LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 6/15 pp. 3-4
  • Hemm Evidenza Arkeoloġika taʼ l-Eżistenza taʼ Ġesù?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hemm Evidenza Arkeoloġika taʼ l-Eżistenza taʼ Ġesù?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Huwa l-​Ossarju Awtentiku?
  • Kienet mill-Familja taʼ Kajfa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Tgħallem minn Ħu Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Jitrabba f’Nazaret
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • X’Tiftakar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 6/15 pp. 3-4

Hemm Evidenza Arkeoloġika taʼ l-​Eżistenza taʼ Ġesù?

“EVIDENZA taʼ Ġesù Mnaqqxa fil-​Ġebel.” Hekk kien hemm miktub fuq il-​qoxra tal-​Biblical Archaeology Review (Novembru/Diċembru 2002). Fl-​istampa taʼ fuq il-​qoxra kien hemm kaxxa tal-​ġebel bl-​għadam tal-​mejtin, ossarju, li nstabet f’Iżrael. L-​ossarji kienu jiġu użati ħafna mil-​Lhud matul il-​perijodu qasir bejn l-​ewwel seklu Q.E.K. u s-​sena 70 E.K. Dan kellu sinifikat speċjali minħabba l-​iskrizzjoni bl-​Aramajk fuq waħda mill-​ġnub tiegħu. L-​istudjużi qalu li l-​kitba kienet tgħid: “Ġakbu, bin Ġużeppi, ħu Ġesù.”

Skond il-​Bibbja, Ġesù taʼ Nazaret kellu ħuh jismu Ġakbu li kienu jafuh bħala bin Ġużeppi, ir-​raġel taʼ Marija. Meta Ġesù Kristu għallem fil-​belt fejn twieled, dawk fl-​udjenza baqgħu mbellhin u staqsew: “Dan m’huwiex bin il-​mastrudaxxa? Ommu m’hijiex dik li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu l-​bniet m’humiex kollha magħna?”—Mattew 13:​54-56; Luqa 4:22; Ġwann 6:42.

Iva, l-​iskrizzjoni fuq l-​ossarju taqbel mad-​deskrizzjoni taʼ Ġesù n-​Nazzarenu. Jekk dan Ġakbu li hu msemmi fl-​iskrizzjoni kien ħu Ġesù Kristu mill-​omm, mela din hi “l-​eqdem evidenza arkeoloġika minbarra l-​Bibbja dwar Ġesù,” qal André Lemaire, espert fuq skrizzjonijiet antiki u l-​kittieb taʼ l-​artiklu li ssemma qabel fil-​Biblical Archaeology Review. Hershel Shanks, l-​editur tar-​rivista, qal li l-​ossarju “huwa oġġett li tistaʼ tarah u tmissu b’idejk u li jiħodna lura għall-​iktar persunaġġ importanti u uniku li qatt għex fuq l-​art.”

Madankollu, it-​tliet ismijiet li jistgħu jinqraw fl-​iskrizzjoni taʼ fuq dan l-​ossarju kienu komuni fl-​ewwel seklu. B’hekk, huwa possibbli li kien hemm familja oħra minbarra l-​familja taʼ Ġesù Kristu li l-​membri tagħha kienu jinkludu wħud li kien jisimhom Ġakbu, Ġużeppi, u Ġesù. Lemaire jikkalkula: “F’Ġerusalemm matul iż-​żewġ ġenerazzjonijiet taʼ qabel is-​sena 70 E.K. kien hemm . . . probabbilment madwar 20 persuna li kienu msejħin ‘Ġakbu/Ġakobb l-​iben taʼ Ġużeppi ħu Ġesù.’” Minkejja dan, hu jħoss li hemm ċans taʼ 90 fil-​mija li Ġakbu li ssemma fuq l-​ossarju kien ħu Ġesù Kristu mill-​omm.

Hemm fattur ieħor li jġiegħel lil xi wħud jemmnu li Ġakbu li ssemma fl-​iskrizzjoni kien ħu Ġesù Kristu mill-​omm. Għalkemm kien komuni li jissemma missier il-​mejjet fuq skrizzjonijiet bħal dawn, kien rari ferm li jissemma wieħed minn ħutu. B’hekk, xi studjużi jemmnu li dan Ġesù bilfors li kien xi ħadd importanti, u dan iġagħalhom jaħsbu li hu kien Ġesù Kristu, il-​fundatur tal-​Kristjanità.

Huwa l-​Ossarju Awtentiku?

X’inhu ossarju? Dan huwa kaxxa, jew tebut, li fih jintefgħu l-​għadam taʼ xi mejjet wara li ġismu jkun ittiekel fl-​għar fejn ikun indifen. Ħafna ossarji nsterqu minn ġo l-​oqbra madwar Ġerusalemm. Il-​kaxxa bl-​iskrizzjoni taʼ Ġakbu nstabet fis-​suq taʼ l-​antikitajiet, u mhux f’xi post uffiċjali li fih ħaffru għall-​fdalijiet. Kien hemm min qal li dak li xtara l-​ossarju kien xtrah għal ftit mijiet taʼ liri fis-​snin 70. B’hekk, l-​oriġini taʼ l-​ossarju għadu misteru. Il-​Professur Bruce Chilton mill-​Kulleġġ taʼ Bard, fi New York, jgħid, “Jekk ma tistax tgħid fejn instab dan l-​ossarju u fejn kien għal kważi 2,000 sena, ma tistax tistenna li tagħmel konnessjoni bejn l-​oġġett u n-​nies li għandu mnejn ikunu msemmijin fuqu.”

Biex ipatti għan-​nuqqas taʼ sfond arkeoloġiku, André Lemaire bagħat il-​kaxxa lill-​Ministeru inkarigat mill-​Istħarriġ Ġeoloġiku f’Iżrael. Ir-​riċerkaturi hemmhekk ivverifikaw li l-​ossarju kien magħmul minn ġebel tal-​ġir taʼ l-​ewwel jew it-​tieni seklu E.K. Huma rrapportaw li “ma kien hemm ebda indikazzjoni li ntużat xi għodda jew strument modern.” Xorta waħda, xi studjużi tal-​Bibbja li ġew intervistati minn The New York Times esprimew l-​opinjoni li “x-​xiehda ċirkustanzjali li turi li hemm konnessjoni maʼ Ġesù kienet x’aktarx qawwija, però din xorta waħda tibqaʼ biss ċirkustanzjali.”

Ir-rivista Time stqarret li “kważi l-​ebda persuna edukata llum ma tiddubita li Ġesù eżista.” Xorta waħda, ħafna jħossu li hemm bżonn taʼ iktar evidenza minbarra dik li nsibu fil-​Bibbja dwar l-​eżistenza taʼ Ġesù. Għandha l-​arkeoloġija tkun il-​bażi għat-​twemmin f’Ġesù? X’evidenza għandna dwar “l-​iktar persunaġġ importanti u uniku li qatt għex fuq l-​art”?

[Sors tal-​Istampa f’paġna 3]

Xellug, l-​Ossarju taʼ Ġakbu: AFP PHOTO/J.P. Moczulski; lemin, iskrizzjoni: AFP PHOTO/HO

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja