Bijografija
Jehovah Wera Qalb Tajba bl-Imħabba Miegħi u Ħa Ħsiebi
KIF RAKKONTATA MINN FAY KING
Il-ġenituri tiegħi kienu nies qalbhom tajba, imma bħal ħafna oħrajn, ir-reliġjon ma kinitx tinteressahom. Ommi kienet tgħid: “Bilfors li hemm Alla, għax kieku min ħalaq il-fjuri, u min għamel is-siġar?” Imma daqshekk kienet issemmi fuq ir-reliġjon.
MISSIERI miet fl-1939 meta jien kelli 11-il sena u kont ngħix m’ommi fi Stockport, lejn in-nofsinhar taʼ Manchester, fl-Ingilterra. Jien minn dejjem ridt inkun naf iktar dwar il-Ħallieq tiegħi u kelli rispett kbir lejn il-Bibbja, għalkemm ma kont naf xejn dwarha. Għalhekk, iddeċidejt li nara x’kienet tgħallem il-Knisja taʼ l-Ingilterra.
Il-funzjonijiet tagħha ma kienu jfissru xejn għalija, imma meta kienu jinqraw l-Evanġelji, il-kliem taʼ Ġesù b’xi mod ikkonvinċieni li l-Bibbja bilfors li hija vera. Meta nħares lura, ma nafx għalfejn ma qrajtx il-Bibbja jien stess. Anki wara, meta ħabiba tal-familja tatni traduzzjoni moderna tat-“Testment il-Ġdid,” qatt ma ħadt il-ħin biex naqrah.
Il-bidu tal-Gwerra fil-Korea fl-1950 verament ġagħalni naħseb. Tgħid din il-gwerra se tinfirex bħalma kien ġara fit-Tieni Gwerra Dinjija? Jekk iva, kif stajt nobdi l-kmand taʼ Ġesù biex inħobb lill-għedewwa tiegħi? Imma mill-banda l-oħra, nistaʼ jien noqgħod ma nagħmel xejn u nara n-nies jinvadu lil pajjiżi u ma nagħmel xejn biex inwaqqafhom? Kieku nagħmel hekk, inkun qed naħrab mir-responsabbiltà tiegħi. Għalkemm kont imħawda, jien bqajt konvinta li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha tiegħi kienu jinsabu fil-Bibbja, però ma kelli ebda idea kif jew fejn se nsibhom.
Infittex il-Verità fl-Awstralja
Fl-1954 jien u ommi ddeċidejna li mmorru ngħixu l-Awstralja, fejn kienet diġà qed tgħix oħti, Jean. Ftit tas-snin wara, Jean qaltli li hi kienet talbet lix-Xhieda taʼ Jehovah biex iżuruni għaliex kienet taf li jien kont interessata fil-Bibbja u li kont immur il-knisja. Hi riedet tkun taf x’naħseb dwarhom. “Jien ma nafx jekk l-ispjegazzjonijiet tagħhom humiex sewwa jew le,” hi stqarret miegħi, “imma għall-inqas għandhom spjegazzjonijiet, filwaqt li r-reliġjonijiet l-oħra m’għandhomx.”
Bill u Linda Schneider, il-koppja li żaruni, kienu koppja mill-aħjar. Huma kellhom fuq is-60 sena sew u kienu ilhom ħafna snin jaqdu bħala Xhieda. Għamlu żmien jaħdmu fl-istazzjon tar-radju tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Adelaide, u meta x-xogħol taʼ l-ippridkar ġie projbit fl-Awstralja matul it-Tieni Gwerra Dinjija, huma bdew jaqdu bħala evanġelizzaturi full-time. Madankollu, għalkemm Bill u Linda kienu t’għajnuna kbira għalija jien kont għadni qed neżamina reliġjonijiet oħrajn.
Waħda li kont naħdem magħha ħaditni f’laqgħa taʼ l-evanġelista Billy Graham, u kif spiċċat xi wħud minna morna niltaqgħu maʼ membru tal-kleru li staqsiena jekk kellniex xi mistoqsijiet. Jien staqsejt il-mistoqsija li kienet għadha qed tinkwetani: “Kif tistaʼ tkun Kristjan u tħobb lill-għedewwa tiegħek meta tmur toqtolhom fil-gwerra?” F’daqqa waħda kien hemm geġwiġija sħiħa għax milli jidher din il-mistoqsija kienet tinkwieta lil grupp kollu! Wara ftit, il-membru tal-kleru qal: “Ma nafx it-tweġiba għal din il-mistoqsija. Għadni qed naħseb dwarha.”
Sadanittant, l-istudju tal-Bibbja li kont qed nagħmel maʼ Bill u Linda kien miexi ’l quddiem, u f’Settembru taʼ l-1958, tgħammidt. Iddeċidejt li nsegwi l-eżempju taʼ dawk li studjaw miegħi, u għalhekk, sa Awissu tas-sena taʼ wara, jien bdejt naqdi bħala pijuniera regulari, evanġelizzatriċi full-time. Tmien xhur wara ġejt mistiedna biex naqdi bħala pijuniera speċjali. Kemm kont ferħana meta sirt naf li oħti, Jean, kienet għamlet progress fl-istudju tagħha u kienet tgħammdet!
Infetaħ Bieb t’Opportunità
Jien kont qed naqdi f’waħda mill-kongregazzjonijiet ġo Sydney u kont qed nikkonduċi numru taʼ studji tal-Bibbja fid-djar. Ġurnata minnhom iltqajt maʼ qassis irtirat, membru tal-Knisja taʼ l-Ingilterra, u staqsejtu x’kienet tgħid il-knisja dwar it-tmiem tad-dinja. Għalkemm qalli li kien għallem id-duttrina tal-knisja għal 50 sena, it-tweġiba tiegħu ħasditni: “Ikolli noqgħod nieħu l-ħin biex infittex dwar dak li staqsejtni għax ma nafx il-Bibbja daqskemm jafuha x-Xhieda taʼ Jehovah.”
Ftit wara dan, kien hemm sejħa għall-volontieri biex jaqdu fil-Pakistan. Jien applikajt mingħajr ma rrealizzajt li ma kinux qed jintbagħtu nisa waħedhom, imma rġiel mhux miżżewġin jew koppji miżżewġin biss. Milli jidher, l-applikazzjoni tiegħi ntbagħtet lill-kwartieri ġenerali fi Brooklyn għax jien ma domtx ma rċivejt ittra li qaltli li kien hemm bżonn taʼ xi ħadd biex jaqdi f’Bombay (issa msejjaħ Mumbai), l-Indja, jekk jien xtaqt naċċetta. Dan kien fl-1962. Jien mort u bqajt f’Bombay għal 18-il xahar qabel ma mort noqgħod Allahabad.
Jien malajr bdejt nipprova nitgħallem il-Ħindi. Din il-lingwa Indjana ġeneralment hija konsistenti kemm fil-mod kif tinkiteb u kemm fil-pronunzja, u għalhekk mhix diffiċli biex titgħallimha. Iżda, kemm kont inħossni frustrata meta l-inkwilini kienu jgħiduli biex nitkellem bl-Ingliż minflok ma noqgħod nissielet biex nitkellem bil-lingwa tagħhom! Imma dan il-pajjiż ġdid ippreżenta sfidi interessanti u stimulanti, u jien kont inħobb nassoċja maʼ Xhieda oħra mill-Awstralja.
Meta kont żgħira, kont naħseb dwar iż-żwieġ, imma sakemm tgħammidt, kelli wisq x’nagħmel fix-xogħol taʼ Jehovah biex noqgħod naħseb dwaru. Madankollu, issa erġajt bdejt inħoss il-bżonn għal sieħeb f’ħajti. M’għandniex xi ngħidu, jien ma ridtx nitlaq l-inkarigu tiegħi, u għalhekk tlabt lil Jehovah u ħallejt f’idejh u ma qgħadtx naħseb iktar dwar dan.
Barka Mhix Mistennija
Edwin Skinner kien qed jieħu ħsieb ix-xogħol fil-fergħa taʼ l-Indja f’dak iż-żmien. Hu kien attenda t-tmien klassi taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) fl-1946 maʼ ħafna aħwa leali oħrajn, inkluż Harold King u Stanley Jones, li ntbagħtu jaqdu fiċ-Ċina.a Fl-1958, Harold u Stanley intefgħu kull wieħed f’ċella waħdu minħabba l-ippridkar tagħhom f’Shanghai. Meta Harold inħeles fl-1963, Edwin kitiblu ittra. Harold wieġbu meta rritorna Ħong Kong wara li ġie lura mill-Istati Uniti u l-Britannja u semma li xtaq jiżżewweġ. Hu qal lil Edwin li kien talab dwar il-kwistjoni waqt li kien il-ħabs, u staqsa lil Edwin jekk kienx jaf b’xi oħt li kienet addattata għalih.
Fl-Indja ħafna miż-żwiġijiet ikunu rranġati, u Edwin spiss kien jiġi mitlub biex jagħmel arranġamenti bħal dawn, imma hu qatt ma ried jagħmilhom. Għalhekk, hu ta l-ittra taʼ Harold lil Ruth McKay, li r-raġel tagħha, Homer, kien indokratur li jivvjaġġa. Eventwalment, Ruth kitbitli biex tgħidli li missjunarju li kien ilu fil-verità għal bosta snin kien qed ifittex mara, u hi staqsiet jekk jien kontx interessata li niktiblu. Hi la qaltli min kien il-ħu u lanqas xejn iktar dwaru.
M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma kien jaf dwar it-talba tiegħi għal sieħeb, ħlief Jehovah, u r-reazzjoni tiegħi għall-ewwel kienet li nwarrab din l-idea minn moħħi. Però, iktar ma ħsibt dwarha, iktar wasalt għall-konklużjoni li spiss Jehovah ma jwiġibx it-talb tagħna b’mod li naħsbu aħna. Għalhekk, jien erġajt ktibt lil Ruth u għedt li sakemm ma kien hemm ebda obbligazzjoni, hi setgħet tgħid lil ħu biex jerġaʼ jikteb. It-tieni ittra mingħand Harold King intbagħtet lili.
Ritratti taʼ Harold u l-istorja tiegħu kienu dehru f’diversi gazzetti u rivisti wara li nħeles mill-ħabs fiċ-Ċina. Sadanittant, hu kien magħruf sew madwar id-dinja, imma dak li impressjonani kien ir-rekord tiegħu taʼ servizz teokratiku leali. Għalhekk, domna niktbu lil xulxin ħames xhur, u mbagħad jien mort Ħong Kong. Aħna żżewwiġna fil-5 t’Ottubru, 1965.
It-tnejn li aħna ridna niżżewġu u nibqgħu fis-servizz full-time, u minħabba li konna qed nikbru, aħna ħassejna l-bżonn tal-kumpanija iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Jien sirt inħobb lil Harold, u meta rajt il-mod kif kien jittratta n-nies u l-problemi li kienu jinqalgħu fis-servizz tagħna b’qalb tajba u b’konsiderazzjoni, jien sirt nirrispettah ħafna. Għal 27 sena aħna gawdejna żwieġ hieni ħafna u kellna ħafna barkiet mingħand Jehovah.
Iċ-Ċiniżi huma nies li jaħdmu iebes, u jien kont inħobbhom ħafna. Il-lingwa taʼ Ħong Kong hija l-Cantonese, djalett Ċiniż li għandu ħafna iktar tonijiet mill-Mandarin, u għalhekk huwa daqsxejn diffiċli biex titgħallmu. Fil-bidu taż-żwieġ tagħna, jien u Harold konna noqogħdu fid-dar missjunarja fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah, u mbagħad qdejna f’inkarigi f’diversi postijiet fit-territorju. Iva, konna ferħanin ħafna, imma fl-1976 kelli problema serja taʼ saħħa.
Inkampa maʼ Problemi taʼ Saħħa
Jien kont ili nitlef id-demm għal ftit xhur, u d-demm tiegħi kien tbaxxa ħafna. Kelli bżonn t’operazzjoni, imma t-tobba fl-isptar qaluli li ma kinux se jagħmluli l-operazzjoni mingħajr demm għax jekk jagħmluhieli, x’aktarx li kont immut mix-xokk. Ġurnata minnhom meta t-tobba kienu qed jiddiskutu l-każ tiegħi, xi infermieri pprovaw iġagħluni nbiddel fehemti, billi qalu li mhux sewwa naħli ħajti hekk. Kien hemm 12-il operazzjoni dakinhar, 10 minnhom kienu aborti, imma jien innotajt li ħadd ma qal xejn lin-nisa tqal dwar li huma kienu se joqtlu lit-tarbija tagħhom.
Fl-aħħar, Harold kiteb ittra li kienet teħles lill-isptar minn kwalunkwe responsabbiltà kieku jien mitt, u t-tobba qablu li jagħmlu l-operazzjoni li kelli bżonn. Ħaduni fil-kamra taʼ l-operazzjonijiet u ppreparaw l-anestetiku. Madankollu, fl-aħħar mument l-anestetista rrifjuta li jkompli, u t-tobba kellhom jibagħtuni d-dar.
Imbagħad tkellimna maʼ ġinekologu privat. Meta rrealizza kemm kienet serja l-kundizzjoni tiegħi, hu offra li jagħmel l-operazzjoni bi prezz baxx—basta ma ngħidu lil ħadd kemm żammilna. Hu opera b’suċċess—u mingħajr l-użu t’ebda demm. Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah u l-mod kif ħa ħsiebi kienu tant evidenti għal Harold u għalija f’dan iż-żmien partikulari.
Fl-1992, Harold marad serjament. Aħna morna ngħixu fl-uffiċċju tal-fergħa u hemmhekk ħadu ħsiebna bi mħabba kbira. L-għażiż raġel tiegħi spiċċa l-ħajja tiegħu fuq l-art fl-1993 fl-età taʼ 81 sena.
Nerġaʼ Lura Lejn l-Ingilterra
Jien kont ferħana bħala membru tal-familja Betel taʼ Ħong Kong, imma iktar m’għadda ż-żmien iktar kont qed insibha diffiċli biex inkampa mas-sħana u l-umdità. Imbagħad waslet ittra mhux mistennija mill-kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn, li fiha staqsewni jekk, minħabba saħħti kienx aħjar għalija li mmur ngħix ġo fergħa b’iktar faċilitajiet. Għalhekk fis-sena 2000, jien erġajt mort ngħix l-Ingilterra u ngħaqadt mal-familja Betel f’Londra. Xi provvediment taʼ mħabba kien dan! Jien ġejt milqugħa bi mħabba kbira u veru nieħu pjaċir bl-inkarigi differenti li għandi, li jinkludu li ngħin fil-librerija tal-familja Betel bl-2,000 volum li fiha.
Jien nassoċja mal-kongregazzjoni Ċiniża li tiltaqaʼ f’Londra, però hawnhekk l-affarijiet inbidlu. Illum il-ġurnata, ftit li xejn hemm nies minn Ħong Kong imma, minflok, iktar hemm nies mill-art prinċipali taċ-Ċina. Dawn jitkellmu bil-Mandarin, u dan iġib sfidi ġodda fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Madwar il-pajjiż hemm rapporti taʼ ħafna studji tal-Bibbja interessanti li qed jiġu kondotti maʼ studenti li ggradwaw miċ-Ċina. Huma jaħdmu iebes u japprezzaw il-verità tal-Bibbja li qed jitgħallmu. Huwa taʼ ferħ li ngħinuhom.
Fil-kwiet tad-dar il-ġdida tiegħi, spiss noqgħod naħseb dwar il-ħajja ferħana tiegħi u nkompli naħseb dwar il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah. Din tidħol fl-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu maʼ l-iskop tiegħu, u l-mod kif jieħu ħsieb il-qaddejja bħala individwi tant huwa evidenti. Verament għandi għalfejn inkun grata talli Hu tant ħa ħsiebi kif ukoll taʼ l-imħabba li wera miegħi.—1 Pietru 5:6, 7.
[Nota taʼ taħt]
a Il-bijografiji taʼ dawn iż-żewġ missjunarji dehru f’The Watchtower tal-15 taʼ Lulju, 1963, paġni 437-42, u tal-15 taʼ Diċembru, 1965, paġni 756-67.
[Stampa f’paġna 24]
Naqdu fl-Indja
[Stampi f’paġna 25]
Harold King fl-1963 u jaqdi fiċ-Ċina fis-snin 50
[Stampi f’paġna 26]
It-tieġ tagħna f’Ħong Kong fil-5 t’Ottubru, 1965
[Stampa f’paġna 26]
Maʼ membri tal-Betel taʼ Ħong Kong, fin-nofs hemm il-koppja Liangs, u fuq il-lemin il-koppja Gannaways