Għasses Kontra l-Qerq
‘Qisu li ħadd ma ijassarkom bi kliem qarrieq u fieragħ.’—KOLOSSIN 2:8.
1-3. (a) Liema eżempji juru li l-qerq daħal kważi f’kull aspett tal-ħajja taʼ kuljum? (b) Għala m’għandniex niskantaw bil-qerq li hawn fid-dinja?
“KEMM hawn minnkom li qatt ma kellu xi klijent li gidiblu?” Ftit tas-snin ilu, professur tal-liġi għamel stħarriġ billi staqsa din il-mistoqsija. It-tweġiba? Hu jispjega: “Minn eluf t’avukati, wieħed biss qatt ma kellu klijent li gidiblu.” Ir-raġuni? “L-avukat kien għadu kif beda jaħdem maʼ kumpanija kbira u kien għadu ma tkellimx maʼ klijent.” Din l-esperjenza turi verità tal-biki—il-gideb u l-qerq huma komuni fid-dinja taʼ llum.
2 Il-qerq isir b’diversi modi u daħal fi kważi kull qasam tal-ħajja moderna taʼ llum. Rapporti taʼ l-aħbarijiet huma mimlijin b’eżempji—politikanti jigdbu dwar l-azzjonijiet tagħhom, accountants u avukati jesaġeraw il-qligħ taʼ kumpaniji, dawk li jirreklamaw iqarrqu bix-xerrejja, nies li jittellgħu l-qorti minħabba li jqarrqu b’kumpaniji taʼ l-assigurazzjoni, biex insemmu biss ftit. Imbagħad hemm il-qerq reliġjuż. Il-kleru jqarraq bil-folol billi jgħallem duttrini foloz, bħall-immortalità tar-ruħ, in-nar taʼ l-infern, u t-trinità.—2 Timotju 4:3, 4.
3 Għandna niskantaw b’dan il-qerq kollu? Le. Rigward “l-aħħar tad-dinja,” ilBibbja twissi: “In-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” (2 Timotju 3:1, 13) Bħala Kristjani, aħna għandna bżonn noqogħdu għassa għall-ideat qarrieqa li jistgħu jġagħluna nitilqu mill-verità. Naturalment iqumu żewġ mistoqsijiet: Il-qerq għala huwa daqshekk komuni llum, u kif nistgħu ngħassu kontra li niġu mqarrqin?
Għala Hawn Daqstant Qerq Illum?
4. Il-Bibbja kif tispjega għala l-qerq hu daqstant mifrux fid-dinja?
4 Il-Bibbja tispjega b’mod ċar ir-raġuni għala l-qerq huwa daqstant mifrux f’din id-dinja. L-appostlu Ġwanni kiteb li “d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) “Il-Ħażin” huwa Satana x-Xitan. Ġesù qal dwaru: “Qatt ma żamm mal-verità, għax il-verità ma tinsabx fih. Meta jigdeb, ikun qiegħed jitkellem taʼ li hu, għax dak giddieb u missier il-gideb.” Għalhekk, għandna għalfejn nistagħġbu li d-dinja tirrifletti l-ispirtu, il-valuri, u l-kwalitajiet qarrieqa tal-ħakkiem tagħha?—Ġwanni 8:44; 14:30; Efesin 2:1-3.
5. Satana kif żied l-isforzi qarrieqa tiegħu f’dan iż-żmien tat-tmiem, u lil min irid jolqot partikolarment?
5 F’dan iż-żmien tat-tmiem, Satana żied lisforzi tiegħu. Hu ġie mwaddab hawn fuq l-art. Hu jaf li ż-żmien li fadallu hu qasir, u għandu “korla kbira fuqu.” Peress li hu determinat li jeqred kemm jistaʼ jkun bnedmin, hu “qiegħed jiżvija lill-art abitata kollha kemm hi.” (Apokalissi 12:9, 12, NW) Satana ma jqarraqx darba kultant. Anzi, hu qatt ma jnaqqas l-isforzi tiegħu biex iqarraq bl-umanità.a Hu juża kull metodu qarrieq li għandu disponibbli—inkluż l-ingann u t-tradiment—biex idallam il-moħħ taʼ dawk li ma jemmnux u jżommhom ’il bogħod minn Alla. (2 Korintin 4: 4) Dan l-espert tal-qerq hu determinat speċjalment li jiblaʼ lil dawk li qed jaqdu lil Alla “fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwanni 4:24; 1 Pietru 5:8) Qatt tinsa li Satana, attwalment, stqarr: ‘Jien nistaʼ ndawwar lil min irrid kontra Alla.’ (Ġob 1:9-12) Ejja nikkunsidraw xi ftit mit-“tattiċi qarrieqa” taʼ Satana u kif nistgħu ngħassu kontrihom.—Efesin 6:11, Jewish New Testament.
Għasses Kontra li Tiġi Mqarraq mill-Apostati
6, 7. (a) Liema stqarrija jistgħu jagħmlu l-apostati? (b) L-Iskrittura kif turi biċ-ċar dak li jridu l-apostati?
6 Satana ilu juża l-apostati fl-isforzi tiegħu biex iħajjar lill-qaddejja t’Alla. (Mattew 13:36-39) L-apostati għandhom mnejn jistqarru li jaqdu lil Jehovah u li jemmnu l-Bibbja, imma huma jiċħdu l-qasam viżibbli taʼ l-organizzazzjoni tiegħu. Xi wħud saħansitra jerġgħu lura għad-duttrini taʼ “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, li jġibu diżunur lil Alla. (Apokalissi 17:5; 2 Pietru 2:19-22) Taħt ispirazzjoni divina, il-kittieba tal-Bibbja użaw kliem qawwi biex jikxfu l-motivi u l-metodi taʼ l-apostati.
7 X’inhu l-objettiv taʼ l-apostati? Il-maġġuranza minnhom m’humiex kuntenti li jitilqu l-fidi li darba kienu jqisuha bħala verità. Spiss, iridu jkaxkru lil oħrajn magħhom. Minflok ma joħorġu u jagħmlu d-dixxipli tagħhom stess, ħafna apostati jipprovaw “idawwru d-dixxipli [jiġifieri, id-dixxipli taʼ Kristu] għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) Rigward għalliema foloz, l-appostlu Pawlu ta din it-twissija urġenti: “Qisu li ħadd ma ijassarkom.” (Kolossin 2:8) Ma jiddeskrivix dan x’qed jipprovaw jagħmlu ħafna apostati? Bħal wieħed li jaħtaf lil xi vittma bla ma din tissuspetta xejn u jġorrha miegħu ’l bogħod mill-familja tagħha, dawn l-apostati jaħtfu lil dawk il-membri tal-kongregazzjoni li jafdaw fis-sinċerità taʼ l-apostati, li jipprovaw iġorruhom ’il bogħod mill-merħla.
8. Liema metodi jużaw l-apostati biex jilħqu l-mira tagħhom?
8 Liema metodi jużaw l-apostati biex jilħqu l-mira tagħhom? Spiss jużaw il-qerq, nofs veritajiet, u gideb sfaċċat. Ġesù kien jaf li s-segwaċi tiegħu kienu se jaqgħu vittmi taʼ dawk li kienu se ‘jaqilgħu kull xorta taʼ ħażen u gideb kontrihom.’ (Mattew 5:11) Dawn l-opponenti malizzjużi jgħidu dak li mhux minnu bl-iskop li jqarrqu b’oħrajn. L-appostlu Pietru wissa kontra apostati li kienu se jużaw “kliem qarrieq,” ixerrdu tagħlim “qarrieq,” u ‘jfissru ħażin l-Iskrittura’ biex jilħqu l-iskop tagħhom. (2 Pietru 2:3, 13; 3:16) B’sogħba, l-apostati jirnexxilhom “iħawwdu l-fidi f’xi wħud.”—2 Timotju 2:18.
9, 10. (a) Kif nistgħu ngħassu kontra li niġu mqarrqin mill-apostati? (b) Għala ma ninkwetawx jekk ikollna bżonn naġġustaw il-fehma tagħna taʼ l-iskop t’Alla?
9 Kif nistgħu ngħassu kontra li niġu mqarrqin mill-apostati? Billi nagħtu kas il-parir mill-Kelma t’Alla, li jgħid: ‘Oqogħdu attenti minn dawk li jġibu l-firda u t-tfixkil kontra t-tagħlim li intom tgħallimtu, u żommu ’l bogħod minnhom.’ (Rumani 16:17) Aħna ‘nżommu ’l bogħod minnhom’ billi naħarbu r-raġunamenti tagħhom—kemm mingħandhom persunali, kemm bil-kitba, u kemm permezz taʼ l-Internet. Għala nieħdu waqfa bħal din? L-ewwelnett, għaliex il-Kelma t’Alla tgħidilna biex nagħmlu hekk, u aħna ninsabu fiduċjużi li Jehovah dejjem irid dak li hu l-aħjar għalina.—Isaija 48:17, 18.
10 It-tieni, aħna nħobbu l-organizzazzjoni li għallmitna l-veritajiet prezzjużi li b’mod ċar jifirduna minn Babilonja l-Kbira. Fl-istess waqt, aħna nirrikonoxxu li m’għandniex għarfien perfett taʼ l-iskopijiet t’Alla; kellna wkoll naġġustaw il-fehma tagħna matul is-snin. Kristjani leali huma kuntenti li jistennew lil Jehovah għal dan l-irfinar. (Proverbji 4:18) Sadanittant, aħna m’aħniex se nabbandunaw l-organizzazzjoni li Alla jogħġbu juża, għax aħna naraw l-evidenza ċara tal-barka tiegħu fuqha.—Atti 6:7; 1 Korintin 3:6.
Għasses Kontra li Tqarraq Bik Innifsek
11. Bnedmin imperfetti għala għandhom tendenza li jqarrqu bihom infushom?
11 Bnedmin imperfetti għandhom tendenza li Satana hu ħafif biex jipprofitta ruħu minnha—dik li jqarrqu bihom infushom. Ġeremija 17:9 jgħid: “Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra.” U Ġakbu kiteb: “Kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess.” (Ġakbu 1:14) Fil-fatt, jekk qalbna tiġi mħajra, din għandha mnejn iġġagħalna naraw xewqa midinba tidher attraenti u bla perikli. Ħarsa bħal din hi qarrieqa, għax id-dnub li nkunu waqajna fih, fl-aħħar se jwassal għall-qerda.—Rumani 8:6.
12. B’liema modi nistgħu nidħlu fin-nassa li nqarrqu bina nfusna?
12 It-tendenza li nqarrqu bina nfusna tistaʼ faċilment iddaħħalna f’nassa. Il-qalb qarrieqa tistaʼ tiġġustifika xi difett serju li jistaʼ jkollna fil-personalità jew tiskuża xi dnub gravi. (1 Samwel 15:13-15, 20, 21) Il-qalb iddisprata tagħna tistaʼ wkoll tfittex għal modi biex tiġġustifika kondotta dubjuża. Per eżempju, ejja nikkunsidraw id-divertiment. Xi divertiment huwa bnin u pjaċevoli. Madankollu, ħafna minn dak li toffri d-dinja—fil-films u l-programmi tat-televixin u fuq il-websites taʼ l-Internet—huwa oxxen u immorali. Huwa faċli li nikkonvinċu lilna nfusna li nistgħu naraw divertiment baxx mingħajr ma jagħmlilna l-ħsara. Xi wħud saħansitra jirraġunaw, “Jien ma tniggiżnix il-kuxjenza, allura x’inhi l-problema?” Imma dawn l-individwi qed ‘iqarrqu bihom infushom’ b’raġunar falz.—Ġakbu 1:22.
13, 14. (a) Liema eżempju Skritturali juri li lkuxjenza tagħna mhux dejjem hi taʼ min joqgħod fuqha? (b) Kif nistgħu ngħassu kontra li nqarrqu bina nfusna?
13 Kif nistgħu noqogħdu għassa kontra li nqarrqu bina nfusna? L-ewwel ħaġa, irridu niftakru li l-kuxjenza tal-bniedem mhux dejjem hi taʼ min joqgħod fuqha. Ikkunsidra l-każ taʼ l-appostlu Pawlu. Qabel ma sar Kristjan, hu ppersegwita lis-segwaċi taʼ Kristu. (Atti 9:1, 2) Il-kuxjenza tiegħu forsi ma niggżitux dak iż-żmien. Iżda, ovvjament kienet ġiet diretta b’mod żbaljat. Pawlu qal: “Għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi.” (1 Timotju 1:13) Għalhekk, is-sempliċi fatt li ċertu divertiment ma jġagħalx il-kuxjenza tagħna tniggiżna fih innifsu m’huwiex garanzija li dak li nkunu qed nagħmlu hu tajjeb. Kuxjenza b’saħħitha u mħarrġa sew mill-Kelma t’Alla biss tistaʼ tkun gwida taʼ min joqgħod fuqha.
14 Jekk aħna rridu nevitaw li nqarrqu bina nfusna, hemm xi suġġerimenti ferm t’għajnuna li għandna bżonn inżommu f’moħħna. Analizza lilek innifsek bit-talb. (Salm 26:2; 2 Korintin 13:5) Eżami onest tiegħek innifsek jistaʼ jiftaħlek għajnejk u tara l-bżonn li tagħmel xi bidliet fil-mod kif tħares lejn l-affarijiet jew fil-mod kif taġixxi. Ismaʼ lil oħrajn. (Ġakbu 1:19) Ladarba meta teżamina lilek innifsek x’aktarx li tkun influwenzat mill-opinjoni persunali tiegħek, ikun għaqli li tismaʼ l-kliem imparzjali t’aħwa Kristjani maturi. Jekk tara li int qed tieħu deċiżjonijiet jew qed taġixxi b’modi li huma dubjużi f’għajnejn xi wħud minn sħabek Kristjani li huma bilanċjati u t’esperjenza, tistaʼ forsi tistaqsi lilek innifsek, ‘Jistaʼ jkun li l-kuxjenza tiegħi ma ġietx imħarrġa tajjeb jew li qalbi qed tqarraq bija?’ Itma’ regolarment lilek innifsek mill-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja. (Salm 1:2) Jekk tagħmel hekk, se tkun tistaʼ żżomm il-ħsibijiet, l-attitudnijiet, u s-sentimenti tiegħek fi qbil mal-prinċipji t’Alla.
Għasses Kontra l-Gideb taʼ Satana
15, 16. (a) Fl-isforzi tiegħu biex iqarraq bina, liema gideb juża Satana? (b) Kif nistgħu nevitaw li niġu mqarrqin minn dan il-gideb?
15 Satana juża varjetà sħiħa taʼ gideb fl-isforzi tiegħu biex iqarraq bina. Hu jipprova jikkonvinċina li l-affarijiet materjali jġibu ferħ u sodisfazzjon, madankollu spiss ikun l-oppost. (Koħèlet 5:9-11 [5:10-12, NW]) Hu kieku jridna nemmnu li din id-dinja mill-agħar se tibqaʼ għal dejjem, għalkemm hemm evidenza ċara li aħna qed ngħixu fl-“aħħar tad-dinja.” (2 Timotju 3:1-5) Satana jippromwovi l-idea li stil taʼ ħajja immorali ma jagħmel ebda ħsara, avolja dawk li jfittxu l-pjaċiri spiss jaħsdu konsegwenzi koroh. (Galatin 6:7) Kif nistgħu nevitaw li niġu mqarrqin minn gideb bħal dan?
16 Ibbenefika minn eżempji Bibliċi. Il-Bibbja fiha eżempji taʼ twissija taʼ individwi li ġew imqarrqin mill-gideb taʼ Satana. Huma kienu jħobbu affarijiet materjali, ma tawx kas iż-żminijiet li kienu qed jgħixu fihom, jew ċedew għall-immoralità—kollha b’riżultati ħżiena. (Mattew 19:16-22; 24:36-42; Luqa 16:14; 1 Korintin 10:8-11) Tgħallem minn eżempji taʼ żmienna. B’dispjaċir ngħidu, kultant xi Kristjani jitilfu s-sens t’urġenza u jibdew jemmnu li minħabba li qed jaqdu lil Alla qed jitilfu xi ħaġa tajba. Huma forsi jitilqu mill-verità biex jgħixu ħajja li suppost hi taʼ pjaċir. Madankollu, dawn l-individwi qegħdin “fuq art tiżloq,” għax xi darba jew oħra minħabba l-kondotta ħażina tagħhom se jkollhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi. (Salm 73:18, 19) Aħna nagħmlu tajjeb jekk nitgħallmu mill-iżbalji t’oħrajn.—Proverbji 22:3.
17. Satana għala jippromwovi l-gidba li Jehovah la jħobbna u lanqas ma jqisna prezzjużi għalih?
17 Hemm gidba oħra li Satana uża b’suċċess—il-gidba li Jehovah la jħobbna u lanqas ma jqisna prezzjużi għalih. Satana kellu eluf taʼ snin biex jistudja lill-bnedmin imperfetti. Hu jaf tajjeb li l-iskuraġġiment jistaʼ jdgħajjef l-ispiritwalità tagħna. (Proverbji 24:10) B’hekk, hu jippromwovi l-gidba li aħna m’aħna xejn f’għajnejn Alla. Jekk aħna “mixħutin maʼ l-art” u nsiru konvinti li Jehovah ma jimpurtahx minna, forsi nitħajru naqtgħu qalbna. (2 Korintin 4:9) Dan hu eżatt dak li jrid il-Qarrieq il-kbir! Mela, kif nistgħu ngħassu kontra li niġu mqarrqin minn din il-gidba satanika?
18. Il-Bibbja kif tassigurana mill-imħabba taʼ Jehovah?
18 Immedita personalment fuq dak li tgħid il-Bibbja dwar l-imħabba t’Alla għalina. Il-Kelma t’Alla tuża tixbihat vivaċi li jmissulek qalbek biex tassigurana li Jehovah jinnotana u jħobbna individwalment. Hu jitfaʼ d-dmugħ tiegħek fi “flixkun,” jiġifieri li jara u jiftakar id-dmugħ li int ixxerred fit-taqbida tiegħek biex tibqaʼ leali. (Salm 56:9 [56:8, NW]) Hu jaf meta jkollok ‘qalbek maqsuma’ u jkun viċin tiegħek f’dak iż-żmien. (Salm 34:19 [34:18, NW]) Hu jaf kull dettall dwarek, inkluż kemm għandek ‘xagħar f’rasek.’ (Mattew 10:29-31) Fuq dan kollu, Alla “ta lil Ibnu l-waħdieni” għalik. (Ġwanni 3:16; Galatin 2:20) Xi drabi, forsi ssibha diffiċli biex temmen li dawn l-iskritturi japplikaw għalik personalment. Madankollu, għandna nemmnu l-kelma taʼ Jehovah. Hu jridna nemmnu li hu jħobbna mhux biss bħala grupp imma bħala individwi.
19, 20. (a) Għala huwa importanti li tagħraf u tiċħad il-gidba satanika li Jehovah ma jħobbokx? (b) Wieħed indokratur li jivvjaġġa kif għen lil uħud li kienu skuraġġiti?
19 Agħraf u iċħad il-gidba. Jekk taf li xi ħadd qed jigdeb, int tistaʼ tipproteġi lilek innifsek milli tiġi mqarraq. Għalhekk, anki s-sempliċi fatt li tkun taf li Satana jridek temmen il-gidba li Jehovah ma jħobbokx jistaʼ fih innifsu jkun t’għajnuna kbira. Bi tweġiba għall-artiklu li deher fit-Torri taʼ l-Għassa li wissa dwar it-tattiċi taʼ Satana, waħda Kristjana qalet: “Qatt ma rrealizzajt li Satana jipprova juża s-sentimenti tiegħi biex jiskuraġġini. Issa li naf dan jagħtini l-motivazzjoni li niġġieled dawn is-sentimenti.”
20 Ikkunsidra l-esperjenza taʼ indokratur li jivvjaġġa f’pajjiż fl-Amerika t’Isfel. Meta jagħmel żjajjar pastorali lil uħud li jħossuhom skuraġġiti, hu spiss jistaqsihom, ‘Temmen fit-Trinità?’ Il-persuna skuraġġita ġeneralment twieġeb, ‘Dażgur li le,’ għax taf li din hija gidba taʼ Satana. L-indokratur li jivvjaġġa mbagħad jistaqsi, ‘Temmen fin-nar taʼ l-infern?’ It-tweġiba terġaʼ tkun, ‘Dażgur li le!’ L-anzjan li jivvjaġġa mbagħad jgħidilhom li hemm gidba oħra satanika li ġeneralment ma tantx jindunaw li hi gidba. Hu jidderieġi l-attenzjoni tagħhom lejn paġna 249, paragrafu 21, tal-ktieb Draw Close to Jehovah (Ersaq Qrib Lejn Jehovah),b li juri kemm hi verament gidba li Jehovah ma jħobbniex bħala individwi. L-indokratur li jivvjaġġa jirrapporta riżultati pożittivi meta jgħin lil uħud skuraġġiti biex jagħrfu u jiċħdu din il-gidba satanika.
Għasses Lilek Innifsek mill-Qerq
21, 22. Għala m’aħniex fi dlam rigward it-tattiċi qarrieqa taʼ Satana, u x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
21 Matul il-parti finali taʼ dawn l-aħħar jiem, nistgħu nistennew li Satana se jkompli jivvinta ammont kbir taʼ gideb u qerq. Aħna grati li Jehovah ma ħalliniex fid-dlam rigward it-tattiċi qarrieqa taʼ Satana. Il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja li jagħtina l-“ilsir leali u diskret” jikxfu l-metodi mill-agħar li juża x-Xitan. (Mattew 24:45, NW) Peress li aħna avżati minn qabel, aħna ninsabu armati għal li jistaʼ jinqalaʼ.—2 Korintin 2:11.
22 Għalhekk, ejja nkomplu ngħassu kontra r-raġunar taʼ l-apostati. Jalla nkunu determinati li nevitaw in-nassa sottili li nqarrqu bina nfusna. U ejja nirrikonoxxu u niċħdu l-gideb kollu taʼ Satana. Jekk nagħmlu dan, aħna se nħarsu r-relazzjoni tagħna maʼ l-“Alla tas-sewwa,” li jobgħod il-qerq.—Salm 31:6 (31:5, NW); Proverbji 3:32.
[Noti taʼ taħt]
a Rigward il-forma tal-verb mogħtija “qiegħed jiżvija” f’Apokalissi 12:9 (NW), xogħol taʼ referenza wieħed jgħid li din “tindika azzjoni kontinwa li saret parti mill-karattru.”
b Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Tiftakar Int?
• Għala hawn daqstant qerq fid-dinja llum?
• Kif nistgħu ngħassu kontra li niġu mqarrqin mill-apostati?
• Kif nistgħu ngħassu kontra kwalunkwe tendenza lejn li nqarrqu bina nfusna?
• Kif nistgħu ngħassu kontra li niġu mqarrqin minn gideb sataniku?
[Stampa f’paġna 17]
Tqarraqx bik innifsek rigward id-divertiment
[Stampi f’paġna 18]
Biex tgħasses kontra li tqarraq bik innifsek, analizza lilek innifsek bit-talb, ismaʼ lil oħrajn, u itma’ regolarment lilek innifsek mill-Kelma t’Alla