LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 7/15 pp. 29-31
  • Ewsebju—“Il-Fundatur taʼ l-Istorja tal-Knisja”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ewsebju—“Il-Fundatur taʼ l-Istorja tal-Knisja”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kitbiet Notevoli Tiegħu
  • Il-​Motiv Doppju Tiegħu
  • Ir-​Riċerka Estensiva Tiegħu
  • Kien Iħobbha l-​Verità?
  • Tagħlima li Għandna Nitgħallmu
  • X’Tiftakar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Kostantinu l-Kbir—Ċampjin tal-Kristjanità?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Titwila lejn il-passat—Kostantinu
    Stenbaħ!—2014
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 7/15 pp. 29-31

Ewsebju​—“Il-​Fundatur taʼ l-​Istorja tal-​Knisja”?

FIS-​SENA 325 E.K., l-​Imperatur Ruman Kostantinu talab lill-​isqfijiet kollha biex imorru Niċea. L-​iskop tiegħu: biex jissetilja l-​kwistjoni li kulħadd kien qed jiddibatti dwarha, jiġifieri r-​relazzjoni t’Alla maʼ Ibnu. Fost dawk preżenti kien hemm il-​bniedem li kien meqjus bħala l-​iktar wieħed istruwit fi żmienu, Ewsebju taʼ Ċesarija. Ewsebju kien iħabrek ħafna biex jistudja l-​Iskrittura u kien difensur tat-​twemmin Kristjan f’Alla wieħed.

Fil-konċilju taʼ Niċea, “Kostantinu nnifsu mexxa,” tirrakkonta The Encyclopædia Britannica, “billi ggwida b’mod attiv id-​diskussjonijiet, u ppropona personalment . . . il-​formula kruċjali li tesprimi r-​relazzjoni taʼ Kristu m’Alla fil-​kredu maħruġ mill-​konċilju, ‘taʼ sustanza waħda mal-​Missier’ . . . Minħabba r-​rispett u l-​biżaʼ li kellhom mill-​imperatur, l-​isqfijiet, minbarra tnejn, iffirmaw il-​kredu, avolja ħafna minnhom kontra qalbhom.” Kien Ewsebju wieħed minn dawn it-​tnejn li ma ffirmawx? X’lezzjonijiet nistgħu nisiltu mill-​waqfa li ħa hu? Ejja nħarsu lejn l-​isfond t’Ewsebju—il-​kwalifiki u l-​kisbiet tiegħu.

Il-​Kitbiet Notevoli Tiegħu

X’aktarx li Ewsebju twieled il-​Palestina madwar is-​sena 260 E.K. T’età żgħira, hu beda jassoċja maʼ Pamfilu, indokratur tal-​knisja f’Ċesarija. Ewsebju beda jattendi l-​iskola teoloġika taʼ Pamfilu u sar student ħerqan. Hu użaha kemm felaħ il-​librerija eċċellenti li kellu Pamfilu. Ewsebju ddedika ruħu għall-​istudji tiegħu speċjalment għall-​istudju tal-​Bibbja. Hu sar ukoll il-​ħabib tal-​qalb taʼ Pamfilu, u iktar tard irrefera għalih innifsu bħala “Ewsebju taʼ Pamfilu.”

Ewsebju stqarr dan rigward il-​miri tiegħu: “Huwa l-​iskop tiegħi li nikteb rakkont tas-​suċċessjonijiet taʼ l-​Appostli qaddisa kif ukoll taż-​żmien li għadda minn żmien is-​Salvatur tagħna sa żmienna; li nirrakkonta kif ħafna ġrajjiet importanti jingħad li seħħew fl-​istorja tal-​knisja; u li nsemmi lil dawk li ggvernaw u mexxew il-​knisja fl-​iktar parroċċi prominenti, u dawk li f’kull ġenerazzjoni xandru l-​kelma divina bil-​fomm jew bil-​kitba.”

Ewsebju baqaʼ msemmi għax-​xogħol stmat ħafna tiegħu intitolat: History of the Christian Church (L-Istorja tal-​Knisja Kristjana). L-​għaxar volumi tiegħu pubblikati madwar is-​sena 324 E.K. huma kunsidrati bħala l-​iktar storja tal-​knisja importanti taʼ żmien il-​qedem. Minħabba dan is-​suċċess, Ewsebju sar magħruf bħala l-​fundatur taʼ l-​istorja tal-​knisja.

Minbarra ċ-​Church History, Ewsebju kiteb ukoll il-​Chronicle (Kronaka), f’żewġ volumi. L-​ewwel volum kien ġabra fil-​qosor taʼ l-​istorja universali. Fir-​rabaʼ seklu, dan sar it-​test li normalment jintuża bħala referenza għall-​kronoloġija tad-​dinja. It-​tieni volum wera d-​dati tal-​ġrajjiet storiċi. Permezz taʼ kolonni paralleli, Ewsebju wera s-​suċċessjoni tas-​slaten taʼ ġnus differenti.

Ewsebju kiteb żewġ xogħlijiet storiċi oħra, intitolati Martyrs of Palestine (Martri tal-​Palestina) u Life of Constantine (Il-Ħajja taʼ Kostantinu). L-​ewwel ktieb ikopri s-​snin mit-​303-10 E.K. u jiddiskuti dwar il-​martri taʼ dan il-​perijodu. Ewsebju għex fiż-​żmien li seħħew dawn il-​ġrajjiet. It-​tieni xogħol tiegħu, pubblikat bħala sett t’erbaʼ kotba wara l-​mewt taʼ l-​Imperatur Kostantinu fis-​sena 337 E.K., kien fih dettalji storiċi imprezzabbli. Dan il-​ktieb m’huwiex rakkont dirett dwar il-​ġrajjiet taʼ l-​istorja kif seħħew, imma hu ktieb taʼ tifħir għall-​imperatur.

Ix-xogħlijiet letterarji t’Ewsebju miktubin bħala difiża jinkludu tweġiba lil Jerokle—gvernatur Ruman taʼ dak iż-​żmien. Meta Jerokle kiteb kontra l-​Kristjani, Ewsebju wieġbu biex jiddefendihom. Iktar minn hekk, biex jappoġġa l-​fatt li l-​awtur taʼ l-​Iskrittura hu Alla, hu kiteb 35 ktieb, meqjusin bħala l-​iktar biċċa xogħol importanti u elaborata tax-​xorta tagħha. L-​ewwel 15 minnhom jipprovaw jiġġustifikaw il-​fatt li l-​Kristjani jaċċettaw il-​kitbiet sagri tal-​Lhud. L-​20 l-​oħra joffru provi li l-​Kristjani għandhom raġun jinjoraw il-​preċetti Lhud u jadottaw prinċipji u prattiċi ġodda. Flimkien, dawn il-​kotba jippreżentaw difiża totali tal-​Kristjanità kif mifhuma minn Ewsebju.

Ewsebju għex madwar 80 sena (ċ.260-ċ.340 E.K.), u sar wieħed mill-​iktar kittieba li pproduċa kotba dwar żmien il-​qedem. Il-​kitbiet tiegħu jinkludu l-​ġrajjiet taʼ l-​ewwel tliet sekli sa żmien l-​Imperatur Kostantinu. Fl-​aħħar żmien taʼ ħajtu, hu ma kienx biss jikteb il-​kotba imma wkoll iwettaq l-​attivitajiet tiegħu bħala l-​isqof taʼ Ċesarija. Għalkemm kien magħruf l-​iktar bħala kittieb taʼ l-​istorja, Ewsebju kien ukoll apoloġista, topografu, predikatur, kritiku, u kittieb taʼ kotba taʼ studju li jispjegaw kitbiet reliġjużi.

Il-​Motiv Doppju Tiegħu

Ewsebju għala daħal għal proġetti enormi u straordinarji bħal dawn? It-​tweġiba tinsab fil-​fatt li hu kien jemmen li kien qed jgħix fi żmien taʼ bidla għal era ġdida. Ħass li ġrajjiet kbar kienu seħħew matul il-​ġenerazzjonijiet tal-​passat u kien hemm bżonn taʼ dokumentazzjoni bil-​miktub għal dawk li kellhom jiġu wara.

Ewsebju kellu skop ieħor—dak t’apoloġista. Kien jemmen li l-​Kristjanità kienet toriġina minn Alla. Imma xi wħud kienu qed jiħduha kontra din l-​idea. Ewsebju kiteb: “Hu l-​iskop tiegħi li nagħti wkoll l-​ismijiet u n-​numru u ż-​żminijiet taʼ dawk li għax iħobbu t-​tiġdid ikkommettew l-​agħar żbalji, u pproklamaw lilhom infushom bħala dawk li skoprew l-​għarfien, li hu falz, u bħal ilpup feroċi ħarbtu bla ħniena l-​merħla taʼ Kristu.”

Kien Ewsebju jqis lilu nnifsu Kristjan? Milli jidher iva, għax hu rrefera għal Kristu bħala “s-​Salvatur tagħna.” Hu stqarr: “Hija l-​intenzjoni tiegħi . . . li nirrakkonta l-​iżventuri li ġew immedjatament fuq il-​ġens Lhudi kollu b’konsegwenza tal-​konfoffi tagħhom kontra s-​Salvatur tagħna, u nikteb dwar il-​modi u d-​drabi li l-​kelma t’Alla ġiet attakkata mill-​Ġentili, u niddeskrivi l-​karattru taʼ dawk li f’perijodi differenti kellhom jissieltu [għall-Kelma t’Alla] minkejja t-​tixrid taʼ demm u t-​torturi, kif ukoll l-​istqarrijiet taʼ lealtà li saru fi żmienna stess, u kif is-​Salvatur tagħna wera ħniena u grazzja billi ta l-​għajnuna tiegħu lilhom ilkoll.”

Ir-​Riċerka Estensiva Tiegħu

L-​għadd taʼ kotba li Ewsebju qara personalment u rrefera għalihom huwa enormi. Kien minħabba l-​kitbiet t’Ewsebju li ħafna individwi prominenti li għexu fl-​ewwel tliet sekli taʼ l-​Era Komuni sirna nafu bihom. Rakkonti utli li jitfgħu dawl fuq movimenti importanti jidhru biss fil-​kitbiet tiegħu. Dawn huma meħudin minn sorsi t’għarfien li m’għadx għandna aċċess għalihom.

Biex jiġbor il-​materjal, Ewsebju ħabrek kemm felaħ u għamel xogħol bir-​reqqa. Milli jidher għamel ħiltu biex bir-​reqqa jagħżel bejn rapporti li kienu taʼ min jorbot fuqhom u dawk li ma kinux. Madankollu, xogħlu ma kienx bla żbalji. Xi drabi, hu jinterpreta u saħansitra jifhem ħażin lil xi nies u l-​azzjonijiet tagħhom. Fil-​kronoloġija, hu kultant m’huwiex eżatt. Ewsebju kien ukoll nieqes mill-​kreattività fil-​preżentazzjoni tiegħu. Minkejja kemm nuqqasijiet evidenti kien hemm, xorta waħda, il-​ħafna xogħlijiet tiegħu huma meqjusin bħala teżor imprezzabbli.

Kien Iħobbha l-​Verità?

Ewsebju kien interessat fil-​kwistjoni li kienet għadha ma ġietx setiljata dwar il-​konnessjoni li kien hemm bejn il-​Missier u l-​Iben. Beda l-​Missier jeżisti qabel l-​Iben, bħalma kien jemmen Ewsebju? Jew il-​Missier u l-​Iben bdew jeżistu flimkien? “Jekk kienu jeżistu flimkien,” staqsa hu, “il-​Missier kif se jkun Missier u l-​Iben ikun Iben?” Hu saħansitra appoġġa t-​twemmin tiegħu b’referenzi Skritturali, billi kwota Ġwanni 14:​28, li tgħid li ‘l-​Missier hu akbar minn Ġesù,’ u Ġwanni 17:​3, li fiha hemm referenza għal Ġesù bħala l-​wieħed ‘mibgħut’ mill-​uniku Alla veru. Filwaqt li rrefera għal Kolossin 1:15 u Ġwanni 1:​1, Ewsebju argumenta li l-​Logos, jew il-​Verb, hu “x-​xbieha taʼ Alla li ma jidhirx”—l-​Iben t’Alla.

Iżda, ħaġa taʼ l-​iskantament, fl-​għeluq tal-​Konċilju taʼ Niċea, Ewsebju appoġġa l-​opinjoni opposta. Kuntrarju għall-​waqfa Skritturali tiegħu li Alla u Kristu ma bdewx jeżistu flimkien u li m’humiex indaqs, hu qabel maʼ l-​imperatur.

Tagħlima li Għandna Nitgħallmu

Ewsebju għala ċeda fil-​Konċilju taʼ Niċea u appoġġa duttrina li m’hijiex skritturali? Kellu xi skop politiku f’moħħu? Fuq kollox, għala attenda l-​konċilju? Għalkemm l-​isqfijiet kollha ġew imsejħin, ftit biss—300—fil-​fatt attendew. Kien Ewsebju forsi mħasseb dwar li jippreserva l-​qagħda soċjali tiegħu? U l-​Imperatur Kostantinu għala kien jistmah daqshekk? Ewsebju qagħad bil-​qiegħda fil-​lemin taʼ l-​imperatur fil-​konċilju.

Milli jidher Ewsebju injora l-​ħtieġa li Ġesù kkmanda lis-​segwaċi Tiegħu biex ‘ma jkunux tad-​dinja.’ (Ġwanni 17:16; 18:36) “Nies adulteri! Ma tafux li l-​ħbiberija mad-​dinja hija l-​għadu taʼ Alla?” staqsa d-​dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 4:4) U kemm hi xierqa t-​twissija taʼ Pawlu: “La tintrabtux mal-​pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx”! (2 Korintin 6:14) Jalla nibqgħu separati mid-​dinja hekk kif ‘naduraw lill-​Missier fl-​ispirtu u l-​verità.’—Ġwanni 4:24.

[Stampa f’paġna 31]

Affresk li juri l-​konċilju taʼ Niċea

[Sors]

Scala/Art Resource, NY

[Sors tal-Istampa f’paġna 29]

Courtesy of Special Collections Library, University of Michigan

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja