Mistoqsijiet mill-Qarrejja
X’inhi l-magħmudija għall-mejtin?
Fost l-affarijiet li l-appostlu Pawlu kiteb dwar l-irxoxt għas-sema nsibu silta tassew interessanti. Din tgħid: “Inkella x’jagħmlu dawk li huma mgħammdin għall-mejtin, jekk il-mejtin ma jqumu bl-ebda mod? Għaliex jitgħammdu għalihom?” The New Jerusalem Bible tpoġġih hekk dan il-vers: “Xi jkunu qed jagħmlu dawk li jitgħammdu għan-nom tal-mejtin? Jekk il-mejtin m’humiex se jiġu mqajmin, għalfejn joqogħdu jitgħammdu għan-nom tagħhom?”—1 Korintin 15:29.
Kien Pawlu hawnhekk qed jissuġġerixxi li nies ħajjin jitgħammdu għan-nom taʼ dawk li mietu bla ma kienu għadhom tgħammdu? Forsi hekk jidher minn dawn it-traduzzjonijiet tal-Bibbja jew xi traduzzjonijiet oħra. Madankollu, jekk neżaminaw mill-qrib kemm l-Iskrittura kif ukoll il-Grieg oriġinali li uża Pawlu, nistgħu naslu għal konklużjoni differenti. Pawlu ried ifisser li l-Kristjani midlukin jiġu mgħammdin, jew mgħaddsin, f’mod taʼ ħajja li se jwassalhom biex imutu mewta taʼ integrità bħal dik taʼ Kristu. Wara, huma se jiġu mqajmin għall-ħajja bħala spirti bħalu.
L-Iskrittura tappoġġa din l-ispjegazzjoni. Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu kiteb: “Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu?” (Rumani 6:3) Fl-ittra tiegħu lill-Filippin, Pawlu tkellem dwaru nnifsu billi qal: “Naqsam [maʼ Kristu] it-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet.” (Filippin 3:10, 11) Pawlu kien qed juri li l-ħajja tas-segwaċi midlukin taʼ Kristu kienet tinvolvi ġlieda kontinwa biex iżommu l-integrità waqt il-provi, li jħabbtu wiċċhom mal-mewt kuljum, u fl-aħħarnett li jmutu mewta taʼ integrità, segwita mill-rxoxt għas-sema.
Huwa sinifikanti li dawn l-iskritturi u oħrajn, li jsemmu direttament il-mewt f’konnessjoni maʼ dawk mgħammdin, jirreferu għal individwi ħajjin li kienu diġà tgħammdu u mhux għal dawk li kienu mietu. Pawlu qal ukoll lil sħabu l-Kristjani midlukin: “Indfintu miegħu bil-magħmudija u [“peress li intom imseħbin miegħu,” NW] irxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa taʼ Alla li qajjmu mill-imwiet.”—Kolossin 2:12.
Il-prepożizzjoni Griega hy·perʹ, li fl-1 Korintin 15:29 tiġi tradotta “għal” jew ‘għan-nom taʼ’ f’diversi Bibbji, tistaʼ tfisser ukoll “għall-iskop taʼ.” Fi qbil maʼ skritturi oħra, in-New World Translation of the Holy Scriptures tittraduċi dan il-vers b’mod korrett: “X’se jagħmlu dawk li qegħdin jiġu mgħammdin għall-iskop taʼ li jkunu mejtin? Jekk il-mejtin m’humiex se jiġu mqajmin assolutament, għala huma wkoll qegħdin jiġu mgħammdin għall-iskop taʼ li jkunu hekk?”