Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Huwa ħażin li toqtol annimal domestiku li jkun marid jew xiħ?
Ħafna wħud iħarsu lejn l-annimali bħala li huma interessanti u taʼ gost. Xi annimali domestiċi jsiru kumpanija tajba għal sidhom. Per eżempju, il-klieb huma magħrufin għall-mod komplet kif iħobbu u jobdu lil sidhom. Għalhekk, nistgħu nifhmu għala ħafna jkollhom rabta speċjali maʼ dawn l-annimali, speċjalment jekk ikunu ilhom għandhom għal snin sħaħ.
Madankollu, ħafna minn dawn l-annimali ma tantx għandhom ħajja twila. Il-klieb, kif ukoll il-qtates, għandhom mnejn jgħixu bejn 10 sa 15-il sena, jiddependi taʼ liema razza jkunu. Meta jixjieħu, l-annimali domestiċi għandhom mnejn jibdew ibatu minn mard u diżabilità u b’hekk ikunu taʼ niket għal sidhom li jiftakar lill-annimal meta kien għadu żgħir u iktar fuq tiegħu. Huwa ħażin li ma tħallix lill-annimal ibati iktar u traqqdu?
Il-Kristjan irid jaġixxi fi qbil mar-rieda t’Alla meta jittratta maʼ l-annimali. Żgur li Alla ma jridx li dawn jinħaqru, għax il-kelma tiegħu tistqarr: “Il-ġust jieħu ħsieb sa l-bhima [“l-annimal domestiku,” NW] tiegħu.” (Proverbji 12:10) Madankollu, dan ma jfissirx li Alla jħares lejn l-annimali bl-istess mod kif iħares lejn il-bnedmin. Meta Alla ħalaq lill-bnedmin, hu wera li kien hemm differenza kbira bejnhom u bejn l-annimali. Per eżempju, lill-bnedmin hu tahom it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem, iżda hu qatt ma ta din it-tama lill-annimali. (Rumani 6:23; 2 Pietru 2:12) Peress li hu l-Ħallieq, għandu kull dritt jagħżel x’tip taʼ relazzjoni għandu jkun hemm bejn il-bnedmin u l-annimali.
Ġenesi 1:28 jgħidilna x’inhi din ir-relazzjoni. Alla qal lill-ewwel bnedmin: “Saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr taʼ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.” Bl-istess mod, Salm 8:7-9 (8:6-8, NW) jgħid: “Qegħedtu [lill-bniedem] fuq l-għemejjel kollha taʼ jdejk [taʼ Alla]! Kollox taħt riġlejh qegħedtlu: in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri; l-għasafar taʼ l-ajru u l-ħut tal-baħar.”
Alla għamilha ċara li l-annimali setgħu jintużaw kif suppost u jinqatlu mill-bniedem. Per eżempju, il-ġilda tagħhom setgħet tintuża għall-ħwejjeġ. Wara d-Dilluvju taʼ żmien Noè, Alla ta wkoll il-permess lill-bnedmin biex jieklu l-laħam taʼ l-annimali flimkien mal-ħaxix li ngħataw biex jieklu fil-bidu.—Ġenesi 3:21; 4:4; 9:3.
Dan ma jippermettix li l-annimali jinqatlu għal xejn b’xejn bħala passatemp. F’Ġenesi 10:9, il-Bibbja tiddeskrivi lil Nimrod bħala “kaċċatur qalbieni.” Iżda l-istess vers jgħid li dan il-fatt ġabu “f’oppożizzjoni lejn Jehovah” (NW).
Għalhekk, waqt li l-bniedem jiddomina l-annimali, hu m’għandux jabbuża minn din l-awtorità iżda minflok jużaha fi qbil mal-prinċipji tal-Kelma t’Alla. Dan għandu mnejn jinkludi li ma jħallix l-annimal domestiku jbati għalxejn minħabba x-xjuħija, xi ġerħa gravi, jew marda fatali. F’sitwazzjoni bħal din, il-Kristjan għandu r-responsabbiltà li jiddeċiedi x’għandu jagħmel. Jekk jiddeċiedi li ma jkunx qed iħenn jekk iħalli lill-annimal ikompli jbati meta ma jkunx hemm tama li xi darba għad ifiq, allura jistaʼ jagħżel li jraqqdu.