It-Tfittxija għall-Hena
FTIT snin ilu, in-nies fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Gran Britannja, u fl-Istati Uniti saritilhom din il-mistoqsija, “X’inhu meħtieġ biex tkun hieni?” Minn dawk li ġew intervistati, 89 fil-mija qalu li saħħa tajba hi meħtieġa; 79 fil-mija qalu li jrid ikollok żwieġ jew relazzjoni sodisfaċenti; 62 fil-mija semmew is-sodisfazzjon li jiġi mit-trobbija taʼ l-ulied; u 51 fil-mija ħasbu li biex tkun hieni teħtieġ karriera taʼ suċċess. U għalkemm in-nies in ġenerali huma mdorrijin jaħsbu li l-flus mhux bilfors iġibu l-hena, 47 fil-mija minn dawk li ġew mistoqsijin kienu konvinti li biex tkun hieni jrid ikollok il-flus. Il-fatti x’juru?
L-ewwel, ejja naraw il-konnessjoni li suppost teżisti bejn il-flus u l-hena. Stħarriġ li sar fost l-iktar mitt persuna sinjura fl-Istati Uniti wera li b’mod ġenerali dawn ma kinux henjin iktar min-nies l-oħra. Barra minn hekk, minkejja li f’dawn l-aħħar tletin sena ħafna wħud fl-Istati Uniti rdoppjaw ġidhom, l-esperti dwar is-saħħa mentali jgħidu li dan m’għamilhomx iktar henjin. Fil-fatt, rapport wieħed jgħid: “Matul l-istess perijodu, ir-rata tad-dipressjoni telgħet m’ogħla s-sema. Is-suwiċidju fost l-adoloxxenti ttriplika. Ir-rata tad-divorzju rdoppjat.” F’xi 50 pajjiż differenti, l-istudjużi li stħarrġu l-konnessjoni bejn il-flus u l-hena waslu għall-konklużjoni li l-hena ma jistax jinxtara bil-flus.
Imbagħad, fatturi bħal saħħa tajba, żwieġ sodisfaċenti, u karriera taʼ suċċess kemm huma importanti sabiex tkun hieni? Fil-fatt, jekk dawn il-fatturi kienu assolutament meħtieġa għall-hena, xi ngħidu għall-miljuni taʼ nies li m’humiex f’saħħithom u għal dawk kollha li m’għandhomx żwieġ sodisfaċenti? Xi ngħidu għall-koppji miżżewġin li m’għandhomx tfal u għall-irġiel u n-nisa kollha li m’għandhomx karriera taʼ suċċess? Huma dawn l-individwi kollha kundannati għal ħajja mdejqa? U l-hena li suppost qed igawdu dawk li huma f’saħħithom u li għandhom żwieġ sodisfaċenti se jispiċċa jekk jinbidlulhom iċ-ċirkustanzi?
Qegħdin Infittxu fis-Sors it-Tajjeb?
Kulħadd irid ikun hieni. Din mhix xi ħaġa taʼ l-iskantament għax Dak li ħalaq il-bniedem hu deskritt bħala “l-Alla l-hieni,” u l-bniedem kien magħmul fuq ix-xbieha t’Alla. (1 Timotju 1:11, NW; Ġenesi 1:26, 27) Għaldaqstant, huwa normali għall-bnedmin li jfittxu l-hena. Madankollu, ħafna jaħsbu li bħalma ponn ramel ma tistax iddum iżżommu f’idek, hekk ukoll l-hena ma tistax tgawdih fit-tul.
Iżda, jistaʼ jkun li xi wħud qed imorru fl-estrem biex jipprovaw ikunu henjin? Il-filosfu soċjali Eric Hoffer hekk ħaseb. Hu osserva: “It-tfittxija għall-hena hi waħda mill-kawżi ewlenin tad-dwejjaq.” Bla dubju, dan ikun minnu jekk ma nfittxux l-hena fis-sors it-tajjeb. F’dak il-każ, żgur li se nkunu diżappuntati u frustrati. Ħafna jipprovaw isiru sinjuri; jissieltu biex ikunu magħrufin jew famużi; jiġru wara miri politiċi, soċjali, jew ekonomiċi; jew sempliċement jgħixu għalihom infushom jew biex jissodisfaw ix-xewqat tagħhom fil-pront. Madankollu, xejn minn dan ma jagħmilhom henjin. Mhux taʼ b’xejn li xi wħud bdew jaħsbuha bl-istess mod ironiku taʼ ċerta kittieba, li qalet: “Kieku ma nibqgħux nipprovaw inkunu henjin, se nkunu iżjed henjin”!
Xi ħaġa interessanti li ħarġet mill-istħarriġ li ssemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu hi li 40 fil-mija ħassew li wieħed ikun hieni meta jagħmel il-ġid u jgħin lil ħaddieħor. U 25 fil-mija enfasizzaw il-punt li l-fidi u t-twemmin reliġjuż għandhom irwol ewlieni biex wieħed ikun hieni. Jidher ċar li għandna bżonn niflu aħjar x’inhu meħtieġ biex inkunu henjin tassew. L-artiklu li jmiss se jgħinna nagħmlu dan.
[Stampi f’paġna 3]
Ħafna wħud jaħsbu li l-flus, ħajja tal-familja sodisfaċenti, jew karriera taʼ suċċess huma fatturi fundamentali għall-hena. Taqbel magħhom?