Tgħożżhom Int lil Sħabek fit-Twemmin li Huma Mdaħħlin fiż-Żmien?
META l-poplu taʼ Iżrael tal-qedem kien f’relazzjoni taʼ patt m’Alla, dan ġie kkmandat: “Qum quddiem ix-xiħ, b’xagħru abjad, u agħtih [‘ġieħ,’ Saydon] u ibżaʼ minn Alla tiegħek.” (Levitiku 19:32) Għalhekk, ir-rispett għal dawk imdaħħlin fiż-żmien kien dmir sagru, u kien marbut maʼ li wieħed ikun sottomess lejn Alla. Għalkemm il-Kristjani llum m’għadhomx taħt il-Liġi Mosajka, dan ifakkarna li Jehovah iħares lejn il-qaddejja tiegħu li huma mdaħħlin fiż-żmien bħala taʼ valur u prezzjużi. (Proverbji 16:31; Lhud 7:18) Għandna aħna l-istess ħarsa taʼ Jehovah? Ngħożżuhom aħna lil ħutna rġiel u nisa Kristjani mdaħħlin fiż-żmien?
Hu Kien Jgħożż lil Sieħbu li Kien Akbar Minnu
Wieħed mir-rakkonti tal-Bibbja li juri limportanza taʼ li nuru rispett lejn uħud ixjeħ jinsab fil-ktieb tat-Tieni Slaten. Dan fih deskrizzjoni taʼ kif, minflok il-profeta Elija, laħaq il-profeta Eliżew li kien iżgħar minnu. Ikkunsidra x’ġara fl-aħħar ġurnata taʼ Elija bħala profeta fis-saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael.
Dak in-nhar, il-profeta xwejjaħ ġie gwidat minn Jehovah biex jivvjaġġa minn Gilgal sa Betel, minn Betel sa Ġeriko, u minn Ġeriko sax-Xmara Ġordan. (2 Slaten 2:1, 2, 4, 6) Matul dak il-vjaġġ taʼ madwar 50 kilometru, Elija talab tliet darbiet lil Eliżew biex ma jibqax isegwih. Madankollu, bħalma sekli qabel iż-żagħżugħa Rut kienet irrifjutat b’mod sod li titlaq lil Nagħomi, bl-istess mod Eliżew irrifjuta li jitlaq lill-profeta xwejjaħ. (Rut 1:16, 17) Eliżew tliet darbiet stqarr: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej u daqs kemm int ħaj int, ma nħallikx.” (2 Slaten 2:2, 4, 6) Sa dak iż-żmien, Eliżew kien diġà għen lil Elija għal xi sitt snin. Madankollu, hu xtaq idum jaqdi lil Elija kemm jistaʼ jkun possibbli. Fil-fatt, ir-rakkont ikompli: “U ġara li huma u sejrin, jimxu u jitkellmu, . . . Elija talaʼ s-sema.” (Vers 11) Elija u Eliżew baqgħu jitkellmu sa l-aħħar mument tal-ministeru taʼ Elija f’Iżrael. Milli jidher, il-profeta iżgħar kien ħerqan li jieħu kemm jistaʼ jkun kliem taʼ istruzzjoni u inkuraġġiment mingħand il-profeta akbar u taʼ iktar esperjenza. Bla dubju, hu kien jgħożż lil sieħbu li kien akbar minnu.
‘Bħallikieku Missirijiet u Ommijiet’
M’huwiex diffiċli li tara għaliex Eliżew tant kien iħobb lill-profeta akbar minnu bħala ħabib—saħansitra bħala missier spiritwali. (2 Slaten 2:12) Eżatt qabel ma Elija spiċċa l-inkarigu li kellu f’Iżrael, hu qal lil Eliżew: “Itlobni x’għandi nagħmillek qabel ma nittieħed minn ħdejk.” (Vers 9) Għalhekk, sa l-aħħarnett, Elija wera interess fil-ġid spiritwali tas-suċċessur tiegħu u fil-kontinwazzjoni tax-xogħol t’Alla.
Illum, hija xi ħaġa verament taʼ ferħ meta ħutna Kristjani mdaħħlin fiż-żmien, bħallikieku ommijiet u missirijiet, juru l-istess interess hekk kif jaqsmu l-għarfien u l-għaqal li għandhom maʼ wħud iżgħar. Per eżempju, il-volontieri li ilhom jaqdu fl-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah għal żmien twil, minn qalbhom jgħinu lill-membri ġodda tal-familja Betel biex jiksbu l-abbiltajiet li għandhom bżonn sabiex iwettqu l-inkarigu tagħhom. Bl-istess mod, l-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom li jkunu ilhom iżuru l-kongregazzjonijiet għal bosta snin, bil-ferħ jaqsmu l-għana taʼ l-esperjenza tagħhom maʼ dawk li qed jitħarrġu biex jaqdu bħala ministri li jivvjaġġaw. Iktar minn hekk, fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja, hemm aħwa rġiel u nisa akbar fl-età li ilhom jaqdu lil Jehovah lealment għal għaxriet taʼ snin u li b’qalbhom kollha jaqsmu l-għaqal prattiku u l-esperjenza tagħhom maʼ membri ġodda tal-kongregazzjoni.—Proverbji 2:7; Filippin 3:17; Titu 2:3-5.
L-interess sinċier muri minn dawn il-Kristjani għeżież imdaħħlin fiż-żmien jagħmilha xi ħaġa verament taʼ pjaċir li lil dawn l-uħud akbar nuruhom rispett. Għalhekk, irridu nimitaw l-eżempju taʼ Eliżew billi b’mod profond napprezzaw lil sħabna fit-twemmin li qed javanzaw fl-età. Bħalma jfakkarna l-appostlu Pawlu, ejja nkomplu nittrattaw ‘lil min hu mdaħħal fiż-żmien . . . qisu missier’ u lin-“nisa mdaħħlin fiż-żmien bħallikieku ommijiet.” (1 Timotju 5:1, 2) Billi nagħmlu hekk, se nikkontribwixxu bil-kbir biex il-kongregazzjoni Kristjana madwar id-dinja tkompli taħdem b’mod xieraq u tkompli tagħmel progress.
[Stampa f’paġna 30]
Eliżew xtaq jaqdi maʼ Elija kemm jistaʼ jkun possibbli
[Stampi f’paġna 31]
Iż-żgħażagħ jibbenefikaw bil-kbir minn Kristjani mdaħħlin fiż-żmien