Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Il-Kristjani kif għandhom iqisuhom il-birthstones?
F’xi kulturi, il-birthstones huma assoċjati max-xahar li wieħed jitwieled fih. Jekk Kristjan jilbisx xi ċurkett b’ħaġra prezzjuża partikulari hija kwistjoni taʼ deċiżjoni persunali. (Galatin 6:5) Sabiex tittieħed deċiżjoni bħal din hemm ċerti fatturi sinifikanti li jridu jiġu kunsidrati.
L-Encyclopaedia Britannica tinnota li birthstone hija “ħaġra prezzjuża li hi assoċjata mad-data tat-twelid, u jingħad li ġġib fortuna jew saħħa tajba lil min jilbisha.” Din l-enċiklopedija tkompli tgħid: “L-astroloġi ilhom isostnu li ċertu ħaġar prezzjuż għandu poteri sopranaturali.”
Speċjalment fl-antik, ħafna kienu jemmnu li l-birthstones iġibu l-fortuna lil min jilbishom. Il-Kristjani veri jemmnuh dan? Le, għax huma jirrealizzaw li Jehovah ikkundanna lil dawk li telquh u bdew jafdaw fl-“alla tal-fortuna.”—Isaija 65:11, nota taʼ taħt.
Matul il-Medju Evu, il-bassara għażlu ħaġra prezzjuża għal kull xahar tas-sena. Huma inkuraġġew lin-nies biex jilbsu dik il-ħaġra tax-xahar li jkunu twieldu fih, għax din suppost kellha tipproteġihom mill-ħsara. Madankollu, il-Kristjani jkunu qed imorru kontra l-Iskrittura jekk jimxu fuq dak li jgħidu l-bassara professjonali tal-ġrajjiet, għax il-Bibbja tikkundannahom.—Dewteronomju 18:9-12.
Barra minn hekk, ma jkunx xieraq li l-Kristjani jqisu xi ċurkett bħala li għandu sinifikat speċjali minħabba li jkollu birthstone. Ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jiċċelebrawx għeluq sninhom. Dan hu għaliex dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jitfgħu wisq attenzjoni fuq l-individwu kif ukoll għaliex l-uniċi ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-snin li jissemmew fil-Bibbja kienu dawk taʼ ħakkiema li ma kinux jaqdu lil Alla.—Ġenesi 40:20; Mattew 14:6-10.
Xi nies jaħsbu li jekk jilbsu ċurkett li jkollu birthstone, dan se jeffettwalhom il-personalità tagħhom għall-aħjar. Madankollu, il-Kristjani veri ma jemmnuhx dan, għax jirrealizzaw li l-“personalità l-ġdida” tiġi biss bil-ħidma taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla u bl-applikar tal-prinċipji taʼ l-Iskrittura.—Efesin 4:22-24, NW.
Fattur importanti ħafna hu l-motiv. Meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jilbisx ċurkett li jkollu l-birthstone, Kristjan jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu, ‘Dan irrid nilbsu sempliċement għax togħġobni l-ħaġra, għalkemm din għandha x’taqsam mad-data tat-twelid tiegħi? Jew ġejt influwenzat mill-ideat superstizzjużi li ċerti nies jagħtu lil ħaġar prezzjuż bħal dan?’
Kristjan għandu jeżamina qalbu biex jiddetermina x’motiv għandu. “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha,” tgħid l-Iskrittura, “għax minnha ġejja l-ħajja.” (Proverbji 4:23) Meta jkun se jieħu deċiżjoni rigward il-birthstones, kull Kristjan jagħmel tajjeb jekk jikkunsidra l-motiv tiegħu u l-effetti li l-mod kif jaġixxi jistaʼ jkollu fuqu nnifsu u fuq oħrajn.—Rumani 14:13.