LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 10/15 pp. 23-27
  • Żgħażagħ, Imxu Kif Jixraq Quddiem Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żgħażagħ, Imxu Kif Jixraq Quddiem Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sfidi Partikulari
  • Jehovah Kien maʼ Ġużeppi
  • Mosè Warrab “l-​Hena tad-​Dnub”
  • Użat Fommha biex Tfaħħar lil Alla
  • Jehovah Kien Reali Għalihom
  • Jehovah Mhux Se Jitilqek
  • Żgħażagħ—Wara Liema Ħaġa Qegħdin Tiġru?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • L-Indafa Morali Hija s-Sbuħija taż-Żgħożija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 10/15 pp. 23-27

Żgħażagħ, Imxu Kif Jixraq Quddiem Jehovah

XI ŻGĦAŻAGĦ Kristjani kellhom jgħixu għal xi żmien ’il bogħod mill-​familja tagħhom u mill-​kongregazzjoni taʼ fejn kienu joqogħdu. Xi wħud għamlu dan sabiex ikomplu jkabbru l-​ministeru tagħhom. Oħrajn kellhom jitilqu mid-​dar minħabba l-​waqfa newtrali tagħhom għall-​affarijiet tad-​dinja. (Isaija 2:4; Ġwanni 17:16) F’ċerti pajjiżi, “Ċesari” ġiegħel lil żgħażagħ li żammew l-​integrità jingħataw sentenzi taʼ ħabs jew taʼ xogħol fil-​komunità.a​—Mark 12:17; Titu 3:​1, 2.

Waqt li jkunu l-​ħabs minħabba l-​kwistjoni tan-​newtralità, dawn iż-​żgħażagħ għandhom mnejn ikunu maqfulin għal żmien twil maʼ wħud delinkwenti. Bl-​istess mod, xi żgħażagħ li kienu ’l bogħod mid-​dar minħabba raġunijiet oħrajn kienu mġagħlin jaħdmu f’ambjent immorali. Dawn il-​Kristjani żgħażagħ jew oħrajn li huma mġagħlin isibu ruħhom f’sitwazzjoni bħal din kif jistgħu jkampaw b’suċċess mal-​pressjonijiet u l-​ħtiġijiet li jiffaċċjaw hekk kif jistinkaw biex ‘jimxu kif jixraq quddiem Alla?’ (1 Tessalonikin 2:​12) Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinuhom biex jippreparaw għal ċirkustanzi xejn pjaċevoli li jistgħu jsibu ruħhom fihom?​—Proverbji 22:3.

Sfidi Partikulari

“Il-​fatt li kont ’il bogħod kemm mill-​protezzjoni tal-​ġenituri tiegħi kif ukoll mill-​indokrar t’anzjani kollhom imħabba, li kienu jafuni sew, kien tassew diffiċli u tal-​biżaʼ,” jgħid Tákis, li għandu 21 sena, u li kien imġiegħel iqattaʼ 37 xahar ’il bogħod mid-​dar.b Hu jżid: “Kultant, kont inħossni verament bla protezzjoni.” Pétros, li għandu għoxrin sena, kellu jgħix ’il bogħod mid-​dar għal iktar minn sentejn. Hu jammetti: “Għall-​ewwel darba f’ħajti, kelli nieħu deċiżjonijiet dwar id-​divertiment u s-​sħubija kompletament waħdi, u l-​għażliet li għamilt mhux dejjem kienu għaqlin.” Imbagħad hu jgħid: “Minħabba li kelli iktar libertà kultant kont inħossni nibżaʼ għax dan ġabli iktar responsabbiltà.” Tássos, anzjan Kristjan li spiss jiltaqaʼ maʼ żgħażagħ Kristjani li jinsabu f’ċirkustanzi bħal dawn, qal: “Il-​kliem baxx, ir-​ribelljoni, u l-​imġiba vjolenti taʼ dawk taʼ madwarhom li ma jemmnux bħalhom għandhom mnejn jinfluwenzaw lil xi żgħażagħ vulnerabbli li ma jkunux attenti.”

Waqt li jkunu qed jgħixu u jaħdmu maʼ wħud li m’għandhomx rispett lejn il-​prinċipji Bibliċi, dawn iż-​żgħażagħ Kristjani għandhom bżonn jgħassu kontra t-​tentazzjoni biex jimitaw il-​prattiċi immorali u mhux skritturali taʼ dawk taʼ madwarhom. (Salm 1:1; 26:4; 119:9) Għandhom mnejn iħossuha diffiċli li jżommu rutina tajba għall-​istudju persunali, l-​attendenza għal-​laqgħat, u s-​servizz taʼ l-​għalqa. (Filippin 3:​16, NW) Barra minn hekk, għandu mnejn ma jkunx faċli li tagħmel miri spiritwali u taħdem biex twettaqhom.

Żgur li ż-​żgħażagħ Kristjani leali jridu li jogħġbu lil Jehovah bil-​kondotta u l-​kliem tagħhom. Huma jipprovaw lealment jilqgħu l-​istedina ħelwa taʼ Missierhom tas-​sema: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” (Proverbji 27:11) Huma jirrealizzaw li d-​dekôr u l-​imġiba tagħhom jeffettwaw il-​mod kif oħrajn iqisu lil Jehovah u lill-​poplu tiegħu.—1 Pietru 2:12.

Ħafna minn dawn iż-​żgħażagħ verament jixirqilhom tifħir talli jagħmlu l-​aħjar li jistgħu sabiex ikunu bħal ħuthom taʼ l-​ewwel seklu li dwarhom l-​appostlu Pawlu kiteb: ‘Għixu sewwa kif jixraq lill-​Mulej u ogħġbuh f’kollox bil-​frott taʼ kull opra tajba . . . biex tkunu tifilħu ġġarrbu kollox bis-​sabar. Ifirħu.’ (Kolossin 1:​9-11) Il-​Bibbja tipprovdi diversi eżempji taʼ żgħażagħ li kienu jibżgħu minn Alla u li rnexxielhom jimxu kif jixraq quddiem Alla f’ambjent li kien differenti, ostili, u idolatruż.—Filippin 2:15.

Jehovah Kien maʼ Ġużeppi

T’età verament żgħira, Ġużeppi, l-​iben maħbub taʼ Ġakobb u Rakel, sab ruħu ’l bogħod mid-​dar li fiha kellu l-​protezzjoni taʼ missieru li kien jibżaʼ minn Alla. Hu kien mibjugħ fil-​jasar ġewwa l-​Eġittu. Ġużeppi ħalla eżempju mill-​aqwa minħabba li kien żagħżugħ bieżel, taʼ min jafdah, u li kellu morali għoljin. Għalkemm kien ilsir taʼ Putifar​—individwu li ma kienx qaddej taʼ Jehovah​—Ġużeppi kien kuxjenzjuż u ħabrieki, tant li iktar tard sidu fdah b’ġidu kollu. (Ġenesi 39:​2-6) Ġużeppi żamm l-​integrità tiegħu lejn Jehovah, u meta minħabba dan ġie mitfugħ il-​ħabs, hu ma kkonkludiex: “X’jiswa li żżomm l-​integrità?” Anki fil-​ħabs hu wera kwalitajiet mill-​aħjar, u ma damx ma beda jieħu ħsieb ħafna affarijiet li kellhom x’jaqsmu maʼ l-​amministrazzjoni tal-​ħabs. (Ġenesi 39:​17-​22) Alla bierku, u kif jgħid Ġenesi 39:​23, “il-​Mulej kien miegħu.”

Kemm setaʼ jkun faċli għal Ġużeppi, li kien ’il bogħod mill-​familja tiegħu li kienet tibżaʼ minn Alla, li jġib ruħu bħall-​pagani li kienu jgħixu madwaru, billi jimita l-​ħajja immorali taʼ l-​Eġizzjani! Minflok, hu żamm il-​prinċipji divini u żamm ukoll reputazzjoni tajba minkejja l-​iktar tentazzjonijiet qawwija li ffaċċja. Meta l-​mara taʼ Putifar għal darba wara l-​oħra ħeġġitu biex ikollu relazzjoni sesswali magħha, ir-​risposta soda tiegħu kienet: “Kif nistaʼ nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?”—Ġenesi 39:​7-9.

Illum, iż-​żgħażagħ Kristjani jeħtieġ li jagħtu kas il-​pariri bbażati minn fuq il-​Bibbja kontra s-​sħubija ħażina, id-​divertiment immorali, il-​pornografija, u l-​mużika degradanti. Huma jirrealizzaw li “għajnejn il-​Mulej, jgħassu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin.”​—Proverbji 15:3.

Mosè Warrab “l-​Hena tad-​Dnub”

Mosè trabba fil-​palazz tal-​Fargħun, f’ambjent mimli idolatrija mdawwar b’nies li kien moħħhom fil-​pjaċiri. Il-​Bibbja tgħid dwaru: “Permezz tal-​fidi Mosè . . . ma riedx jissejjaħ bin it-​tifla tal-​Fargħun; u għażel li aħjar ikun imkasbar flimkien mal-​poplu taʼ Alla milli jgawdi l-​hena tad-​dnub, hena li jgħaddi f’qasir żmien.”—Lhud 11:​24, 25.

Ħbiberija mad-​dinja għandha mnejn tirriżulta f’ċerti vantaġġi, imma dawn huma biss temporanji. L-​iktar li wieħed jistaʼ jdum igawdihom hu sakemm jgħaddi ż-​żmien limitat li fadlilha din id-​dinja. (1 Ġwanni 2:​15-​17) Ma taħsibx li jkun aħjar li ssegwi l-​eżempju taʼ Mosè? Il-​Bibbja tgħid li hu “żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.” (Lhud 11:27) Hu baqaʼ ffokat fuq il-​wirt spiritwali taʼ l-​antenati tiegħu li kienu jibżgħu minn Alla. L-​iskop taʼ Jehovah għamlu l-​iskop f’ħajtu, billi għamilha l-​mira tiegħu li jagħmel ir-​rieda t’Alla.—Eżodu 2:​11; Atti 7:​23, 25.

Meta żgħażagħ li jibżgħu minn Alla jsibu ruħhom f’ambjent ostili u qalb nies li ma jibżgħux minn Alla, huma jistgħu jsaħħu r-​relazzjoni persunali tagħhom maʼ Jehovah permezz taʼ l-​istudju persunali, billi jsiru jafu aħjar “lil Alla li ma jidhirx.” Programm mimli attivitajiet Kristjani li jinkludi l-​attendenza regulari għal-​laqgħat u s-​servizz taʼ l-​għalqa, se jgħin lil dawn iż-​żgħażagħ sabiex moħħhom jibqaʼ ffokat fuq l-​affarijiet spiritwali. (Salm 63:7 [63:​6, NW]; 77:13 [77:12, NW]) Huma għandhom jistinkaw biex jikkultivaw fidi u tama qawwija bħal dik taʼ Mosè. Jagħmlu tajjeb jekk jiċċentraw il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tagħhom fuq Jehovah, u jkunu ferħanin li huma l-​ħbieb tiegħu.

Użat Fommha biex Tfaħħar lil Alla

Żagħżugħa oħra li wriet li hi eżemplari waqt li kienet tgħix ’il bogħod mid-​dar kienet it-​tfajla Iżraelija li ttieħdet fil-​jasar mis-​Sirjani fi żmien Eliżew, il-​profeta t’Alla. Hi saret il-​qaddejja taʼ mart Nagħman, kmandant fl-​armata Sirjana, li kien marid bil-​ġdiem. It-​tfajla qalet lil sidtha: “M’hux li kien sidi quddiem il-​profeta li hemm f’Samarija! Għax kien ineħħilu l-​ġdiem li għandu!” Minħabba x-​xiehda li tat, Nagħman mar għand Eliżew f’Iżrael u kien imnaddaf mill-​ġdiem. Iktar minn hekk, Nagħman sar aduratur taʼ Jehovah.​—2 Slaten 5:1​-3, 13-​19.

L-eżempju taʼ din it-​tfajla jenfasizza kemm huwa importanti li ż-​żgħażagħ jużaw fommhom b’tali mod li jġibu glorja lil Alla, anki meta jkunu ’l bogħod mill-​ġenituri tagħhom. Li kieku din it-​tfajla kellha vizzju tuża “kliem baxx” jew “ċajt mhux sewwa,” kienet hi se tħossha komda tuża fommha b’mod tant effettiv bħalma fil-​fatt għamlet meta ġietha l-​opportunità li tagħmel dan? (Efesin 5:4; Proverbji 15:2) Níkos, żagħżugħ li għandu ftit iktar minn 20 sena u li ntefaʼ l-​ħabs minħabba l-​waqfa newtrali tiegħu, jiftakar: “Meta kont maʼ xi aħwa ġuvintur fil-​ħabs agrikolu, ’il bogħod mill-​awtorità tal-​ġenituri u tal-​kongregazzjoni, innotajt li l-​kwalità taʼ diskorsna tħassar. Dan żgur li ma ġabx tifħir lil Jehovah.” B’ferħ, Níkos u oħrajn ġew megħjunin jagħtu kas il-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu f’dan ir-​rigward: “Żína u kull xorta taʼ faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-​qaddisin.”​—Efesin 5:3.

Jehovah Kien Reali Għalihom

L-​esperjenza tat-​tlett iħbieb Ebrej taʼ Danjel f’Babilonja tal-​qedem tagħti prova taʼ kemm hu minnu l-​prinċipju li Ġesù stqarr dwar li l-​fedeltà f’affarijiet żgħar twassal għall-​fedeltà f’affarijiet kbar. (Luqa 16:10) Meta huma sabu ruħhom wiċċ imbwiċċ mal-​problema biex jieklu ikel li l-​Liġi taʼ Mosè kienet tipprojbixxi, huma setgħu rraġunaw li issa huma kienu lsiera f’art barranija, u għalhekk ma kellhom l-​ebda għażla oħra f’din il-​kwistjoni. Imma kemm tbierku talli ħadu bis-​serjetà anki din il-​ħaġa li setgħet tidher tant żgħira! Minħabba f’hekk, huma kienu iktar b’saħħithom kif ukoll iktar għorrief mill-​ilsiera l-​oħra kollha li kienu jieklu mill-​ikel delizzjuż tas-​sultan. Il-​fedeltà f’affarijiet żgħar bħal dawn żgur li saħħithom, tant li meta ffaċċjaw prova akbar biex imilu quddiem xbieha idolatruża, huma rrifjutaw li jagħmlu kompromess.​—Danjel 1:​3-​21; 3:​1-​30.

Jehovah kien verament reali għal dawn it-​tlett irġiel żgħażagħ. Għalkemm kienu ’l bogħod mid-​dar u miċ-​ċentru tal-​qima t’Alla, huma kienu determinati li jibqgħu mingħajr tebgħa mid-​dinja. (2 Pietru 3:​14) Ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah kienet tant prezzjuża għalihom li kienu lesti jissagrifikaw ħajjithom għaliha.

Jehovah Mhux Se Jitilqek

Meta ż-​żgħażagħ ikunu ’l bogħod minn dawk li jħobbu u jafdaw, huwa normali li jħossu nuqqas taʼ sigurtà, inċertezza, u biżaʼ. Madankollu, huma jistgħu jiffaċċjaw il-​provi u t-​tentazzjonijiet tagħhom b’fiduċja sħiħa li Jehovah ‘ma jitlaqhomx.’ (Salm 94:14) Jekk żgħażagħ bħal dawn isofru “minħabba s-​sewwa,” Jehovah se jgħinhom jibqgħu mexjin “fit-​triq tal-​ġustizzja.”—1 Pietru 3:14; Proverbji 8:​20.

Jehovah b’mod konsistenti saħħaħ u bierek bil-​kbir lil Ġużeppi, lil Mosè, lill-​ilsira żagħżugħa Iżraelija, u lit-​tliet żgħażagħ Ebrej leali. Illum, hu qed juża l-​ispirtu qaddis tiegħu, il-​Kelma tiegħu, u l-​organizzazzjoni tiegħu sabiex isostni lil dawk li qed ‘jitqabdu t-​taqbida t-​tajba tal-​fidi,’billi jpoġġilhom quddiemhom ir-​rigal tal-​“ħajja taʼ dejjem.” (1 Timotju 6:​11, 12) Iva, huwa possibbli li timxi kif jixraq quddiem Jehovah, u din hija l-​iktar ħaġa għaqlija li tistaʼ tagħmel.—Proverbji 23:​15, 19.

[Noti taʼ taħt]

a Ara t-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Mejju taʼ l-​1996, paġni 30-​32.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Kaxxa f’paġna 25]

ĠENITURI​—IPPREPARAW LIL ULIEDKOM!

“Bħal vleġeġ f’id il-​ġellied, hekk huma wlied iż-​żgħożija.” (Salm 127:4) Vleġġa mhix se tolqot il-​mira b’kumbinazzjoni. Trid tiġi mmirata b’sengħa. B’mod simili, it-​tfal m’humiex se jkunu preparati biex jiffaċċjaw ir-​realtajiet taʼ ħajja ’l bogħod mid-​dar jekk ma jkollhomx gwida xierqa mill-​ġenituri tagħhom.—Proverbji 22:6.

Iż-​żgħażagħ ġeneralment ma jaħsbux qabel ma jaġixxu jew hu faċli għalihom li jċedu għall-​“ġibdiet taż-​żgħożija.” (2 Timotju 2:​22) Il-​Bibbja twissi: “Il-​bastun u t-​twiddib jagħmlu l-​għorrief; imma tifel mitluq għal riħu jagħmel għajb lil ommu.” (Proverbji 29:15) Jekk il-​ġenituri ma jpoġġux limiti fuq l-​imġiba taʼ wliedhom, dawn mhux se jkunu preparati għall-​ħtiġijiet u l-​pressjonijiet tal-​ħajja ’l bogħod mid-​dar.

Il-​ġenituri Kristjani b’mod ċar u responsabbli għandhom juru lil uliedhom x’inhuma d-​diffikultajiet, il-​pressjonijiet, u r-​realtajiet tal-​ħajja f’din is-​sistema t’affarijiet. Mingħajr ma jkunu pessimisti jew negattivi, huma għandhom jiddeskrivu l-​kundizzjonijiet xejn pjaċevoli li ż-​żgħażagħ għandhom mnejn jiffaċċjaw jekk ikollhom jgħixu ’l bogħod mid-​dar. Dan it-​taħriġ, flimkien maʼ l-​għerf li jagħti Alla, se ‘jagħti d-​dehen liċ-​ċkejknin, l-​għerf u l-​għaqal liż-​żgħażagħ.’​—Proverbji 1:4.

Il-​ġenituri li jnaqqxu valuri tajbin u prinċipji morali fi qlub uliedhom jgħinuhom ikampaw maʼ l-​isfidi tal-​ħajja. Studju regulari tal-​familja, komunikazzjoni tajba, u interess ġenwin fil-​benesseri taʼ wliedhom, jistgħu jagħmlu differenza jekk ikollhomx suċċess jew falliment. Il-​ġenituri għandhom jipprovdu taħriġ li jogħġob lil Alla b’tali mod li jkun bilanċjat iżda fl-​istess waqt pożittiv u raġunevoli, billi jippreparaw lit-​tfal tagħhom biex ikampaw waħedhom iktar tard fil-​ħajja. Permezz taʼ l-​eżempju tagħhom, il-​ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom li huwa possibbli li jgħixu fid-​dinja imma fl-​istess ħin ma jkunux parti minnha.—Ġwanni 17:​15, 16.

[Stampa f’paġna 23]

Xi żgħażagħ Kristjani kellhom jitilqu mid-​dar tagħhom

[Stampi f’paġna 24]

Meta jirreżistu t-​tentazzjoni, iż-​żgħażagħ ikunu qed jimitaw lil Ġużeppi u jibqgħu moralment nodfa

[Stampi f’paġna 26]

Imita lill-​ilsira żagħżugħa Iżraelija li użat fommha biex iġġib tifħir lil Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja