LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 9/15 pp. 15-20
  • ‘Ilbsu l-Armatura Kollha t’Alla’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Ilbsu l-Armatura Kollha t’Alla’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Protezzjoni għall-​Ġenbejn, is-​Sider, u r-​Riġlejn
  • It-​Tarka, l-​Elmu, u x-​Xabla
  • Itolbu Dejjem
  • Ġeħova Kif Se Jipproteġik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Żgħażagħ—Żommu sod kontra x-Xitan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Id-Demonji—Kif Nistgħu Nirreżistuhom?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Ilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla”
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2019
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 9/15 pp. 15-20

‘Ilbsu l-​Armatura Kollha t’Alla’

“Ilbsu l-​armatura [“kollha,” “KŻ”] taʼ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-​tnassis tax-​Xitan.”—EFESIN 6:11.

1, 2. Iddeskrivi fi kliemek l-​armatura spiritwali li jeħtieġu jilbsu l-​Kristjani.

MATUL l-​ewwel seklu E.K., Ruma kienet fil-​quċċata tal-​qawwa tagħha. Bis-​saħħa tal-​leġjuni tagħha, din il-​belt setgħet tikkontrolla l-​maġġorparti tad-​dinja li kienet magħrufa f’dak iż-​żmien. Ċertu studjuż taʼ l-​istorja ddeskriva din l-​armata bħala “l-​iktar organizzazzjoni militari li għamlet suċċess fl-​istorja.” L-​armata professjonali Rumana kienet magħmula minn suldati dixxiplinati tajjeb li jkunu għaddew minn taħriġ iebes ħafna. Imma s-​suċċess tagħhom bħala ġellieda effettivi kien jiddependi wkoll mill-​armatura tagħhom. L-​appostlu Pawlu uża l-​armatura taʼ suldat Ruman biex jagħtina stampa tat-​tagħmir spiritwali meħtieġ mill-​Kristjani sabiex ikollhom suċċess fit-​taqbida tagħhom kontra x-​Xitan.

2 Id-​deskrizzjoni taʼ din l-​armatura spiritwali nsibuha f’Efesin 6:14-17. Pawlu kiteb: “Żommu sħiħ, . . . ħażżmu ġenbejkom bil-​verità, ilbsu l-​kurazza tal-​ġustizzja, u xiddu riġlejkom bil-​ħeġġa taʼ l-​Evanġelju tas-​sliem; ħudu f’idejkom it-​tarka tal-​fidi; li biha tistgħu titfu l-​vleġeġ kollha tan-​nar tal-​ħażin; ilbsu l-​elmu tas-​salvazzjoni u aqbdu x-​xabla taʼ l-​Ispirtu li hi l-​kelma taʼ Alla.” Mil-​lat uman, l-​armatura li ddeskriva Pawlu kienet tipproteġih mhux ħażin lis-​suldat Ruman. Barra minn hekk, kien ikollu xabla, l-​arma prinċipali tiegħu fi ġlieda maʼ xi ħadd ieħor.

3. Għala għandna nobdu l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù Kristu u nimxu fuq l-​eżempju tiegħu?

3 Minbarra t-​tagħmir u t-​taħriġ, is-​suċċess taʼ l-​armata Rumana kien jiddependi minn kemm is-​suldati kienu jobdu l-​kmandant tagħhom. Bl-​istess mod, il-​Kristjani jridu jobdu lil Ġesù Kristu, li l-​Bibbja ssejjaħlu “kmandant tal-​popli.” (Isaija 55:4, KŻ) Hu wkoll il-​kap tal-​kongregazzjoni. (Efesin 5:23) Ġesù jagħtina istruzzjonijiet għall-​gwerra spiritwali tagħna u jipprovdilna eżempju perfett taʼ kif nilbsu l-​armatura spiritwali. (1 Pietru 2:21) Ladarba l-​personalità bħal taʼ Kristu hi simili ħafna għall-​armatura spiritwali tagħna, l-​Iskrittura tagħtina l-​parir biex ‘narmaw’ lilna nfusna bl-​istess ħsieb, jew dispożizzjoni mentali, taʼ Kristu. (1 Pietru 4:1) Hekk kif nanalizzaw kull parti taʼ l-​armatura spiritwali tagħna, se nużaw l-​eżempju taʼ Ġesù biex nuru kemm din hi importanti u effettiva.

Protezzjoni għall-​Ġenbejn, is-​Sider, u r-​Riġlejn

4. Għalxiex kien jiswa lħżiem fl-​armatura taʼ suldat, u taʼ xiex jagħti stampa?

4 Ġenbejn imħażżmin bil-​verità. Fiż-​żminijiet Bibliċi, is-​suldati kienu jilbsu ċinturin, jew ħżiem, tal-​ġilda li kien ikun wiesaʼ minn ħamsa sa ħmistax-il ċentimetru. Xi tradutturi jissuġġerixxu li dan il-​vers għandu jinqara, “bil-​verità bħal ċinturin issikkat madwar qaddek.” Iċ-​ċinturin tas-​suldat kien jgħin biex jipproteġilu ġenbejh, u kellu post konvenjenti fejn tiddendel ix-​xabla. Meta suldat kien iħażżem ġenbejh, hu kien ikun qed ilesti għall-​battalja. Pawlu uża ċ-​ċinturin tassuldat biex juri sa liema punt għandha tinfluwenzalna ħajjitna l-​verità Skritturali. B’mod figurattiv, iċ-​ċinturin għandu jkun issikkat magħna sabiex ngħixu fi qbil mal-​verità u nkunu nistgħu niddefenduha f’kull okkażjoni. (Salm 43:3; 1 Pietru 3:15) Għal dan l-​għan, irridu nistudjaw il-​Bibbja b’mod ħabrieki u nimmeditaw dwar dak li tgħid. Ġesù kellu l-​liġi t’Alla ‘ġewwa qalbu.’ (Salm 40:9 [40:8, NW]) Għalhekk, meta l-​opponenti tiegħu kienu jistaqsuh xi ħaġa, Ġesù setaʼ jweġibhom billi jikkwota l-​Iskrittura bl-​amment.—Mattew 19:3-6; 22:23-32.

5. Spjega kif il-​pariri tal-​Bibbja jistgħu jgħinuna meta nkunu għaddejjin minn xi prova jew waqt xi tentazzjoni.

5 Meta nħallu l-​verità tal-​Bibbja tiggwidana, din tistaʼ tipproteġina minn raġunament falz u tgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Waqt xi tentazzjoni jew meta nkunu għaddejjin minn xi prova, il-​gwida tal-​Bibbja se ssaħħilna d-​determinazzjoni tagħna biex nagħmlu dak li hu sewwa. Hu bħallikieku qed naraw l-​Istruttur Grandjuż tagħna, Jehovah, u minn warajna nisimgħu l-​kliem li jgħid: “Din hi t-​triq; għaddi minnha.”—Isaija 30:20, 21.

6. Il-​qalb figurattiva tagħna għala għandha bżonn il-​protezzjoni, u l-​ġustizzja kif tistaʼ tħarisha b’mod effettiv?

6 Kurazza tal-​ġustizzja. Il-​kurazza taʼ suldat kienet tipproteġi organu vitali, il-​qalb. Il-​qalb figurattiva tagħna—il-​persuna li aħna minn ġewwa—teħtieġ protezzjoni speċjali għax hi miġbuda lejn il-​ħażen. (Ġenesi 8:21) Għaldaqstant, irridu nsiru nafu u nħobbu l-​livelli ġusti u sewwa taʼ Jehovah. (Salm 119:97, 105) L-​imħabba tagħna għall-​ġustizzja twassalna biex niċħdu l-​mod kif tirraġuna d-​dinja li jinjora jew idgħajjef il-​gwida ċara taʼ Jehovah. Iktar minn hekk, meta nħobbu dak li hu ġust u sewwa u nobogħdu dak li hu ħażin, nevitaw li nkomplu ngħixu b’mod li jistaʼ jirvinalna ħajjitna. (Salm 119:99-101; Għamos 5:15) Ġesù hu eżemplari f’dan ir-​rigward, għax dwaru l-​Iskrittura tgħid: “Ħabbejt is-​sewwa u bgħadt il-​ħażen.”—Lhud 1:9.a

7. Is-​suldat Ruman għala kellu bżonn żarbun jew sandli tajjeb, u dan taʼ xiex jagħti stampa?

7 Riġlejn mixdudin bil-​ħeġġa taʼ l-​Evanġelju tas-​sliem. Is-​suldati Rumani kellhom bżonn żraben addattati jew sandlijiet b’saħħithom peress li, meta kienu jkunu f’xi kampanja militari, spiss kienu jimmarċjaw mat-​30 kilometru kuljum lebsin jew mgħobbijin b’xi 27 kilogramma t’armaturi u tagħmir. B’mod xieraq, Pawlu rrefera għal dak li kienu jxiddu f’saqajhom biex jirrappreżenta l-​ħerqa tagħna għall-​ippridkar tal-​messaġġ tas-​Saltna lil kulmin irid jismaʼ. Dan hu importanti, għax inkella n-​nies kif se jsiru jafu lil Jehovah jekk aħna ma nkunux lesti u ħerqanin li nippridkawlhom?—Rumani 10:13-15.

8. Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù bħala predikatur taʼ l-​aħbar tajba?

8 Liema kienet l-​iktar attività importanti fil-​ħajja taʼ Ġesù? Hu qal lill-​Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu: “Jien . . . ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” Ġesù ppriedka kulfejn sab lil xi ħadd lest li jismaʼ, u hu tant kien jieħu pjaċir bil-​ministeru tiegħu li kien jagħtih prijorità fuq il-​bżonnijiet fiżiċi. (Ġwanni 4:5-34; 18:37) Jekk aħna, bħal Ġesù, ħerqanin biex niddikjaraw l-​aħbar tajba, se nsibu ħafna opportunitajiet biex naqsmuha m’oħrajn. Barra minn hekk, il-​fatt li nkunu medhijin għalkollox bil-​ministeru tagħna se jgħinna nibqgħu b’saħħitna spiritwalment.—Atti 18:5.

It-​Tarka, l-​Elmu, u x-​Xabla

9. Is-​suldat Ruman xi protezzjoni kien ikollu b’tarka kbira?

9 It-​tarka kbira tal-​fidi. Il-​kelma Griega li hawnhekk hi tradotta “tarka” tirreferi għal tarka li kienet tkun kbira biżżejjed biex tgħatti kważi l-​ġisem kollu. Din kienet tipprovdi protezzjoni mill-​‘vleġeġ tan-​nar’ imsemmijin f’Efesin 6:16. Fiż-​żminijiet Bibliċi, is-​suldati kienu jużaw vleġeġ magħmulin minn qasab vojt li kien ikollhom reċipjenti żgħar tal-​ħadid u li setgħu jimtlew bin-​nafta taqbad. Ċertu studjuż jiddeskrivi dawn il-​vleġeġ bħala “armi mill-​iktar perikolużi fil-​gwerer tal-​qedem.” Kieku suldat ma kienx ikollu tarka kbira biex jipproteġi lilu nnifsu minn dawn il-​vleġeġ, setaʼ jiġi ferut serjament jew saħansitra maqtul.

10, 11. (a) Liema ‘vleġeġ tan-​nar’ mingħand Satana jistgħu jdgħajfulna l-​fidi tagħna? (b) L-​eżempju taʼ Ġesù kif juri l-​importanza tal-​fidi fi żminijiet taʼ prova?

10 Liema ‘vleġeġ tan-​nar’ juża Satana biex idgħajfilna l-​fidi tagħna? Hu jistaʼ jqajjem persekuzzjoni jew oppożizzjoni fil-​familja, fuq ix-​xogħol, jew fl-​iskola. Ix-​xewqa għal iktar u iktar affarijiet materjali u t-​tentazzjonijiet immorali wkoll taw prova taʼ kemm jistgħu jeqirdu l-​ispiritwalità taʼ xi Kristjani. Sabiex nipproteġu ruħna minn theddid bħal dan, irridu fuq kollox ‘nieħdu f’idejna t-​tarka [“kbira,” NW] tal-​fidi.’ Il-​fidi niksbuha billi nitgħallmu dwar Jehovah, nikkomunikaw miegħu regolarment permezz tat-​talb, u nifhmu kif jipproteġina u jberikna.—Ġożwè 23:14; Luqa 17:5; Rumani 10:17.

11 Meta kien fuq l-​art, Ġesù wera kemm hu importanti li jkollok fidi soda fi żminijiet kritiċi. Hu kien jafda għalkollox fid-​deċiżjonijiet taʼ Missieru u kien jitgħaxxaq jagħmel ir-​rieda t’Alla. (Mattew 26:42, 53, 54; Ġwanni 6:38) Saħansitra meta kien għaddej minn dwejjaq kbar fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, Ġesù qal lil Missieru: “Mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.” (Mattew 26:39) Ġesù qatt ma nesa kemm hu importanti li jżomm l-​integrità u jferraħ lil Missieru. (Proverbji 27:11) Jekk għandna fiduċja simili f’Jehovah, m’aħniex se nħallu l-​kritika jew l-​oppożizzjoni ddgħajfilna l-​fidi. Minflok, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ jekk nistrieħu fuq Alla, nuru mħabbitna lejh, u nżommu l-​kmandamenti tiegħu. (Salm 19:8-12 [19:7-11, NW]; 1 Ġwanni 5:3) L-​ebda rigal materjali jew pjaċir senswali mumentanju ma jistaʼ jitqabbel mal-​barkiet li Jehovah għandu maħżunin għal dawk li jħobbuh.—Proverbji 10:22.

12. L-​elmu figurattiv tagħna liema parti importanti jipproteġilna, u din il-​protezzjoni għala hija vitali?

12 L-​elmu tas-​salvazzjoni. Is-​suldat kien jilbes l-​elmu biex jipproteġi r-​ras u l-​moħħ—fejn jiġi proċessat l-​għarfien. It-​tama Kristjana tagħna hija mqabbla m’elmu għax tipproteġilna moħħna. (1 Tessalonikin 5:8) Għalkemm ġeddidna moħħna permezz taʼ l-​għarfien eżatt mill-​Kelma t’Alla, xorta waħda għadna bnedmin imperfetti u dgħajfin. Moħħna jistaʼ jitħassar faċilment. Il-​miri li tinkuraġġixxi din id-​dinja jistgħu jaljenawna jew saħansitra jieħdu post it-​tama li tana Alla. (Rumani 7:18; 12:2) Ix-​Xitan għalxejn ipprova jiżvija lil Ġesù billi offrielu “s-​saltniet kollha tad-​dinja u l-​glorja tagħhom.” (Mattew 4:8) Ġesù mill-​ewwel irrifjuta l-​offerta, u Pawlu qal hekk dwaru: “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu [Ġesù] ssaporta z-​zokk tat-​tortura, u ma qiesx l-​għajb, u qagħad bil-​qiegħda fuq il-​lemin tat-​tron t’Alla.”—Lhud 12:2, NW.

13. Kif nistgħu nżommu l-​fiduċja tagħna fit-​tama li għandna quddiemna?

13 Ix-​xorta taʼ fiduċja li kellu Ġesù ma kinitx waħda li ġiet mix-​xejn. Jekk nimlew moħħna bil-​ħolm u l-​miri li tinkuraġġixxi din id-​dinja minflok ma niffokaw fuq it-​tama li għandna quddiemna, il-​fidi tagħna fil-​wegħdi t’Alla tkompli tiddgħajjef. Maż-​żmien, nistgħu saħansitra nitilfu t-​tama tagħna kompletament. Mill-​banda l-​oħra, jekk nimmeditaw regolarment fuq il-​wegħdi t’Alla, se nkomplu nifirħu bit-​tama li għandna quddiemna.—Rumani 12:12.

14, 15. (a) X’inhi x-​xabla figurattiva tagħna, u kif nistgħu nużawha? (b) Agħti eżempju taʼ kif ix-​xabla taʼ l-​ispirtu tistaʼ tgħinna nirreżistu t-​tentazzjoni.

14 Ix-​xabla taʼ l-​ispirtu. Il-​kelma, jew messaġġ, t’Alla mniżżla fil-​Bibbja hi bħal xabla qawwija b’żewġt ixfar li tistaʼ tneħħi l-​qerq reliġjuż u tgħin lin-​nies taʼ qalb retta jiksbu l-​libertà spiritwali. (Ġwanni 8:32; Lhud 4:12) Ix-​xabla spiritwali tistaʼ wkoll tiddefendina mit-​tentazzjonijiet jew mill-​apostati li jipprovaw jeqirdulna l-​fidi tagħna. (2 Korintin 10:4, 5) Kemm aħna grati li ‘l-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tħejjina għal kull ħidma tajba’!—2 Timotju 3:16, 17.

15 Meta ġie ttantat minn Satana fix-​xagħri, Ġesù uża x-​xabla taʼ l-​ispirtu b’mod effettiv biex jiddefendi ruħu minn raġunament falz u tentazzjonijiet makakki. Għal kull tentazzjoni taʼ Satana, hu wieġeb: “Hemm miktub.” (Mattew 4:1-11) David, wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah fi Spanja, bl-​istess mod sab li l-​Iskrittura għenitu jegħleb it-​tentazzjoni. Meta kellu 19-il sena, mara żagħżugħa u attraenti li kienet taħdem miegħu fl-​istess kumpanija tat-​tindif stidnitu biex imur magħha. David ma tahiex wiċċ, u talab lil dak taʼ fuqu biex jibagħtu jaħdem f’post differenti sabiex ma terġax tinqalaʼ l-​istess sitwazzjoni. “Ftakart fl-​eżempju taʼ Ġużeppi,” qal David. “Hu warrab l-​immoralità u telaq minn fuq il-​post immedjatament. Jien għamilt l-​istess.”—Ġenesi 39:10-12.

16. Spjega għala għandna bżonn it-​taħriġ sabiex nimmaniġġaw sew il-​kelma tal-​verità.

16 Ġesù wkoll uża x-​xabla taʼ l-​ispirtu biex jgħin lil oħrajn jaħarbu minn taħt idejn Satana. “It-​tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi,” qal Ġesù, “imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 7:16) Sabiex ngħallmu bis-​sengħa kif għallem Ġesù, għandna bżonn it-​taħriġ. Rigward is-​suldati Rumani, il-​kittieb taʼ l-​istorja Lhudi Ġużeppi Flavju kiteb: “Is-​suldati kollha kienu jitħarrġu kuljum. Dan kienu jagħmluh b’mod ħabrieki ħafna, daqslikieku kienu fil-​gwerra, u għalhekk kienu kapaċi jifilħu l-​għeja tal-​battalja tant faċilment.” Fil-​gwerra spiritwali tagħna rridu nużaw il-​Bibbja. Iktar minn hekk, irridu ‘nagħmlu mill-​aħjar biex inġibu ruħna quddiem Alla bħala bnedmin li għaddejna mill-​prova, bħala ħaddiema li m’għandniex mniex nistħu, li [‘nimmaniġġaw sew,’ NW] il-​kelma tal-​verità.’ (2 Timotju 2:15) U kemm ikollna sodisfazzjon meta nużaw l-​Iskrittura biex inwieġbu l-​mistoqsijiet sinċieri li jagħmlilna xi ħadd interessat!

Itolbu Dejjem

17, 18. (a) It-​talb kif jgħinna nirreżistu lil Satana? (b) Agħti eżempju biex turi kemm jiswa t-​talb.

17 Wara li jikkunsidra l-​armatura spiritwali kollha kemm hi, Pawlu jagħti parir importanti ieħor. Sabiex jirreżistu lil Satana, il-​Kristjani għandhom jirrikorru għal “kull xorta taʼ talb.” Kemm-il darba? “Itolbu dejjem fl-​Ispirtu,” kiteb Pawlu. (Efesin 6:18) Meta niffaċċjaw xi tentazzjoni, prova, jew skuraġġiment, it-​talb jistaʼ jsaħħaħna immensament. (Mattew 26:41) Ġesù “offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-​dmugħ lil dak li setaʼ jsalvah mill-​mewt. U kien mismugħ minħabba fil-​qima tiegħu lejn Alla.”—Lhud 5:7.

18 Milagros ilha ’l fuq minn 15-il sena ddur b’żewġha li għandu marda kronika. Hi tgħid: “Meta nħossni skuraġġita, indur lejn Jehovah bit-​talb. Ħadd ma jistaʼ jgħinni iktar minnu. Veru, jiġu mumenti meta nħoss li ma niflaħx iktar. Imma kull darba, wara li nitlob lil Jehovah, nerġaʼ nissaħħaħ u nħossni aħjar.”

19, 20. X’għandna bżonn sabiex noħorġu rebbiħin fil-​ġlieda tagħna kontra Satana?

19 Ix-​Xitan jaf li ftit żmien baqagħlu, u qed iżid l-​isforzi tiegħu biex jirbaħna. (Apokalissi 12:12, 17) Aħna rridu nirreżistu lil dan l-​għadu qawwi u ‘nitqabdu t-​taqbida t-​tajba tal-​fidi.’ (1 Timotju 6:12) Dan jeħtieġ saħħa iktar min-​normal. (2 Korintin 4:7) Għandna bżonn ukoll l-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, u għalhekk għandna nitolbu għalih. Ġesù qal: “Jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-​Missier mis-​smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”—Luqa 11:13.

20 Jidher ċar li huwa essenzjali li aħna nilbsu l-​armatura kollha li jipprovdilna Jehovah. Dan jirrikjedi li aħna niżviluppaw kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, bħall-​fidi u l-​ġustizzja. Jirrikjedi wkoll li nħobbu l-​verità bħallikieku aħna mħażżmin biha, inkunu lesti biex naqsmu l-​aħbar tajba f’kull okkażjoni, u nżommu dejjem f’moħħna t-​tama li għandna quddiemna. Irridu nitgħallmu nużaw ix-​xabla taʼ l-​ispirtu bis-​sengħa. Billi nilbsu l-​armatura sħiħa t’Alla, nistgħu noħorġu rebbiħin fil-​ġlieda tagħna kontra l-​ispirti ħżiena u nistgħu verament inġibu glorja lill-​isem qaddis taʼ Jehovah.—Rumani 8:37-39.

[Nota taʼ taħt]

a Fil-​profezija taʼ Isaija, Jehovah innifsu hu deskritt bħala li hu ‘liebes il-​ġustizzja bħal kurazza.’ Għalhekk, hu jirrikjedi li l-​indokraturi tal-​kongregazzjoni jimxu bil-​ġustizzja u jaġixxu sewwa.—Isaija 59:14, 15, 17.

Int Kif Twieġeb?

• Min jagħtina l-​aqwa eżempju taʼ kif nilbsu l-​armatura spiritwali, u għala għandna nikkunsidraw l-​eżempju tiegħu bir-​reqqa?

• Kif nistgħu nipproteġu moħħna u l-​qalb figurattiva tagħna?

• Kif nistgħu nsiru tas-​sengħa f’li nimmaniġġaw ix-​xabla taʼ l-​ispirtu?

• Għala għandna nitolbu dejjem?

[Stampi f’paġna 17]

Studju tal-​Bibbja b’mod ħabrieki jistaʼ jimmotivana biex inxandru l-​aħbar tajba f’kull okkażjoni

[Stampi f’paġna 18]

It-​tama ċerta tagħna tgħinna niffaċċjaw il-​provi

[Stampi f’paġna 19]

Tużaha int “ix-​xabla taʼ l-​Ispirtu” fil-​ministeru?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja