Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Jehovah ippermetta l-poligamija fost l-Iżraelin, il-qaddejja tal-qedem tiegħu, imma llum ma jippermettihiex. Il-livelli tiegħu jinbidlu?
Jehovah ma biddilx il-ħarsa tiegħu lejn il-poligamija. (Salm 19:8 [19:7, NW]; Malakija 3:6) Din la kienet parti mill-arranġament tiegħu għall-bnedmin fil-bidunett, u lanqas m’hi llum. Meta Jehovah ħalaq lil Eva bħala mart Adam, hu stqarr li l-livell divin kien mara waħda għal raġel wieħed. “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.”—Ġenesi 2:24.
Meta Ġesù Kristu kien fuq l-art, hu reġaʼ rrepeta dan il-livell biex iwieġeb lil dawk li staqsewh dwar id-divorzju u ż-żwieġ mill-ġdid. Hu qal: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad maʼ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed’? Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.” Ġesù żied “Min jibgħat lil martu—barra l-każ taʼ [“żína,” NW]—u jiżżewweġ oħra jkun ħati taʼ adulterju.” (Mattew 19:4-6, 9) Minn dan huwa ovvju li anki meta xi ħadd ikollu iktar minn mara waħda dan jissejjaħ adulterju.
Allura, il-poligamija għala tħalliet issir fl-antik? Żomm f’moħħok li ma kienx Jehovah li oriġina din il-prattika. L-ewwel wieħed li jissemma fil-Bibbja bħala li kellu iktar minn mara waħda kien Lamek, dixxendent taʼ Kajjin. (Ġenesi 4:19-24) Meta Jehovah ġab id-Dilluvju taʼ żmien Noè, kemm Noè u kemm it-tliet uliedu kellhom biss mara waħda kull wieħed. Dawk li kellhom iktar minn mara waħda lkoll ġew meqrudin fid-Dilluvju.
Sekli wara, meta Jehovah għażel lill-Iżraelin bħala l-poplu tiegħu, il-poligamija kienet diġà teżisti fosthom, għalkemm milli jidher kien iktar komuni li wieħed ikollu mara waħda biss. Alla ma ġagħalhomx jinfirdu lill-familji li fihom ir-raġel kellu iktar minn mara waħda. Minflok, hu għamel regolamenti stretti dwar din id-drawwa.—Eżodu 21:10, 11; Dewteronomju 21:15-17.
Il-fatt li l-poligamija sempliċement ġiet tollerata temporanjament jistaʼ jidher mhux biss minn dak li Ġesù stqarr rigward il-livell oriġinali taʼ Jehovah dwar iż-żwieġ imma wkoll f’dak li l-appostlu Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb mill-ispirtu qaddis t’Alla. Hu qal: “Kull wieħed għandu jkollu martu u kull mara jkollha żewġha.” (1 Korintin 7:2) Barra minn hekk, Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb li kull raġel li jiġi maħtur bħala indokratur jew qaddej ministerjali fil-kongregazzjoni Kristjana jeħtieġ li jkun “raġel taʼ mara waħda.”—1 Timotju 3:2, 12; Titu 1:6.
B’hekk, mindu ġiet ifformata l-kongregazzjoni Kristjana madwar 2,000 sena ilu, il-poligamija ma baqgħetx tiġi tollerata iktar. Dak iż-żmien, il-livell għaż-żwieġ reġaʼ lura għal dak li kien fil-bidu meta Alla ħalaq l-ewwel raġel u mara: fiż-żwieġ għal raġel wieħed irid ikun hemm biss mara waħda. Dan hu l-livell fost in-nies t’Alla madwar id-dinja kollha llum.—Mark 10:11, 12; 1 Korintin 6:9, 10.