Imita lill-Alla tal-Verità
“Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.”—EFESIN 5:1.
1. Xi wħud x’jemmnu dwar il-verità, u r-raġunar tagħhom għala huwa difettuż?
“IL-VERITÀ x’inhi?” (Ġwanni 18:38) Din il-mistoqsija li staqsa b’mod sarkastiku Ponzju Pilatu madwar 2,000 sena ilu, tissuġġerixxi li l-verità hija diffiċli wisq biex tkun tistaʼ ssegwiha. Ħafna llum jaqblu maʼ dan. L-istess essenza tal-verità qed tiġi attakkata. Għandek mnejn smajt lil min jgħid li kulħadd jagħżel hu x’inhi l-verità, jew li l-verità m’hijiex assoluta, jew li l-verità dejjem tinbidel. Dan ir-raġunar huwa difettuż. L-għan prinċipali għar-riċerka u l-edukazzjoni hu biex nitgħallmu l-fatti, il-verità, dwar id-dinja li ngħixu fiha. Il-verità m’hijiex kwistjoni t’opinjoni persunali. Per eżempju, jew ir-ruħ umana hija immortali jew m’hijiex. Jew Satana jeżisti jew ma jeżistix. Jew hemm skop fil-ħajja jew m’hemmx. F’kull każ, jistaʼ jkun hemm biss tweġiba waħda li hi tajba. Waħda hi tajba u l-oħra ħażina; ma jistgħux ikunu t-tnejn tajbin.
2. Jehovah b’liema modi huwa l-Alla tal-verità, u liema mistoqsijiet se niddiskutu issa?
2 Fl-artiklu taʼ qabel ikkunsidrajna li Jehovah hu l-Alla tal-verità. Hu jaf il-verità dwar kollox. F’kuntrast li jispikka maʼ l-avversarju qarrieqi tiegħu, Satana x-Xitan, Jehovah dejjem jgħid il-verità. Iktar minn hekk, Jehovah b’mod ġeneruż jikxef il-verità lil oħrajn. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.” (Efesin 5:1) Bħala Xhieda taʼ Jehovah, kif nistgħu nimitawh fil-mod kif nitkellmu u kif ngħixu l-verità? Għala huwa importanti li nagħmluh dan? U liema assiguranza għandna li Jehovah japprova lil dawk li jfittxu li jgħixu l-verità? Ejja naraw.
3, 4. L-appostlu Pawlu u Pietru kif iddeskrivew dak li kellu jseħħ fl-“aħħar jiem”?
3 Qed ngħixu fi żmien meta hawn ħafna qerq reliġjuż. Bħalma bassar l-appostlu Pawlu f’ispirazzjoni divina, ħafna nies f’dan iż-żmien taʼ l-“aħħar tad-dinja” għandhom forma taʼ devozzjoni lejn Alla iżda jiċħdu l-qawwa tagħha. Xi wħud jirreżistu l-verità, għaliex huma “taʼ moħħ mgħawweġ.” Barra minn hekk, “in-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” Għalkemm dawn in-nies dejjem jitgħallmu, qatt ma se “jaslu biex jagħrfu l-verità.”—2 Timotju 3:1, 5, 7, 8, 13.
4 L-appostlu Pietru wkoll ġie ispirat biex jikteb dwar l-aħħar tad-dinja. Sewwasew bħalma pprofetizza hu, in-nies mhux biss jiċħdu l-verità imma wkoll jirridikolaw il-Kelma t’Alla u lil dawk li jipproklamaw il-verità tagħha. “Għax iridu,” dawn l-uħud li jirridikolaw jinjoraw il-fatt li d-dinja taʼ żmien Noè ġiet mgħarrqa bl-ilma, u li dan stabbilixxa eżempju għal jum il-ġudizzju li ġej. Minħabba li jemmnu dak li jogħġobhom, huma se jiffaċċjaw diżastru meta jasal iż-żmien li fih Alla se jeqred lil dawk li ma jaqduhx.—2 Pietru 3:3-7.
Il-Qaddejja taʼ Jehovah Jafu l-Verità
5. Skond il-profeta Danjel, x’kellu jseħħ fiż-“żmien taʼ l-aħħar,” u din il-profezija kif twettqet?
5 Meta kien qed jiddeskrivi ż-“żmien taʼ l-aħħar,” il-profeta Danjel bassar żvilupp tassew differenti fost in-nies t’Alla—qawmien mill-ġdid tal-verità reliġjuża. Hu kiteb: “Ħafna jistudjawh bir-reqqa, u l-għerf jiżdied.” (Danjel 12:4, KŻ) In-nies taʼ Jehovah m’humiex imħawdin jew mogħmijin mill-Qarrieq il-kbir. Waqt li fittxew fil-paġni tal-Bibbja, huma kisbu għarfien veru. Fl-ewwel seklu, Ġesù wera l-verità lid-dixxipli tiegħu. Hu “fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura.” (Luqa 24:45) Jehovah aġixxa b’mod simili fi żmienna. Permezz tal-Kelma, l-ispirtu, u l-organizzazzjoni tiegħu, hu għen lil miljuni madwar id-dinja biex jifhmu dak li hu diġà jaf—il-verità.
6. Liema veritajiet Bibliċi jifhmu n-nies t’Alla llum?
6 Bħala n-nies t’Alla, sirna nifhmu ħafna affarijiet li qatt ma konna se nsiru nafuhom. Nafu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li l-għorrief tad-dinja ilhom jissieltu magħhom għal eluf taʼ snin. Per eżempju, nafu għala teżisti s-sofferenza, għala n-nies imutu, u għala l-bnedmin ma jistgħux jiksbu l-paċi u l-għaqda globali. Ġejna mberkin ukoll b’viżjoni taʼ dak li hemm lest għalina fil-futur—is-Saltna t’Alla, ġenna taʼ l-art, u ħajja perfetta bla tmiem. Sirna nafu lil Jehovah, il-Wieħed Suprem. Tgħallimna dwar il-personalità tiegħu li tant tiġbdek lejh u dwar x’għandna nagħmlu biex ingawdu l-barka tiegħu. Minħabba li nafu l-verità nistgħu nagħrfu dak li m’huwiex veru. Meta napplikaw il-verità niġu protetti milli ninħlew wara affarijiet bla siwi, niġu megħjunin biex ngħixu ħajjitna bl-aħjar mod, u ningħataw tama mill-isbaħ għall-futur.
7. Il-veritajiet tal-Bibbja min jistaʼ jirnexxilu jifhimhom, u min ma jistax?
7 Int tifhimha l-verità tal-Bibbja? Jekk iva, int ġejt imbierek bil-kbir. Meta awtur jikteb ktieb, ġeneralment jiktbu b’tali mod li jolqot lil xi grupp speċifiku taʼ nies. Xi kotba jinkitbu għal dawk li għandhom edukazzjoni għolja, oħrajn għat-tfal, u jerġaʼ oħrajn għal uħud li jispeċjalizzaw f’ċerti oqsma. Waqt li l-Bibbja hija disponibbli faċilment għal kulħadd, din qiegħda biex tinftiehem u tiġi apprezzata minn grupp partikulari taʼ nies. Jehovah fassalha għall-umlin, il-ġwejdin taʼ l-art. Dawn l-uħud jistgħu jifhmu l-Bibbja, tkun xi tkun l-edukazzjoni, il-kultura, il-pożizzjoni, jew il-grupp etniku tagħhom. (1 Timotju 2:3, 4) Mill-banda l-oħra, dawk li m’għandhomx attitudni tajba ma jirnexxilhomx jifhmu l-verità tal-Bibbja, minkejja kemm ikunu intelliġenti jew t’edukazzjoni għolja. Dawk li huma minfuħin bihom infushom, jew kburin, ma jistgħux jifhmu l-veritajiet prezzjużi tal-Kelma t’Alla. (Mattew 13:11-15; Luqa 10:21; Atti 13:48) Alla biss jistaʼ jipproduċi ktieb bħal dan.
Il-Qaddejja taʼ Jehovah Jgħidu l-Verità
8. Ġesù għala kien il-personifikazzjoni tal-verità?
8 Bħal Jehovah, il-qaddejja leali tiegħu jgħidu l-verità. Ġesù Kristu, l-aqwa Xhud taʼ Jehovah, iddikjara l-verità bl-affarijiet li għallem u bil-mod kif għex u miet. Hu żamm mal-verità tal-kliem u l-wegħdi taʼ Jehovah. Minħabba f’hekk, Ġesù kien il-personifikazzjoni tal-verità, kif stqarr hu nnifsu.—Ġwanni 14:6; Apokalissi 3:14; 19:10.
9. L-Iskrittura xi tgħid dwar li ngħidu l-verità?
9 Ġesù kien “mimli bil-grazzja u l-verità” u “minn fommu ma ħareġ ebda qerq.” (Ġwanni 1:14; Isaija 53:9) Il-Kristjani veri jsegwu l-eżempju li ħalla Ġesù billi jgħidu l-verità lil oħrajn. Pawlu ta l-parir lil sħabu fit-twemmin: “Għidu l-verità wieħed lill-ieħor, għax aħna membri taʼ xulxin.” (Efesin 4:25) Iktar kmieni, il-profeta Żakkarija kiteb: “Għidu s-sewwa [“il-verità,” NW] lil xulxin.” (Żakkarija 8:16) Il-Kristjani jgħidu l-verità għax iridu jogħġbu ’l Alla. Jehovah jgħid il-verità u jaf kemm deni jiġi mill-qerq. Għalhekk, hu għandu d-dritt jistenna li l-qaddejja tiegħu jgħidu l-verità.
10. In-nies għala jigdbu, u b’liema riżultati negattivi?
10 Ħafna wħud jinqdew bil-gideb biex jiksbu ċerti vantaġġi. In-nies jigdbu biex jiffrankaw xi kastig, biex jipprofittaw ruħhom, jew biex jiksbu t-tifħir mingħand ħaddieħor. Biss, il-gideb huwa vizzju. Iktar minn hekk, min jigdeb ma jistax jikseb l-approvazzjoni t’Alla. (Apokalissi 21:8, 27; 22:15) Meta nkunu magħrufa bħala wħud li jgħidu l-verità, oħrajn jemmnu dak li ngħidu; huma jafdawna. Madankollu, jekk ninqabdu ngħidu saħansitra gidba waħda biss, l-oħrajn għandhom mnejn jiddubitaw kulma ngħidu fil-futur. Proverbju Afrikan jgħid: “Gidba waħda tħassar elf verità.” Proverbju ieħor jgħid: “Il-giddieb ħadd ma jemmnu, anki meta jgħid il-verità.”
11. B’liema mod hija l-verità iktar milli sempliċement il-fatt li ngħidu l-verità?
11 Il-verità tinvolvi iktar milli sempliċement ngħidu l-verità. Hija l-mod kif ngħixu ħajjitna. Turi min aħna. Aħna nwasslu l-verità lil oħrajn mhux biss b’dak li ngħidu iżda wkoll b’dak li nagħmlu. “Int li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek?” staqsa l-appostlu Pawlu. “Int tippriedka: La tisraqx, u tisraq? Tgħid: La tiżnix, u tiżni?” (Rumani 2:21, 22) Jekk irridu nagħtu l-verità lil ħaddieħor, irridu nkunu bla qerq fil-mogħdijiet kollha tagħna. Ir-reputazzjoni tagħna għall-verità u l-onestà se jkollhom effett qawwi fuq kif in-nies iwieġbu għal dak li ngħallmu.
12, 13. Naqra taʼ tfajla x’kitbet dwar il-verità, u għala kellha livelli morali daqshekk għoljin?
12 Iż-żgħar fost il-qaddejja taʼ Jehovah ukoll jifhmu l-importanza taʼ li jgħidu l-verità. F’komponiment li kellha l-iskola, Jenny, li dak iż-żmien kellha 13-il sena, kitbet: “L-onestà hija xi ħaġa li verament ngħożż. Sfortunatament, ftit huma dawk l-uħud li huma onesti llum. Nagħmel wegħda miegħi nnifsi li dejjem inkun onesta f’ħajti. Se nkun onesta anki meta l-fatt li ngħid il-verità ma jkunx mill-ewwel taʼ benefiċċju għalija jew għal sħabi. Jien noqgħod attenta li l-ħbieb li nagħżel ikunu wħud li jgħidu l-verità u li huma onesti.”
13 L-għalliema taʼ Jenny ikkummentat dwar dan il-komponiment billi qaltilha: “Int għadek verament żgħira biex diġà rnexxielek tikkultiva etika u morali daqshekk b’saħħithom. Naf li kapaċi żżommhom għaliex għandek karattru sod.” X’kien li għen biex din it-tifla taʼ l-iskola jkollha din is-saħħa morali? Fil-bidu tal-komponiment, Jenny stqarret li r-reliġjon tagħha “tagħmlilha l-livelli għal [ħajjitha].” Għaddew sebaʼ snin mindu Jenny kitbet dan il-komponiment. Kif issopponiet l-għalliema tagħha, Jenny għad għandha livelli morali għoljin f’ħajjitha bħala waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Il-Qaddejja taʼ Jehovah Jikxfu l-Verità
14. Il-qaddejja t’Alla għala għandhom responsabbiltà speċjali biex iżommu mal-verità?
14 M’għandniex xi ngħidu, hemm oħrajn minbarra x-Xhieda taʼ Jehovah li għandhom mnejn jgħidu l-verità u jipprovaw ikunu onesti. Però, bħala l-qaddejja t’Alla, aħna għandna responsabbiltà akbar li nżommu mal-verità. Ġejna fdati bil-veritajiet tal-Bibbja—veritajiet li jistgħu jwasslu lil dak li jkun għall-ħajja taʼ dejjem. Għalhekk, għandna l-obbligu li naqsmu dan l-għarfien m’oħrajn. “Għax lil min tawh ħafna,” qal Ġesù, “ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu.” (Luqa 12:48) Żgur li “jfittxu li jieħdu ħafna” mingħand dawk li tbierku bl-għarfien prezzjuż t’Alla.
15. X’ferħ tħoss meta taqsam il-verità tal-Bibbja m’oħrajn?
15 Tħoss ferħ kbir meta taqsam il-verità tal-Bibbja m’oħrajn. Bħad-dixxipli taʼ Ġesù taʼ l-ewwel seklu, aħna niddikjaraw l-aħbar tajba—messaġġ taʼ tama li jqawwi l-qalb—lil dawk li huma “mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj” u lil dawk mogħmijin u mħawdin mit-“tagħlim tax-xjaten.” (Mattew 9:36; 1 Timotju 4:1) L-appostlu Ġwanni kiteb: “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-verità.” (3 Ġwanni 4) Il-fedeltà taʼ ‘wlied’ Ġwanni—probabbilment dawk li hu kien wasslilhom il-verità—ġabitlu ferħ kbir. Anki aħna jkollna l-ferħ meta naraw lin-nies iwieġbu bi gratitudni għall-Kelma t’Alla.
16, 17. (a) Għala mhux kulħadd jaċċetta l-verità? (b) Liema ferħ tistaʼ tħoss meta tipproklama l-verità tal-Bibbja?
16 Huwa minnu li mhux kulħadd se jaċċetta l-verità. Ġesù tkellem il-verità dwar Alla, anki meta l-oħrajn ma ħadux pjaċir bih. Lil-Lhud li opponewh hu qalilhom: “L-għala ma temmnunix? Min hu minn Alla jismaʼ dak li jgħid Alla. Hu għalhekk li intom ma tisimgħux, għax m’intomx minn Alla.”—Ġwanni 8:46, 47.
17 Aħna, bħal Ġesù, ma noqogħdux lura milli ngħidu l-verità prezzjuża dwar Jehovah. Ma nistennewx li kulħadd se jaċċetta dak li ngħidulu, għax mhux kulħadd aċċetta dak li qal Ġesù. Minkejja dan, għandna l-ferħ minħabba li nafu li qed nagħmlu dak li hu ġust. Jehovah, sforz il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu, irid li l-bnedmin isiru jafu l-verità. Bħala dawk li għandhom il-verità, il-Kristjani jsiru wħud li jġorru d-dawl f’dinja mudlama. Meta nħallu d-dawl tal-verità jiddi permezz taʼ kliemna u għemilna, inkunu nistgħu ngħinu lil oħrajn jagħtu glorja lil Missierna tas-sema. (Mattew 5:14, 16) Aħna nuru lil kulħadd li niċħdu l-verżjoni falza tal-verità li ħareġ biha Satana u li nżommu mal-Kelma t’Alla li hi pura u bla ebda falzità. Il-verità li aħna nafu u naqsmu m’oħrajn tistaʼ tagħti ħelsien veru lil dawk li jaċċettawha.—Ġwanni 8:32.
Kompli Fittex it-Triq tal-Verità
18. Ġesù għala u kif wera favur maʼ Natanjel?
18 Ġesù kien iħobb u jgħid il-verità. Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, hu wera favur maʼ dawk li kienu jgħidu l-verità. Dwar Natanjel, Ġesù qal: “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.” (Ġwanni 1:47) Imbagħad, Natanjel, li x’aktarx kien imsejjaħ ukoll Bartilmew, intgħażel biex ikun wieħed mit-12-il appostlu. (Mattew 10:2-4) X’unur dak!
19-21. Raġel li darba kien agħma kif ġie mbierek talli bil-kuraġġ kollu qal il-verità?
19 Hemm kapitlu sħiħ fil-ktieb Bibliku taʼ Ġwanni li jitkellem dwar ir-rakkont taʼ raġel onest ieħor li tbierek minn Ġesù. Ma nafux x’jismu. Dak li nafu hu li dan ir-raġel kien tallab, agħma mit-twelid. In-nies baqgħu skantati meta Ġesù fejqu u dan reġaʼ ġie jara. L-aħbar taʼ dan il-fejqan mirakoluż waslet s’għand il-Fariżej, uħud li jobogħdu l-verità u li kienu qablu bejniethom li kulmin jeżerċita fidi f’Ġesù kellu jitkeċċa mis-sinagoga. Peress li kienu jafu bil-pjan tagħhom, il-ġenituri beżgħanin taʼ dak ir-raġel li darba kien agħma gidbu lill-Fariżej, billi qalulhom li ma kinux jafu kif binhom issa setaʼ jara jew min kien fejqu.—Ġwanni 9:1-23.
20 Il-Fariżej reġgħu sejħu quddiemhom lir-raġel li ġie mfejjaq. Hu injora l-konsegwenzi, u bil-kuraġġ kollu qal il-verità. Spjegalhom kif ġie mfejjaq u li kien Ġesù li fejqu. Mgħaġġeb kif dawn l-irġiel prominenti u taʼ skola kbira m’emmnux li Ġesù kien ġej minn Alla, ir-raġel imfejjaq ħeġġiġhom bla biżaʼ taʼ xejn biex jaċċettaw dak li kien ovvju: “Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.” Peress li ma setgħux jirribattu kliemu, il-Fariżej akkużaw lir-raġel li kien qed ikun insolenti u tefgħuh ’il barra.—Ġwanni 9:24-34.
21 Meta Ġesù sar jaf b’dan, bl-imħabba kollha hu ħa l-ħin biex isib lir-raġel. Wara li sabu, hu kompla jibni l-fidi li kien wera dak ir-raġel li darba kien agħma. Ġesù wera bil-miftuħ li hu kien il-Messija. Kemm ġie mbierek dan ir-raġel talli qal il-verità! M’għandna ebda dubju li l-favur t’Alla jissawwab fuq dawk li jgħidu l-verità.—Ġwanni 9:35-37.
22. Għala għandna nfittxu t-triq tal-verità?
22 Għandna nfittxu li nipprattikaw il-verità bis-serjetà. Huwa fundamentali li noħolqu u nżommu relazzjonijiet tajbin man-nies u m’Alla. Min jgħid il-verità jkun onest, ġenwin, dħuli, u taʼ min jafdah, u dan jagħmlu approvat minn Jehovah. (Salm 15:1, 2) Min iqarraq, ikun giddieb, mhux taʼ min jafdah, u falz, u dan iġib id-diżapprovazzjoni taʼ Jehovah. (Proverbji 6:16-19) Għalhekk, kun determinat li tfittex li timxi fit-triq tal-verità. Tabilħaqq, biex nimitaw l-Alla tal-verità, irridu nkunu nafu l-verità, ngħidu l-verità, u ngħixu l-verità.
Kif Twieġeb?
• Għala nistgħu nkunu grati li nafu l-verità?
• Kif nistgħu nimitaw lil Jehovah meta ngħidu l-verità?
• X’benefiċċji niksbu meta nagħtu l-verità tal-Bibbja lil oħrajn?
• Għala huwa importanti li nfittxu t-triq tal-verità?
[Stampi f’paġna 17]
Waqt li huma fdati bil-verità tal-Bibbja, il-Kristjani b’mod żeluż jaqsmuha m’oħrajn
[Stampi f’paġna 18]
Ir-raġel agħma li fejjaq Ġesù tbierek bil-kbir talli qal il-verità