Huma Fittxew it-Triq id-Dejqa
KWAŻI 550 sena ilu, gruppi żgħar taʼ nies li kienu jistqarru li huma Kristjani telqu minn djarhom fi Praga, Chelčice, Vilémov, Klatovy, u bliet oħrajn li llum jinsabu fir-Repubblika Ċeka u ssetiljaw qrib ir-raħal taʼ Kunwald, f’wied fil-grigal tal-Boemja. Hemmhekk bnew djar żgħar u sempliċi, ħadmu r-rabaʼ, qraw il-Bibbji tagħhom, u bdew isejħu lilhom infushom l-Għaqda taʼ l-Aħwa, jew Unitas Fratrum bil-Latin.
Dawn il-gruppi kienu jinkludu nies minn ambjenti soċjali differenti. Kien hemm raħħala, nobbli, studenti taʼ l-università, sinjuri u foqra, irġiel u nisa, romol u orfni, li lkoll kemm huma kellhom l-istess xewqa. “Aħna dorna lejn Alla Nnifsu,” huma kitbu, “u tlabnieh bil-ħrara biex jurina r-rieda grandjuża Tiegħu fl-affarijiet kollha. Ridna nimxu fil-mogħdijiet Tiegħu.” Tabilħaqq, din l-Għaqda taʼ l-Aħwa, jew il-Fratellanza Ċeka bħalma bdiet tissejjaħ din il-komunità taʼ kredenti, fittxet ‘it-triq id-dejqa li tieħu għall-ħajja.’ (Mattew 7:13, 14) It-tfittxija tagħhom liema veritajiet Bibliċi kixfet? It-twemmin tagħhom kif kien differenti mit-twemmin aċċettat f’dak iż-żmien, u x’nistgħu nitgħallmu minnhom?
Le għall-Vjolenza—Le għall-Kompromessi
F’nofs is-seklu 15, diversi movimenti reliġjużi influwenzaw il-bidu taʼ l-Għaqda taʼ l-Aħwa. Wieħed minnhom kien dak tal-Valdensi, moviment li kien beda fis-seklu 12. Fil-bidu, il-Valdensi kienu telqu mill-Kattoliċiżmu Ruman, ir-reliġjon statali fl-Ewropa Ċentrali. Madankollu, iktar tard huma reġgħu bdew iħaddnu xi tagħlim Kattoliku. Grupp ieħor li kellu influwenza kbira kien dak tal-Ħussiti, segwaċi taʼ Jan Hus. Dawn kienu jirrappreżentaw ir-reliġjon tal-maġġuranza tan-nies Ċeki, iżda dawn ma kienu magħqudin xejn. Grupp minnhom kien jiġġieled fuq kwistjonijiet soċjali, filwaqt li ieħor kien juża r-reliġjon għal skopijiet politiċi. L-Għaqda taʼ l-Aħwa kienet ukoll influwenzata minn gruppi kiljastiċi jew millenarji kif ukoll minn studjużi tal-Bibbja lokali u barranin.
Peter Chelčický (ċ. 1390-ċ. 1460), studjuż tal-Bibbja u riformatur Ċek, kien familjari mat-tagħlim tal-Valdensi u l-Ħussiti. Hu ċaħad lill-Ħussiti għax il-moviment tagħhom kien beda juża mezzi vjolenti, u ċaħad lill-Valdensi għax kienu jagħmlu kompromess fit-tagħlim tagħhom. Hu kkundanna l-gwerra bħala xi ħaġa mhix Kristjana. Kien iħoss li Kristjan kellu jimxi fuq “il-liġi taʼ Kristu,” minkejja l-konsegwenzi li dan setaʼ jkollu. (Galatin 6:2; Mattew 22:37-39) Fl-1440, Chelčický niżżel bil-miktub it-tagħlim tiegħu fil-ktieb Net of the Faith (Is-Sistema tal-Fidi).
Girgor taʼ Praga, kontemporanju iżgħar fl-età taʼ l-istudjuż Chelčický, tant baqaʼ influwenzat mit-tagħlim taʼ Chelčický li telaq mill-moviment tal-Ħussiti. Fl-1458, Girgor kkonvinċa lil gruppi żgħar taʼ nies, li qabel kienu Ħussiti, biex jabbandunaw id-djar tagħhom imxerrdin mar-Repubblika Ċeka kollha. Dawn kienu fost l-uħud li marru miegħu fir-raħal taʼ Kunwald, fejn waqqfu komunità reliġjuża ġdida. Iktar tard, gruppi taʼ Valdensi Ċeki u Ġermaniżi ngħaqdu magħhom hemmhekk.
X’Ġara fil-Passat
Mill-1464 sa l-1467, dan il-grupp, li għalkemm ġdid kien qed jikber mhux ħażin, żamm għadd taʼ sinodi fir-reġjun taʼ Kunwald u aċċetta diversi riżoluzzjonijiet li spjegaw il-moviment reliġjuż ġdid tagħhom. Ir-riżoluzzjonijiet kollha ġew dokumentati bir-reqqa f’ġabra taʼ kotba, issa magħrufa bħala l-Acta Unitatis Fratrum (l-Atti taʼ l-Għaqda taʼ l-Aħwa), li għadha teżisti sa llum. Dawn il-kotba juru x’ġara fil-passat u jipprovdu stampa ċara taʼ x’kienet temmen l-Għaqda. Il-kotba fihom ittri, kopji bil-miktub taʼ taħditiet, u saħansitra dettalji tat-tilwim li kien ikollhom.
Dwar it-twemmin taʼ l-Aħwa, dawn il-kotba jgħidu: “Nagħmlu riżoluzzjoni biex nistabbilixxu l-amministrazzjoni tagħna fuq il-Qari [tal-Bibbja] biss u l-eżempji tal-Mulej tagħna u l-appostli qaddisin bis-skiet, l-umiltà u s-sabar fit-tul, billi nħobbu l-għedewwa tagħna, nagħmlulhom u nixtiqulhom il-ġid, u nitolbu għalihom.” Il-kitbiet juru wkoll li għall-ewwel il-membri taʼ l-Aħwa kienu jieħdu sehem fl-ippridkar. Kienu jivvjaġġaw tnejn tnejn, u n-nisa kellhom suċċess kbir bħala missjunarji f’dawk l-inħawi. L-Aħwa ma kinux jaċċettaw pożizzjonijiet t’awtorità politika, ma kinux jaħilfu, ma kinux jieħdu sehem f’attivitajiet militari, u ma kinux iġorru armi.
Minn Għaqda għal Firda
Madankollu, wara xi għaxriet taʼ snin, lGħaqda taʼ l-Aħwa ma baqgħetx timxi skond il-prinċipji li kellha fil-bidu. Qam tilwim dwar kemm it-twemmin tagħhom kellu jiġi prattikat b’mod letterali u dan ħoloq firda. Fl-1494 l-Aħwa nqasmu f’żewġ gruppi—il-Grupp Maġġuri u l-Grupp Minuri. Filwaqt li l-Grupp Maġġuri ma baqax strett bħal ma kien fit-twemmin oriġinali tiegħu, il-Grupp Minuri kien jippriedka li l-Aħwa għandhom jibqgħu jżommu sod il-waqfa tagħhom kontra l-politika u d-dinja.—Ara l-kaxxa “Xi Ġralu l-Grupp Maġġuri?”
Per eżempju, wieħed mill-membri tal-Grupp Minuri kiteb: “Nies li jimxu f’żewġ toroq ftit għandhom garanzija li se jibqgħu m’Alla, għax dawn rari u f’affarijiet żgħar biss ikunu lesti li joffru lilhom infushom u jkunu sottomessi Lejh, filwaqt li f’affarijiet kbar jagħmlu li jridu. . . . Dawk li moħħhom ma jiġix influwenzat u li għandhom kuxjenza tajba—billi kuljum jimxu wara l-Mulej Kristu fit-triq id-dejqa bis-salib tagħhom—aħna fost dawn nixtiequ nkunu.”
Il-membri tal-Grupp Minuri kienu jqisu l-ispirtu qaddis bħala l-forza attiva t’Alla, is-“sabaʼ” tiegħu. Il-fehma tagħhom dwar il-fidwa taʼ Ġesù kienet li bil-ħajja umana tiegħu, ir-raġel perfett Ġesù ħallas għal dak li kien tilef il-midneb Adam. Huma ma kinux iqimu lil Marija, omm Ġesù. Reġgħu bdew iħaddnu d-duttrina li l-kredenti kollha setgħu jsiru qassisin mingħajr ma jagħmlu l-wegħda taċ-ċelibat. Kienu jħeġġu lill-membri kollha tal-kongregazzjoni biex jippridkaw lin-nies u kienu jkeċċu lil uħud li jidinbu u ma jindmux. Huma kienu jibqgħu separati għalkollox minn attivitajiet militari u politiċi. (Ara l-kaxxa “X’Kienu Jemmnu l-Aħwa tal-Grupp Minuri.”) Peress li l-Grupp Minuri baqaʼ jżomm mar-riżoluzzjonijiet taʼ dawn il-kotba, dan kien iqis lilu nnifsu bħala l-eredi veru taʼ l-Għaqda taʼ l-Aħwa oriġinali.
Jitkellmu bla Biżaʼ u Persegwitati
Il-Grupp Minuri kien jikkritika bla biżaʼ lil reliġjonijiet oħrajn, inkluż lill-Grupp Maġġuri. “Intom tgħallmu li għandkom tgħammdu lit-tfal żgħar li għadhom m’għażlux il-fidi tagħhom,” kitbu huma dwar reliġjonijiet bħal dawn, “u f’din il-ħaġa timxu fuq id-drawwa taʼ wieħed isqof jismu Dijonisju, li għax kien hemm xi nies bla għaqal li xewxuh enfasizza l-magħmudija tat-trabi . . . L-istess ħaġa jagħmlu kważi l-għalliema u [t-teoloġi] kollha, Luteru, Melankton, Bukeru, Korvín, Jiles̆, Bullinger, . . . il-Grupp Maġġuri, kollha fl-istess ilma.”
Mhux taʼ b’xejn li l-Grupp Minuri ġie persegwitat. Fl-1524 wieħed mill-mexxejja taʼ dan il-grupp, Jan Kalenec, ġie msawwat u maħruq. Iktar tard, tliet membri tal-Grupp Minuri ġew imdendlin maʼ zokk u maħruqin. Il-Grupp Minuri jidher li sparixxa bil-mod il-mod madwar is-sena 1550, wara l-mewt taʼ l-aħħar mexxej tagħhom.
Minkejja dan, il-membri tal-Grupp Minuri influwenzaw ix-xena reliġjuża fl-Ewropa medjevali. Huwa minnu li, ladarba l-għarfien veru ma kienx għadu sar abbundanti fi żmien il-Grupp Minuri, huma ma rnexxilhomx ineħħu d-dlam spiritwali li tant kien ilu jeżisti. (Danjel 12:4) Madankollu, ix-xewqa kbira tagħhom li jfittxu t-triq id-dejqa u jimxu fiha minkejja l-oppożizzjoni hija xi ħaġa li l-Kristjani llum għandhom jagħtu kasha.
[Kumment f’paġna 13]
Ħamsin wieħed mis-60 ktieb Boemjan (Ċek) li ġew stampati bejn l-1500 u l-1510 jingħad li saru minn membri taʼ l-Għaqda taʼ l-Aħwa
[Kaxxa f’paġna 11]
Xi Ġralu l-Grupp Maġġuri?
X’sar minnu l-Grupp Maġġuri? Wara li l-Grupp Minuri ma baqax jeżisti iktar, il-Grupp Maġġuri baqaʼ għaddej bħala moviment reliġjuż, bl-istess isem taʼ l-Għaqda taʼ l-Aħwa. Maż-żmien, dan il-grupp għamel xi bidliet fit-twemmin oriġinali tiegħu. Fi tmiem is-seklu 16, l-Għaqda taʼ l-Aħwa fformat alleanza maʼ l-Utrakwisti Ċeki,a li kienu bażikament Luterani. Madankollu, l-Aħwa baqgħu attivi jittraduċu u jippubblikaw il-Bibbja kif ukoll kotba reliġjużi oħrajn. Taʼ interess, l-ewwel paġna tal-kotba li kienu ppubblikaw fil-bidu kien fiha t-Tetragrammaton, kif inhuma magħrufin l-erbaʼ ittri Ebrajċi taʼ l-isem persunali t’Alla.
Fl-1620, is-saltna Ċeka reġgħet waqgħet taħt il-kontroll tal-Knisja Kattolika Rumana. Minħabba f’hekk, ħafna Aħwa mill-Grupp Maġġuri telqu mill-pajjiż u komplew l-attivitajiet tagħhom f’art barranija. F’dawn il-pajjiżi, il-grupp iktar tard sar magħruf bħala l-Knisja taʼ Moravja (il-Moravja hija parti mill-pajjiżi Ċeki), li għadha teżisti sa llum.
[Nota taʼ taħt]
a Mill-kelma Latina utraque, li tfisser “mit-tnejn li huma.” Kuntrarju għall-qassisin Kattoliċi Rumani, li ma kinux iħallu lil-lajċi jieħdu nbid waqt it-tqarbin, l-Utrakwisti (gruppi differenti taʼ Ħussiti) kienu jqassmu l-ħobż u l-inbid.
[Kaxxa f’paġna 12]
X’Kienu Jemmnu l-Aħwa tal-Grupp Minuri
Il-kwotazzjonijiet li ġejjin mill-Acta Unitatis Fratrum tas-seklu 15 u 16 juru x’kien xi ftit mit-twemmin li kellhom il-Grupp Minuri. L-istqarrijiet, miktubin minn mexxejja tal-Grupp Minuri, huma diretti primarjament għall-Grupp Maġġuri.
It-Trinità: “Jekk tfittex fil-Bibbja kollha, imkien ma ssib li Alla hu maqsum f’xi tip taʼ Trinità, tliet persuni b’isimhom, skond l-immaġinazzjoni tan-nies.”
L-Ispirtu qaddis: “L-ispirtu qaddis hu s-sabaʼ t’Alla u rigal t’Alla, jew farrâġ, jew il-Qawwa t’Alla, li l-Missier jagħti lil kulmin jemmen fuq il-bażi tal-merti taʼ Kristu. Fl-Iskrittura Mqaddsa ma nsibux li l-ispirtu qaddis għandu jissejjaħ Alla jew Persuna; lanqas it-tagħlim appostoliku ma juri dan.”
Is-Saċerdozju: “Huma b’mod falz jagħtuk it-titlu taʼ “qassis”; jekk tneħħi t-tonsura u l-ingwent, ma tkun xejn aħjar mill-iktar lajk komuni. San Pietru ried li l-Kristjani kollha jkunu qassisin, billi qal: Intom is-saċerdozju qaddis li toffru sagrifiċċji spiritwali. (1 Pietru 2)”
Il-Magħmudija: “Il-Mulej Kristu qal lill-appostli tiegħu: Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu, lil dawk li jemmnu. (Mark, kapitlu 16) U biss wara li jwettqu dan il-kliem: u jitgħammdu, se jsalvaw. U intom tgħallmu li għandkom tgħammdu lit-tfal żgħar li għad m’għandhomx fidi.”
In-Newtralità: “Dak li ħutkom tal-bidu kienu jqisuh ħażin u maħmuġ, li wieħed jidħol fil-militar u joqtol jew li jimxi fit-toroq iġorr l-armi, dan kollu intom tqisuh li hu tajjeb . . . Għalhekk aħna nħossu li intom, flimkien m’għalliema oħra, tħarsu biss b’għajnkom tax-xellug lejn il-kliem profetiku li jgħid: B’hekk hu kisser il-qawwa taʼ l-ark, it-tarka, is-sejf u l-gwerra. (Salm 75) U għal darb’oħra: Ma jagħmlux iktar deni u ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħu, għax l-art tal-Mulej tkun mimlija bl-għarfien divin, eċċetra. (Isaija, kapitlu 11).”
L-Ippridkar: “Aħna nafu tajjeb li, għall-ewwel, in-nisa wasslu iktar nies għall-indiema mill-qassisin kollha flimkien maʼ isqof. U issa l-qassisin qed jgħixu fil-postijiet u d-djar parrokkjali li ngħataw. Xi żball dan! Morru fid-dinja kollha. Xandru . . . lill-ħolqien kollu.”
[Mappep f’paġna 10]
ĠERMANJA
POLONJA
REPUBBLIKA ĊEKA
BOEMJA
Ix-Xmara Elbe
PRAGA
Ix-Xmara Vltava
Klatovy
Chelčice
Kunwald
Vilémov
MORAVJA
Ix-Xmara Danubju
[Stampi f’paġna 11]
Xellug: Peter Chelčický; taħt: paġna mill-ktieb “Sistema tal-Fidi”
[Stampa f’paġna 11]
Girgor taʼ Praga
[Sors tal-Istampa f’paġna 13]
L-istampi kollha: S laskavým svolením knihovny Národního muzea v Praze, C̆esko