reġimi totalitarji ma jagħmlux limitazzjonijiet fuq l-attivitajiet politiċi tagħhom biss. Huma jesiġu s-sottomissjoni assoluta tal-persuna.”
Il-Kristjani veri ma jistgħux jissottomettu b’mod assolut il-“persuna” tagħhom lejn il-gvernijiet umani, ladarba huma diġà wiegħdu l-lealtà assoluta tagħhom lil Alla Jehovah waħdu. Xhieda li jgħixu taħt dittatorjati totalitarji sabu li dak li jesiġi minnhom l-istat u dak li jirrikjedi minnhom it-twemmin tagħhom xi drabi jkunu f’konflitt. X’għamlu meta ħabbtu wiċċhom maʼ konflitti bħal dawn? L-istorja turi li x-Xhieda taʼ Jehovah applikaw f’ħajjithom il-prinċipju li esprimew id-dixxipli taʼ Ġesù Kristu: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin.”—Atti 5:29.
Eluf taʼ Xhieda żammew il-lealtà lejn it-twemmin tagħhom u baqgħu newtrali fi kwistjonijiet politiċi, minkejja l-iktar persekuzzjoni ħarxa li kellhom. Kif setgħu jissaportu? Minfejn ġabu s-saħħa biex jagħmlu dan? Ejja naraw huma stess x’jgħidu. U ejja naraw x’jistgħu jitgħallmu mill-esperjenzi tagħhom kemm dawk li huma Xhieda u kemm dawk li m’humiex.
[Kumment f’paġna 4]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja sofrew persekuzzjoni ħarxa u għal perijodu twil taħt iż-żewġ reġimi totalitarji tas-seklu 20
[Kumment f’paġna 4]
“Ir-reġimi totalitarji ma jagħmlux limitazzjonijiet fuq l-attivitajiet politiċi tagħhom biss. Huma jesiġu s-sottomissjoni assoluta tal-persuna.”—It-tabib Clemens Vollnhals
[Stampa f’paġna 4]
Il-membri tal-familja Kusserow ġew imċaħħdin mil-libertà tagħhom għaliex ma ridux jikkompromettu l-fidi tagħhom
[Stampa f’paġna 4]
Johannes Harms inqatel f’kamp tal-konċentrament tan-Nazi minħabba t-twemmin tiegħu