Il-Meravilja tal-Ħolqien Taʼ Jehovah
‘Int Aktar Maestuż mill-Muntanji’
JEKK tinzerta tkun fuq il-Muntanja Fuji meta jkun qed jisbaħ, ikollok esperjenza li ma tinsieha qatt. Xemx ħamra lewn in-nar tfeġġ fuq ix-xefaq, iddawwal is-silġ abjad u l-ġebel griż tal-lava. Hekk kif jibda jum ieħor, id-dell tal-muntanja, li juri sa l-inqas dettall, jinfirex f’ħakka t’għajn fuq l-għoljiet u l-widien għal mili sħaħ.
Bħall-Muntanja Fuji—li darba kienet miktuba b’ittri li jfissru “m’hawnx bħalha”—il-muntanji maestużi qatt ma jonqsu li jaffaxxinawna. Fil-fatt, għandu mnejn inħossuna verament żgħar ħdejn il-kobor immens tagħhom! Il-muntanji tant huma mżejnin b’kobor u ġmiel li ħafna nies kienu jemmnu li l-ogħla qċaċet, li ħafna drabi jkunu misturin fiċ-ċpar u s-sħab, kienu l-għamajjar taʼ l-allat.
L-uniku Alla li jiġi verament imfaħħar mill-muntanji huwa l-Ħallieq eċċellenti tagħhom, Jehovah. Hu biss huwa “Dak li sawwar il-muntanji.” (Għamos 4:13) Kważi kwart mid-dinja huwa art muntanjuża, u meta Alla ħalaq il-pjaneta tagħna, hu stabbilixxa forzi li fl-aħħar mill-aħħar ipproduċew qċaċet u gruppi taʼ muntanji spettakolari. (Salm 95:4) Per eżempju, huwa maħsub li l-grupp taʼ muntanji tal-Ħimalaja u l-Andes kienu fformati minn taqlib enormi fil-qalba tad-dinja u miċ-ċaqliq taʼ sezzjonijiet tal-qoxra tad-dinja.
Aħna l-bnedmin ma nifhmux għalkollox kif u għala l-muntanji bdew jeżistu. Tabilħaqq, aħna m’aħniex kapaċi nwieġbu l-mistoqsijiet li ġie mistoqsi r-raġel ġust Ġob: “Fejn kont int jien [Jehovah] u nqiegħed sisien l-art? . . . Fuqiex qed iżommu l-kolonni tagħha?”—Ġob 38:4-6.
Madankollu, li nafu hu, li ħajjitna tiddependi mill-muntanji. Dawn ġew imsejħin l-imħażen taʼ l-ilma tan-natura, ladarba l-ilma tax-xmajjar prinċipali kollha jiġi minn għejun fuq il-muntanji u nofs il-popolazzjoni tad-dinja tiddependi mill-ilma li jiġi mill-muntanji. (Salm 104:13) Skond ir-rivista New Scientist, sitta mill-20 pjanta taʼ l-ikel prinċipali tad-dinja joriġinaw mill-muntanji. Fid-dinja l-ġdida li wegħedna Alla, li fiha l-kundizzjonijiet se jkunu bilanċjati ekoloġikament, se “jkun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet . . . iħaddru l-uċuħ bħall-ħaxix tar-rabaʼ.”—Salm 72:16; 2 Pietru 3:13.
Ħafna nies meta jisimgħu bil-kelma muntanji jiftakru fl-Alpi Ewropej. Dawn il-qċaċet, li jinkludu l-Muntanja Civetta li tidher hawnhekk, huma xiehda li tpaxxik tal-Ħallieq tagħhom. (Salm 98:8) Huma jfaħħru lil Jehovah, il-wieħed li ‘waqqaf fis-sod il-muntanji b’qawwietu.’—Salm 65:7 (65:6, NW).a
Kemm tqanqal biżaʼ u rispett profond il-meravilja taʼ l-Alpi, bil-qċaċet tawwalin u ttrufijiet miksijin bis-silġ, bil-ġnub imżerżqin tagħhom mgħottijin bil-borra, bil-widien u l-għadajjar, u bil-mergħat! Is-Sultan David identifika lil Jehovah bħala l-Wieħed li “jnibbet il-ħaxix fuq l-għoljiet.”—Salm 147:8.
Serbut taʼ għoljiet—bħal dawn l-għoljiet f’Guilin, iċ-Ċina—għandhom mnejn jidhru inqas spettakolari mill-Alpi, imma s-sbuħija tagħhom hija waħda unika. Tul ix-Xmara Li, ringiela fuq ringiela taʼ qċaċet li jispontaw ’il barra jimpressjonaw lill-viżitaturi bis-sbuħija tagħhom. X’ħin tara dawk l-ilmijiet ċari li jgħaddu minn dawn l-għoljiet imdawrin biċ-ċpar għandu mnejn tiftakar fil-kliem tas-salmista: “L-għejun [Jehovah, int] tiftħilhom għal ġol-widien, u huma jiġru qalb l-għoljiet.”—Salm 104:10.
Mhux taʼ b’xejn li lmuntanji tant jimpressjonawna! Dan hu għaliex aħna nirrikonoxxu li huma parti maestuża mill-provvediment taʼ mħabba li l-Ħallieq għamel għall-ġid u ttgawdija taʼ l-umanità. Għalkemm iqanqlu biżaʼ u rispett profond, il-muntanji ma jistgħux jitqabblu mal-maestà taʼ Jehovah. Hu tabilħaqq ‘aktar maestuż mill-muntanji.’—Salm 76:4, KŻ.
[Nota taʼ taħt]
a Ara t-2004 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Marzu/April.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
Għaxra fil-mija mill-popolazzjoni tad-dinja jgħixu fi nħawi muntanjużi. Imma dan m’huwiex xi ostaklu li ma jistax jiġi megħlub għal dawk li jħabbru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Dawn il-ministri Kristjani huma verament imħabbtin f’dawn il-ħafna reġjuni għoljin. U “kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn taʼ min iħabbar il-bxara, taʼ min ixandar is-sliem, taʼ min iħabbar ir-riżq, taʼ min ixandar is-salvazzjoni”!—Isaija 527.
“L-għoljiet huma l-kenn għall-mogħoż salvaġġi,” kanta s-salmista. (Salm 104:18, Karm Żammit) Il-mogħoż salvaġġi tal-muntanji, bħalma hi l-Capra ibex nubiana li għandha qrun sbieħ, huma fost l-iktar annimali li jgħixu fuq il-muntanji u li huma sodi fuq saqajhom. Dawn il-mogħoż jimxu f’xifer taʼ blat li tant hu dejjaq li jidher impossibbli li jgħaddu minnu. L-ibex hija mgħammra tajjeb biex tgħix f’postijiet li ma jistgħux jintlaħqu. Waħda mir-raġunijiet hija l-mod kif huma magħmulin difrejha. Il-qasma li għandha fid-dwiefer tistaʼ tinfetaħ minħabba t-toqol tal-mogħża, u b’hekk l-annimal ikollu qabda iktar soda meta jkun bil-wieqfa jew meta jkun għaddej minn xi passaġġ dejjaq fil-blat. Verament, l-ibex hija kapulavur fil-mod kif inhi magħmula.
[Stampa f’paġna 9]
Il-Muntanja Fuji, Honshu, il-Ġappun